BINI TA’ SIT GĦALL-IKKAMPJAR ĠEWWA GĦAJN TUFFIEĦA
“Jinsab fi stadju avvanzat il-proġett ta’ bini ta’ sit ta’ ikkampjar f’Għajn Tuffieħa. Dan ix-xogħol qiegħed jitwettaq mit-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru tieghi, u huwa ttamat li jintemm sa l-aħħar ta’ Mejju 2005.” Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Ninu Zammit waqt żjara li għamel fuq dan il-proġett.
Dan is-sit ta’ ikkampjar se jkun jista’ jakkomoda sa 3,500 persuna kemm f’kampijiet kif ukoll f’caravans u se jkopri area ta’ 64,000 metru kwadru. Qed isir xogħol sabiex dan is-sit ikun fih provvista ta’ elettriku, ilma, drenaġġ u sistema ta’ stormwater collection. Dan il-proġett jinkludi wkoll bini ta’ faċilitajiet sanitarji, anfiteatru li jesa’ 450 ruħ u ground tal-football.
Is-sistema ta’ stormwater collection se tippermetti li l-ilma tax-xita jinġabar minn fuq pavimentar u bjut sabiex ikun jista’ jintuża għal tisqija ta’ siġar u pjanti li se jitħawwlu fil-post. Sabiex jilqa’ dan l-ilma, inbena ġibjun li jesa’ madwar 440,000 gallun ta’ ilma. Fuq il-wiċċ tal-ġibjun se jitqiegħed pavimentar sabiex din iż-żona tkun tista’ tintuża għal attivitajiet soċjali u kulturali.
Wara li fl-2004 il-proġett ta’ Dawret il-Gżejjer f’Buġibba kien ikkaratterizzat minn bini ta’ ħitan tas-sejjieħ, din il-karatteristika nsibuha wkoll f’dan il-proġett. Għaldaqstant qegħdin jinbnew ħitan tas-sejjieħ permezz ta’ ġebel li kien hemm fuq il-post. Barra minn hekk, il-blat li kien tfarrak sabiex jitħaffer il-ġibjun ukoll qed jintuża fil-bini tal-ħitan tas-sejjieħ.
Il-ħamrija li kien hemm fil-post ukoll qed tintuża. Inbnew planters apposta li se jiġu mħawwla b’siġar ndiġeni fosthom żebbuġ, prinjol, ħarrub, ballut, ‘Judas’ Trees’ kif ukoll siġar ta’ l-għargħar, fost l-oħrajn. Il-Ministru Zammit qal li b’kollox se jitħawwlu madwar 650 siġra u 800 xitla u pjanti oħra.
Parti sostanzjali mill-proġett qed jitwettaq minn ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura. Il-Perit Ninu Zammit semma li għadu kif spiċċa wkoll xogħol ta’ tisbiħ fil-pjazza tal-Mellieħa u nbdiet it-tieni fażi tax-xogħol fuq il-promenade tax-Xemxija.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946