Left arrow Mur Lura

NEGOZJI ŻGĦAR FIL-MANIFATTURA SER ISAĦĦU L-ABILTA’ KOMPETITTIVA TAGĦHOM BL-INIZJATTIVA TAL-GVERN LI SER IŻID ĠRANET TAX-XOGĦOL

PR0199
Date Icon 09/02/2005

“Id-deċiżjoni tal-Gvern li, permezz ta’ emenda għall-Artiklu 6 ta’ l-Att dwar il-Festi Nazzjonali u Btajjel Pubbliċi, f’pajjiżna ser jiżdiedu l-ġranet tax-xogħol, ser tgħin biex tissaħħaħ l-abilta’ kompetittiva ta’ ħafna negozji żgħar tagħna.  Permezz ta’ din l-inizjattiva li qed jieħu l-Gvern, bosta negozji żgħar fil-manifattura u t-turiżmu li jħaddmu wkoll numru żgħir ta’ ħaddiema ser jaraw l-abilta’ kompetittiva tagħhom tissaħħaħ, u hekk tkun garantita l-vijabbilita’ ta’ l-istess negozji.  Minn din l-inizjattiva l-iżjed li ser igawdu huma l-ħaddiema ta’ dawn in-negozji, għaliex b’inizjattiva bħal din, in-negozji li fihom jaħdmu ser ikunu mgħejjuna jżidu l-volum ta’ xogħol fuq dak li kien isir fis-snin ta’ qabel.”  Dan kien diskors li ntqal mis-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo meta kien qiegħed iżur numru ta’ negozji fejn ġiet ukoll diskussa din l-inizjattiva.  F’dawn il-laqgħat il-ħaddiema wkoll fehmu li din l-inizjattiva ma kienetx ser tkun qed iżżid piż ġdid fuqhom, iżda tassigura l-impjieg tagħhom.  Kumment ta’ ħaddiema f’negozju partikolari kien: “aħjar jumejn xogħol aktar milli nispiċċaw bil-leave għal dejjem”.  Kummenti oħra kienu “ladarba pajjiżi oħra qegħdin jagħmlu hekk, jekk irridu nikkompetu rridu nagħmlu hekk aħna wkoll.”

Is-sidien tan-negozji fejn saru ż-żjajjar ikkummentaw li “Dak li huwa ta’ ġid għan negozju huwa wkoll ta’ ġid għall-ħaddiem, għaliex fiż-żminijiet ta’ llum, in-negozji huma tal-ħaddiema daqs kemm huma tas-sidien”.

Is-Segretarju Parlamentari kkummenta wkoll li inizjattiva bħal din m’hijiex ser tkun ta’ għajnuna biss għan-negozji kbar iżda wkoll għal negozji żgħar li jħaddmu numru żgħir ta’ ħaddiema.  Permezz ta’ din l-inizjattiva, in-negozji fil-manifattura u t-turiżmu ser ikunu mgħejjuna jnaqqsu l-ispejjeż tan-negozji tagħhom, ladarba issa l-ispejjeż ta’ l-investiment kapitali tan-negozji ser jinqasam fuq iżjed ġranet milli kien isir fis-snin li għaddew.”

L-Onor. Vassallo temm il-kummenti tiegħu permezz ta’ appell: “hemm bżonn li iżjed sidien ta’ negozji żgħar jaħdmu id f’id mal-ħaddiema tagħhom, jirrispettaw il-ħaddiema tagħhom, filwaqt li wasal l-istess appell lill-ħaddiema biex huma jagħtu aktar attenzjoni għall-ħidma li jkunu qed iwettqu u jaraw li jagħtu kull attenzjoni għall-kunċett ta’ kwalita’. Iżjed ma jsir xogħol tajjeb, iżjed jitnaqqsu l-ispejjeż tan-negozji tagħna.  In-negozji huma tal-ħaddiema daqs kemm huma tas-sidien, u għalhekk din l-inizjattiva ma għandhiex tinftiehem daqs li kieku hija inizjattiva favur is-sid u kontra l-ħaddiema, iżda hija inizjattiva li tgħin lil kull impriża kbira u żgħira tirnexxi u tagħmel il-qliegħ.  Negozji li ma jagħmlux qliegħ huma negozji falluti li ma jħallsux pagi tal-ħaddiema.  Din l-inizjattiva hija għalhekk inizjattiva favur ix-xogħol u t-tisħieħ tal-kompetittivita’ tan-negozji tagħna.”  L-Onor. Vassallo temm il-kummenti tiegħu b’dawn il-kliem: “Din l-inizjattiva li intom qed tifhmu l-ħtieġa tagħha hija inizjattiva li tagħmel in-negozji tagħna kompetittivi. Pajjiżna jkun kompetittiv kemm-il-darba n-negozji tagħna jkunu kompetittivi u għalhekk kull min huwa favur it-tisħiħ tal-postijiet tax-xogħol tagħna kif ukoll irid jara impjiegi ġodda jkunu maħluqa, għandu jgħin biex din l-inizjattiva tkun suċċess.”

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow