Left arrow Go Back

JITWAQQAF KUNSILL TA’ L-EDUKAZZJONI U TAĦRIĠ VOKAZZJONALI GĦAL GĦAWDEX

PR0204
Date Icon 11/02/2005

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, ħatret il-membri l-ġodda tal-Kunsill ta’ l-Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali għal Għawdex għas-snin 2004-2007.  Fil-laqgħa inawgurali, il-Ministru Debono ntroduċiet l-għanijiet li għalihom qiegħed jerġa’ jitwaqqaf dan il-bord konsultattiv u fuq x’hiex għandu jiffoka l-ħidma tiegħu.

Hija qalet li dan il-kunsill għandu jħares lejn l-oqsma ta’ l-edukazzjoni u taħriġ fl-isfond ta’ Malta bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari, lejn il-Proċess ta’ Lisbona u kif dan japplika għall-bżonnijiet speċjali ta’ Għawdex. Dan il-Proċess jipprevedi li jintlaħqu diversi miri mill-pajjiżi membri sas-sena 2010, bħar-rata ta’ studenti li ma jkomplux jistudjaw wara li jagħlqu s-sittax, in-numru ta’ gradwati fix-xjenzi u t-teknoloġija, il-livell tal-qari, u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-edukazzjoni tul il-ħajja.

Il-Ministru Debono saħqet fuq l-importanza tal-kordinament tad-diversi opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ vokazzjonali li jeżistu f’Għawdex u li dawn għandhom, kemm jista’ jkun, jirriflettu l-bżonnijiet ta’ l-industrija f’Għawdex għall-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli f’Għawdex; filwaqt li jinżammu l-miri tal-Pjan ta’ Żvilupp Ekonomiku u Soċjali għal Għawdex għas-snin 2005-2010.

Hija ħeġġet lill-membri kollha sabiex flimkien jaslu għal suġġerimenti ta’ proposti u miżuri li permezz tagħhom jintlaħqu l-oġġettivi li qiegħdin nimmiraw għalihom.

Dan il-Kunsill għandu lil Prof. Lino Briguglio u Gordon Cordina bħal Co-chairpersons. Il-membri tal-Kunsill huma: l-Assistent Direttur ta’ l-Edukazzjoni f’Għawdex, il-Manager ta’ l-MCAST f’Għawdex, il-Kap ta’ l-Iskola Post Sekondarja f’Għawdex, il-Kap taċ-Ċentru ta’ l-Arti u l-Artiġġjanat, flimkien ma’ rappreżentanti tal-Ministeru għal Għawdex, tal-Kamra tan-Negozju għal Għawdex, ta’ l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, tal-Kooperattivi Agrikoli, tat-Taqsima Snajja’ tal-Kamra tan-Negozju għal Għawdex, ta’ l-ETC, tal-Kunsilli Lokali u ta’ l-Adult Training Centre.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow