ID-DRITTIJIET TAS-SIGURTÀ SOĊJALI FIL-PAJJIŻI MEMBRI TA’ L-UNJONI EWROPEA: KTEJJEB BL-INFORMAZZJONI SE JINTBAGĦAT F’KULL DAR
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Dolores Cristina, illum nediet ktejjeb ta’ informazzjoni utili għaċ-ċittadin biex isir jaf id-drittijiet tiegħu tas-sigurtà soċjali fil-Pajjiżi Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.
“ Meta pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini Maltin saru wkoll ċittadini Ewropej. Għaldaqtstant, dħalna ġewwa komunità ta’ nazzjonijiet fejn min irid iżur, jaħdem, jew anke jgħix f’pajjiżi Ewropej isibha aktar faċli. Dawn il-pajjiżi iżda għandhom sistemi ta’ sigurtà soċjali li jistgħu jkunu differenti ħafna minn tagħna u minn ta’ xulxin,” qalet il-Ministru Cristina.
Fuq inizjattiva ta’ dan il-Ministeru, il-Parlament Ewropew aċċetta li joffri l-fondi biex jiġu ppublikati mal-170,000 kopja tal-ktejjeb. Din il-pubblikazzjoni maħruġa mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tispjega b’mod li jinftiehem x’inhuma d-drittijiet u anke l-obbligazzjonijiet taċ-ċittadini. Din il-gwida għandha sservi biex meta persuna tkun qed tgħix, anke għal żmien temporanju, f’xi pajjiż ieħor ta’ l-Unjoni, tkun tista’ tkun taf aħjar x’għandha tagħmel. Kull dar f’Malta u Għawdex se tirċievi kopja ta’ dan il-ktejjeb.
L-għan m’huwiex li d-dispożizzjonijiet tal-Komunità Ewropea dwar is-sigurtà soċjali jsiru l-istess fil-pajjiżi kollha, iżda li xorta waħda jassiguraw li persuna ma titlifx id-drittijiet tagħha tas-sigurtà soċjali meta tiċċaqlaq minn pajjiż għall-ieħor. Iċ-ċittadini għandhom numru ta’ drittijiet, kif spjegat f’din il-gwida, bħal meta jkunu qed jaħdmu anke għal żmien qasir fi Stat ieħor, jew meta jkunu pensjonanti, studenti jew anke turisti f’xi pajjiż ieħor ta’ l-Unjoni.
Il Ministru qalet li l-Unjoni Ewropea tgħin liċ-ċittadini ta’ l-iStati Membri tagħħa bl-informazzjoni meħtiega sabiex ikunu jistgħu dejjem aktar jipparteċipaw f’din il-Komunità. Hija rringrazzjat lir-Rappreżentanza tal-Parlament Ewropew u lil (MIC) Malta-EU Information Centre li għamluha possibli li tinħareg din il-gwida.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946