Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR DOLORES CRISTINA, MINISTRU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETA’ SOĊJALI, WAQT SEMINAR ORGANIZZAT MINN ‘DAR GUZEPPA DEBONO’ GĦAWDEX U KUMMISSJONI DJOCESANA ŻGĦAŻAGĦ MALTA “IS-SESSWALITA’ U L-BIDU TAL-ĦAJJA TAL-BNIEDEM” – PACEVILLE - 12 TA’ FRAR 2

PR0208
Date Icon 12/02/2005

Din is-sena qegħdin niċċelebraw għat-tieni darba Jum il-Ħajja f’Malta. Hija drawwa sabiħa li l-ħbieb tagħna l-Għawdxin ilhom ifakkruha sa minn meta, 18-il sena ilu, infetħet Dar Ġużeppa Debono li hija mmexxija minn Maria Attard. Dan il-jum jagħtina l-okkażjoni li niċċelebraw il-ħajja fis-sens wiesgħa tagħha - mill-bidu nett fil-ġuf ta’ l-omm, matul it-tfulija, iż-żgħożija u l-kumplament tal-ħajja.  

Dan is-seminar qiegħed jindirizza l-bidu tal-ħajja u r-rabta mas-sesswalita’ tal-bniedem.  

Tajjeb li forsi wieħed jagħmel differenza bejn is-sess u s-sesswalita’.  Is-sess nitwieldu bih: tifel jew tifla.  Matul it-tfulija, is-sesswalita’ ta’ l-individwu hija espressa skond il-kultura li jitrabba fiha.  Hekk, per eżempju fil-kultura tagħna, tifel aktarx iżomm xagħru qasir, jilbes qalziet u jilgħab il-futbol.  Tifla, aktarx iżżomm xagħarha twil, tilbes dublett u forsi titghallem il-ballet.  B’dawn il-modi ta’ ilbies, logħob, imġiba, is-soċjeta’ tagħna bħal titfa timbru fuq l-individwu biex jingħaraf skond is-sess tiegħu.  Iż-żmien tat-tfulija fi ħdan il-kultura tal-pajjiż huwa preparament għar-rwol kumplemantari, li l-ġuvni u x-xebba jridu jwettqu matul l-adolexxenza u aktar tard bħala raġel u mara.  

Matul l-adolexxenza l-linja ta’ firda bejn is-sessi ma tibqax daqshekk ċara f’dik li hija moda ta’ xagħar, ilbies u stil ta’ ħajja.  Iżda d-differenzi fiżiċi u psikoloġiċi huma aktar evidenti u jibdew joqorbu aktar lejn dawk ta’ l-adulti.  Aktar ma l-individwu joqrob lejn id-dinja ta’ l-adult, jibdew jitilgħu fil-wiċċ preokkupazzjonijiet dwar l-istudju u d-dinja tax-xogħol, dwar sa fejn għandhom iwasslu r-relazzjonjiet ta’ bejniethom u tħassib dwar il-kapacita’ u l-potenzjal tat-tnissil ta’ l-ulied. Meta mqabbla ma’ ftit ta’ snin ilu, illum nistgħu ngħidu li ż-żgħorija u ż-żgħożija twalu ħafna.  Il-maġġoranza taż-żgħażagħ idumu sa 20 jew 24 sena qabel jaħsbu għal responsabbiltajiet ta’ familja.  Din l-estenzjoni taż-żgħożija tista’ sservi biex issaħħaħ il-maturita’ li biha persuna tidħol għall-piżijiet ġodda, iżda tista’ sservi ukoll ta’ xkil u frustrazzjoni, speċjalment fejn jidħlu relazzjonijiet bejn is-sessi.  

Illum huwa fatt magħruf li t-tqala qabel iż-żwieġ, speċjalment fost adolexxenti qegħda tiżdied.  Qed jiżdiedu wkoll s-separazzjonijiet bejn koppji żgħażagħ.  Dawn il-fatturi jġiegħlu wieħed jitħasseb dwar id-dinjita’ xierqa li għanda tkun marbuta mas-sesswalita’ taż-żgħażagħ.    

Dan qed iseħħ minkejja li f’Malta żviluppajna edukazzjoni liberali f’dan il-qasam.  Fil-fatt, fl-iskejjel tagħna, is-sess u s-sesswalita’ m’għadhomx jitqiesu bħala “taboo” iżda jifformaw parti integrali minn suġġetti varji bħal Bijoloġija, Studji Socjali, Personal Social Development u Studji Reliġjużi.   

Fil-kultura Maltija, anke f’korsijiet ta’ preparament għaż-żwieġ immexxija minn għaqdiet fi ħdan il-knisja, jiġu mgħallma u diskussi metodi dwar it-tnissil.  Fid-dinja tal-lum, bl-avvanzi kbar li ta’ kuljum jiġu mħabbra fid-dinja tax-xjenza, is-sesswalita’ jew orjentament sesswali, kif ukoll is-sess marbut mat-tnissil tal-ħajja, qed jieħdu xejriet li żgur qatt ħadd ma kien jipprevedi sa 20 sena ilu.  Il-pass mgħaġġel ta’ dawn l-iskoperti, li minnhom infushom jistgħu jaffetwaw mhux biss l-aspett fiżiku tat-tnissil tal-ħajja, iżda ukoll jiftħu orizzonti ġodda ta’ kif nifhmu u napprezzaw id-dinjita’ tal-bniedem, qed joħolqu sfidi ġodda għal min imexxi l-pajjiż.   

Qed jinħolqu sitwazzjonijiet ta’ possibiltajiet li mhux faċli li taqta’ linja dritta dwarhom. Fil-perspettiva ta’ dan kollu, ħafna jistgħu jħossuhom mħawwdin.  U meta l-bniedem jħossu mħawwad naħseb li tajjeb li jieħdu bħala gwida uħud mill-prinċipji li dejjem mexxewh matul is-sekli, dawk l-valuri li bihom issawret is-soċjeta’ tagħna.   

L-ewwel prinċipju huwa li kull ħajja mnissla jixirqilha r-rispett u d-dinjita’ ta’ bniedem  sa mill-bidu tagħha.  Dan għandu jgħodd kemm għall-mod li bih il-ħajja tiġi mnissla kif ukoll għall-mod kif din il-ħajja tiġi ndokrata sakemm titwieled.  Għalhekk il-mara tfittex li ssostni lilha nfisha fiżikament billi tiekol sew, billi tevita sustanzi li jistgħu ikunu ta’ ħsara, billi tuża l-faċilitajiet mediċi ħalli twassal lit-tarbija għat-twelid bl-aqwa mod possibli. Ir-raġel iħoss l-obbigu li jappoġġa lill-mara u li jgħożż u jirrispetta l-ħajja li tinsab f’ġufha.  

It-tieni prinċipju huwa li t-tnissil tal-ħajja tal-bniedem għandu jsir f’għaqda ta’ mħabba bejn raġel u mara miżżewġin.  Dan huwa l-aktar mod preferut kif is-soċjeta’ tiżgura trobbija ta’ ċittadini sani.   Il-Gvern jipprovdi għajnuna f’dan il-qasam sabiex il-familja jkollha kemm jista’ jkun sapport. Hemm, per eżempju, l-Agenzija Appogg li toffri għajnuna lil min għandu diffikulta’ fit-tqala u tmexxi programmi, bħal Ulied Darna, li joffru sapport lill-ġenituri sabiex irabbu lill-uliedhom aħjar. Hemm ukoll servizzi ta’ terapija għall-familja u servizzi oħra biex jgħinu l-familja tipprevjeni jew tilqa’ għal żminijiet ta’ diffikulta’. L-Agenzjija sedqa għandha wkoll programmi edukattivi li għandhom iservu bħala mezz ta’ prevenzjoni ta’ problemi li niltaqgħu magħhom f’dawn iż-żminijiet.   

Isiru sforzi speċjali biex il-familja tibqa’ l-benniena ta’ l-ulied, anke fost d-diffikultajiet. Għalhekk nippruvaw kemm jista’ jkun nevitaw li t-tfal jittrabbew fl-istituzzjonijiet. L-Agenjiza Appoġġ għandha program ta’ fostering fejn t-tfal jitilgħu f’ambjent ta’ familja sakemm ikunu jistgħu jerġgħu jingħaqdu mal-ġenituri tagħhom. Hawnhekk nixtieq nirringrazzja lill-foster carers tal-ġid li jagħmlu mat-tfal u mas-soċjeta’ in ġenerali.        

It-tielet prinċipju huwa li kull persuna mwielda tingħata l-imħabba, l-attenzjoni, il-kura, u l-edukazzjoni li huma meħtieġa biex tgħix, tikber, u tiżviluppa t-talenti tagħħa u tagħmel parti sħiħa mis-socjeta’ fejn tgħix.    Dan il-prinċipju jħares aktar ‘il bogħod mill-ġuf u mit-twelid.  Dan huwa l-obbligu mhux biss tal-familja, iżda huwa dmir tas-socjeta’ in generali.  Biex jitwettaq dan il-prinċipju kulħadd irid jerfa’ r-responsabbilta’ skond ir-rwol li għandu.  Hekk il-Gvern jgħin permezz ta’ leġiżlazzjoni u servizzi, l-qrati permezz ta’ l-infurzar tal-liġi, Il-ġenituri u l-familja estiża bħala dawk li jħarsu lit-tfal, l-għalliema bħala edukaturi,u l-ġirien bħala sosten pożittiv tal-familji u ta’ l-ambjent soċjali.  

Hawn Malta, ftit għandna diverġenzi dwar is-sesswalita’, l-imġiba sesswali, it-tnissil tal-ħajja, il-valuri fi fihom għandhom jittrabbew it-tfal fi ħdan il-familja, u l-importanza tad-dinjita’ li għandha tingħata lill-bniedem sa mill-konċepiment. Madanakollu, filwaqt li nħoss li kull soċjeta’ għandha f’għeruqha t-twemmin fondamentali tagħha u li dawn il-prinċipji għandhom jiggwidawna, naħseb li għandna nżommu ruħna miftuħin għal żviluppi ġodda filwaqt li nirrispettaw opinjonijiet diversi minn tagħna.  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow