SALA TAL-ĠINEKOLOĠIJA ĠDIDA FL-ISPTAR ĠENERALI T’GĦAWDEX
Parti mis-Sala tal-Maternita’ fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex bħalissa għaddejja minn fażi intensiva ta’ xogħlijiet, peress li fiha ser tinħoloq Sala ġdida tal-Ġinekoloġija. Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono dalgħodu żaret din is-sala li x-xogħol fiha wasal lejn tmiem l-ewwel fażi tiegħu.
Is-Sala tal-Maternita’ kif kienet sa issa, kien fiha tqassim ta’ spazju mhux adegwat għaż-żminijiet ta’ llum. Għalhekk, sar disinn mill-ġdid ta’ din is-sala biex hawnhekk seta’ jsir użu aħjar ta’ l-ispazju disponibbli u b’hekk tinħoloq sala oħra ġdida għall-użu minn pazjenti b’każijiet ġinekoloġiċi. Is-sala l-ġdida tal-Ġinekoloġija ser ikollha entratura separata minn dik tal-Maternita’ u fiha kapaċita’ ta’ massimu 10 pazjenti.
Dan il-proġett, li jinkludi l-ħolqien ta’ din is-sala flimkien ma’ modernizzar tas-Sala tal-Maternita’ u tad-Doctors’ Quarters, tqassam f’żewġ fażijiet. Bħalissa qiegħed jersaq lejn tmiemu x-xogħol meħtieġ fl-ewwel fażi, jiġifieri f’nofs l-area involuta. Malli titlesta l-ewwel fażi, isir trasferiment tal-pazjenti tal-maternita’ fil-parti modernizzata u jibda l-istess proċess ta’ xogħlijiet fil-parti tas-sala li qed tintuża preżentament.
Ix-xogħlijiet li saru f’din is-sala kienu jikludu dawk ta’ twaqqiegħ ta’ ħitan, mogħdija mill-ġdid tas-servizzi kollha, bdil ta’ piping, tas-suffitt u tal-linoleum, xogħlijiet ta’ finishing u, fil-ġimgħat li ġejjin, l-istallazzjoni ta’ bed rails ġodda li jkunu mgħammra b’faċilitajiet moderni għall-użu mill-pazjenti. L-ewwel fażi tal-proġett mistennija titlesta f’April biex imbagħad ikun jista’ jibda x-xogħol fuq it-tieni fażi. Dan il-proġett qiegħed isir b’investiment ta’ madwar Lm80,000.
It-twaqqif tas-Sala tal-Ġinekoloġija flimkien ma’ l-immodernizzar tas-Sala tal-Maternita’ u tad-Doctors’ Quarters huwa proġett ieħor li qed isir mill-Ministeru għal Għawdex sabiex l-Isptar Ġenerali t’Għawdex joffri l-aħjar faċilitajiet possibbli għall-pazjenti residenti f’Għawdex. Matul dawn l-aħħar snin, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex kien priorita’ fil-ħidma ta’ din l-amministrazzjoni. Twettqu xogħlijiet intensivi ta’ modernizzar fid-Dipartiment ta’ l-Emerġenza, l-Out Patients, is-Swali Ġenerali tan-Nisa, Irġiel u Rġiel anzjani, Residenza Sant’Anna u s-Sala tal-Pedjatrija (bl-għajnuna ta’ Daniel Delicata Memorial Foundation), Operating Theatre, id-Dipartiment tal-Medical Records u l-ftuħ ta’ l-ewwel Renal Unit, Isolation Unit, Central Sterile Supplies Department u l-introduzzjoni ta’ numru ta’ servizzi mediċi ġodda.
Fl-okkażjoni ta’ llum ukoll, fejn qed jitfakkar Jum il-Morda, imwaqqaf fl-1993 mill-Papa, il-Ministru għal Għawdex żaret lill-pazjenti kollha rikoverati fl-isptar.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946