BIEX IT-TARZNA TFENDI, HEMM ĦTIEĠA LI NKUNU KOMPETITTIVI
Ir-riżultati finanzjarji tal-Malta Shipyards Ltd. kif ukoll il-qagħda preżenti fit-Tarzna kienu s-suġġett ta’ Konferenza Stampa li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija tal-Informazzjoni, l-Onor. Austin Gatt, miċ-Chairman tal-Kumpanija, is-Sur John Cassar White u mill-Kap Eżekuttiv, is-Sur Peter Moore.
Il-Ministru Austin Gatt esprima s-sodisfazzjon tiegħu li minkejja l-problemi li kienet qed tiffaċċja t-Tarzna, problemi kkawżati minn numru zgħir ta’ ħaddiema, il-miri finanzjarji għas-sena li għaddiet, mhux biss intlaħqu iżda nqabżu. Madankollu, l-Ministru Gatt kien ċar li l-azzjonijiet industrijali tal-ġimgħa li għaddiet għamlu ħsara kbira lit-tarzna.
Il-Ministru Gatt fisser li l-fatt li t-Tarzna kienet qed tippjana, skond il-qbil ma’ l-Unjoni Ewropea, li titlef 11-il miljun u fil-fatt tilfet 9.5 miljun lira, jfisser li kulħadd, management, marketing team, il-maġġoranza tal-ħaddiema u l-GWU, ġibdu ħabel wieħed. Madankollu dawn ir-riżultati setgħu kienu ħafna aħjar li kieku l-mentalità li għada teżisti minn gruppi żgħar ta’ ħaddiema, ma mpedewx li nofs ir-riformi maqbulin bil-miktub bejn il-Gvern u l-Union fit-Tarzna, ma jiġux implimentati.
Il-Ministru Gatt spjega li r-realtà fit-tarzna hija li jew inkunu kompetittivi, inkella s-sidien tal-vapuri m’humiex ġejjin Malta. Huwa importanti li kulħadd jifhem li biex inkunu kompetittivi rridu nagħmlu l-almu tagħna mhux biss biex inbiegħu iktar, iżda rridu nbiddlu l-mentalita’, u ngħollu l-livell ta’ produzzjoni tagħna. Jekk dan il-punt mhux ser jiġi mifhum minn kulħadd, it-Tarzna ma tfendix bil-kompetizzjoni li għandha llum.
Huwa fisser l-azzjonijiet li ttieħdu il-ġimgħa l-oħra bħala sfortuna. Huwa fakkar li fl-4 ta’ Novembru 2003 kien ġie ffirmat ftehim kollettiv wara ħafna diskussjonijiet ma’ dawk kollha nvoluti.
Fl-14 ta’ Jannar 2004 kien hemm bidla sħiħa fit-Taqsima Metall u Kostruzzjoni tal-GWU, fejn daħlet tmexxija ġdida b’ħafna wegħdiet li ser jinbidel il-ftehim kollettiv milħuq u miftiehem u li kien approvat mill-ħaddiema kollha.
Fid-29 ta’ Jannar 2004, il-Gvern irċieva talba mingħand it-tmexxija l-ġdida tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni tal-GWU, u minn dak in-nhar kien hemm madwar seba’ okkażjonijiet ta’ waqfien (uħud uffiċjali u wħud mhux uffiċjali) mill-ħaddiema.
Fi Frar 2004 il-Gvern irrisponda li lest jiddiskuti, b’pożizzjoni ċarissima: “Dak li hemm miktub fil-ftehim kollettiv mhux ser jinbidel, iżda l-Gvern kien lest li jittratta biss fuq affarijiet li jeħtieġu kjarifika jew affarijiet li tħallew barra.” Dawn id-diskussjonijiet bdew ftit taż-żmien wara, u sa’ l-aħħar ta’ Diċembru li għadda, ntlaħaq ftehim fuq 15-il punt differenti.
Dawn kienu:
1. Unplanned Night Shift
2. Xogħol fit-tmiem il-ġimgħa mis-supervisors u foreman
3. Ħlas fil-festi pubbliċi
4. Arranġament tal-gradi wara r-ristrutturar
5. Travelling Parties
6. Vjaġġar barra l-pajjiż fuq-xogħol
7. Siegħat minimi ta’ Overtime
8. L-użu ta l-uffiċċju tal-Union fit-Tarzna
9. Siegħat tax-xogħol tal-ħaddiema amministrattivi
10. Ħlasijiet ta’ Sick Leave
11. Leave urġenti minħabba raġunijiet ta’ familja
12. Galvanising Plant
13. Implimentazzjoni tal-programm ta’ riformi fil-post tax-xogħol
14. Il-principji tal-Multi-skilling
15. Limitazzjonijiet tal-Multi-skilling/Flexibility Allowances
Il-Minsitru Gatt kompla li f’Diċembru 2004, il-Gvern kiteb lid-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, fejn ippreżentalu draft ta’ tliet klawsoli li kienu għadhom qed jiġu negozjati.
Fl-4 ta’ Jannar, 2005 id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU wieġeb bil-miktub li huma qed jaqblu mat-tliet klawsoli, iżda kellhom bżonn kjarifika dwar kif kienet ser tiġi amministrata l-‘flexibility multi-skilling allowance’. Minħabba li kienet kwistjoni amministrattiva, il-Ministru Gatt talab li din tiġi diskussa mal-Management.
Fl-14 ta’ Jannar, il-GWU, permezz ta’ ittra iffirmata mis-Sur Charles Agius lil Peter Moore intqal li: “We have re-visited our proposal for the multi-skilling/flexibility allowance criteria(…)”. F’din l-ittra, l-GWU semmiet seba’ każijiet ta’ fejn irid jitħaddem dan l-‘allowance’. F’erbgħa minnhom, diġa’ hemm referenza għalihom fil-Ftehim Kollettiv, waħda minnhom kienet ġdida iżda aċċettabbli, u tnejn minnhom ma kienx hemm qbil fuqhom. Dawn kienu meta l-isteel workers jagħmlu welding u burning u l-oħra hija meta l-welder u burner jagħmlu production grinding, aspetti li l-Gvern dejjem sostna li huma parti essenzjali mix-xogħol ta’ l-isteel workers u l-welders rispettivament.
Il-Ministru Gatt fisser li l-azzjoni industrijali tal-ġimgħa li għaddiet ittieħdet għax ma kienx hemm qbil fuq tnejn minn sebgħa suġġerimenti li għamlet il-GWU, u wara li kien hemm qbil fuq 15-il punt prinċipali.
Il-Ministru Austin Gatt fisser li din kienet ir-raġuni għalfejn it-Tarzna twaqqfet għall-gimgħa. Huwa fakkar li fis-26 ta’ Jannar huwa kellu ftehim bil-miktub mad-Deputat Segreterju Ġenerali tal-General Workers’ Union li jiltaqa’ miegħu l-Ġimgħa ta’ wara. Minkejja dan il-ftehim, fid-29 ta’ Jannar, il-GWU tat direttivi ta’ work-to-rule u kien hemm l-inċident fejn ġiet imtemmija l-provvista ta’ l-arja u l-elettriku fuq vapur Grieg li kien qed jissewwa fit-Tarzna.
Fit-30 ta’ Jannar, il-Ministru kiteb lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb fejn appellalu biex il-Union ma’ tissoktax f’din it-triq.
Fil-31 ta’ Jannar il-GWU implimentat id-direttivi tagħha li prattikament ipparalizzaw it-Tarzna għal gimgħa sħiħa.
Fl-4 ta’ Frar, il-GWU irtirat l-azzjonijiet industrijali mingħajr ebda kundizzjoni, bil-laqgħa maqbula fis-26 ta’ Jannar mistennija ssir għada.
Il-Ministru Austin Gatt staqsa, “X’ħa l-pajjiż minn din l-azzjoni? X’ħa l-ħaddiem minn din l-azzjoni? X’ħadet il-GWU minn din l-azzjoni?” Ir-riżultat ta’ din l-azzjoni kien reputazzjoni ħażina ma’ min kellu xogħol fit-tarzna, ma’ min kien dieħel it-Tarzna u ddeċieda li flok jiġi Malta jmur f’Tarzna oħra; u reputazzjoni ħażina ma klijenti prospettivi tat-Tarzna. Il-Ministru Gatt fakkar li l-komunita’ tas-sidien tal-vapuri hija komunita’ żgħira u l-ħsara għar-reputazzjoni tat-tarzna ta’ Malta issa saret.
Austin Gatt qal li “Din hija sfortuna kbira li wara li għalaqna sena finazjarjament tajba ħafna, u bdejna sena fejn l-order book kien fl-aħjar pożizzjoni li qatt kien f’dawn l-aħħar snin, kellna nassistu għal dan kollu.” Il-Ministru Gatt qal li wara dan kollu wieħed isaqsi “Min tassew qed imexxi fil-GWU? Kif ikun hemm ftehim mad-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU biex issir laqgħa u xorta waħda jsiru l-azzjonijiet industrijali li ma jwasslu għal imkien għajr l-istess kundizzjoni li bdejna biha, cioe’ l-laqgħa li ser issir għada?”
Il-Ministru Gatt qal li s-sitwazzjoni fil-preżent hija illi biex igawdi grupp zgħir ta’ ħaddiema, qed jiġi kompromess qbil fuq ħmistax-il punt ieħor li minnu ser jibbenefikaw il-ħaddiema kollha tat-Tarzna. Għalhekk il-Ministru Austin Gatt tenna mill-ġdid “min qiegħed imexxi fil-GWU?”
Il-Ministru Gatt saħaq li l-Gvern m’għandu ebda intenzjoni li jiċċaqlaq minn dak li hemm miktub u maqbul. L-unika intenzjoni tal-Gvern hija li jinforza dak kollu maqbul u miftiehem bil-mezzi kollha li huwa possibbli, għax fl-aħħar mill-aħħar “qed niddefendu flus il-poplu.”
Il-Ministru Gatt fisser li waqt il-perjodu ta’ l-azzjonijiet industrijali kien hemm disa’ proġetti li jammontaw għal Lm 3.3 miljun. Minbarra dawn kellna kuntratti ta’ xogħol għal kważi miljun lira. It-tarzna għandha wkoll xogħol kuntrattat fis-sit tal-Marsa sa’ nofs is-sena 2006.
Jekk il-proċess ta’ riforma mhux ser jiġi mplimentat kollu, m’hemmx ċans li nsalvaw. Il-Ministru fakkar li s-sussidju li ser jagħti l-Gvern lit-Tarzna huwa dikjarat u kif ġej:
| 2004 | Lm 8.7 miljun |
| 2005 | Lm 7.7 miljun |
| 2006 | Lm 5.4 miljun |
| 2007 | Lm 2.5 miljun |
| 2008 | Lm 2.1 miljun |
Dan jfisser li din is-sena rridu nnaqsu t-telf b’żewġ miljuni u nofs. Dan l-għan jintlaħaq biss jekk inkunu kapaċi nżidu x-xogħol, jekk inżidu l-produttivita’ u nnaqsu l-ispejjeż tagħna. “Jekk ma nilħqux dawn l-għanijiet, il-Gvern mhux ser joħroġ sold ieħor, li jfisser li l-Gvern ma joħroġx flus biex jitħallsu l-pagi, li jfisser li l-kumpanija tfalli u tagħlaq.”
Il-Ministru Austin Gatt spjega li “ħadd m’għandu jilludi ruħu li dan huwa “bluff”. Dawn huma l-‘commitments’ li għandu l-Gvern mal-poplu Malti.”
Huwa fisser li kull ħaddiem individwali jrid jifhem li l-Gvern huwa serju f’dak li qed jgħid u m’hux ser jerġa’ lura minn kelmtu. Kull ħaddiem irid jifhem ukoll li trid tinbidel il-mentalita’, u l-ħaddiema m’għandhomx iħallu lil min għandu interessi ulterjuri u differenti jmexxihom.
Il-Ministru Gatt esprima t-tħassib tiegħu li l-interessi tal-ftit ser twassal biex ibati kulħadd. Huwa kkonkluda li l-futur għat-tarznari m’huwiex ħazin, jekk kulħadd jiġbed l-istess ħabel. Kulħadd irid jifhem li l-pantomimi li assistenja għalihom il-ġimgħa li għaddiet, għadda żmienhom.
Meta kien mistoqsi fuq il-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-mandat għall-sekwestru li hemm fil-konfront tal-GWU, il-Ministru Austin Gatt saħaq li l-mandat ser jibqa’ fis-seħħ. “Il-ħsara lit-tarzna, kawża ta’ l-azzjonijiet industrijali li kien hemm il-ġimgħa li għaddiet, saret.” Il-Ministru Gatt fisser li kemm il-darba t-Tarzna ssofri danni kawża ta’ dawn l-azzjonijiet industrijali, il-General Workers’ Union hija responsabbli għal dawn id-danni, għax ma segwietx il-proċeduri li hemm maqbulin bejn iż-żewġ naħat fil-ftehim kollettiv, maqbul bejn iż-żewġ partijiet.”
Sadanittant, aktar kmieni ċ-Chairman tal-kumpanija John Cassar White ta ppreżentazzjoni dwar ir-riżultati finanzjarji tal-Malta Shipyards għas-sena 2004. Minn naħa tiegħu, l-Kap Eżekuttiv tat-Tarzna Peter Moore għamel preżentazzjoni dwar il-prospetti tal-kumpanija għas-sena 2005.
… / report in pdf format
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946