DISKORS MILL-PRIM MINISTRU, WAQT IL-KONFERENZA NAZZJONALI FUQ L-IMMIGRAZZJONI IRREGOLARI – SAN ĠILJAN – IT-TLIETA, 8 TA’ FRAR 2005
Grazzi ħafna sur Chairman. Onorevoli Kap ta’ l-Opożizzjoni, Onorevoli Membri Parlamentari, ħbieb tiegħi mis-setturi kollha li tirrapreżentha s-soċjeta’ tagħna li aċċettajtu ġentilment l-istedina li saritilkom biex tiġu u tipparteċipaw f’din il-Konferenza li titratta s-suġġett li issa ilu fl-arena tad-dibattitu nazzjonali, pero li f’dan l-aħħar ġimgħat ħa pożizzjoni iktar ’il quddiem fil-lista ta’ issues li jolqtu l-interess ta’ pajjiżna.
Smajtu lil Ministru Borg jagħmel id-diskors tiegħu, ġabra fil-qosor tal-problema u ta’ fejn naħsbu li minn hawn, minn din il-konferenza mmorru. It-triq li għandna miftuħa quddiemna. U naħseb li allura ikun inutli għalija li nerġa’ nirrepeti dak li smajtu, ikun inutli li nirrepeti l-entita’ jew id-dettalji tal-problema li qed niffaċċjaw, tan-numru ta’ immigranti illegali jew irregolari, li jidħlu f’pajjiżna u ta’ l-entita’ tad-dimensjoni ta’ dik il-problema u allura minflok noqgħod nirrepeti affarijiet li diġa’ smajtu nippreferi nkun fil-qosor u nagħmel ftit riflessjonijiet.
L-ewwel waħda. Dan kien eżerċizzju tajjeb. Bla dubju ta’ xejn. Anki jekk għall-mument ninqatgħu barra mis-suġġett, imma li f’pajjiżna niġu flimkien u nisimgħu l-ideat ta’ xulxin, anki jekk ma naqblux, anki jekk ikun hemm pożizzjonijiet differenti, imma nisimgħu lil xulxin u nfehmu lil xulxin, dak fiħ innifsu eżerċizzju tajjeb. U jien irrid ngħid grazzi mill-qalb lil kullmin ipparteċipa u ġie hawnhekk u tkellem b’mod sinċier. Jien ħadt pjaċir u llum wara nofsinhar nisma’ anki l-interventi mill-floor ta’ persuni, persunaġġi impenjati fl-oqsma differenti f’dak il-pilastru importanti tal-volontarjat f’pajjiżna, ta’ l-NGOs f’pajjiżna, li b’mod volontarju, bil-kariżmi tagħhom, bl-istil tagħhom jagħtu il-kontribut kif jaħsbu huma l-aħjar għall-interess ta’ pajjiżna fil-qasam fejn huma qegħdin jipparteċipaw. U rrid nesprimi l-apprezzament sinċier tiegħi u tal-Gvern għax-xogħol kollu li qegħdin tagħmlu u għall-kontribut tagħkom f’din il-Konferenza. Imma iktar milli għall-kontribut tagħkom f’din il-Konferenza għax xogħol kollu li qegħdin tagħmlu. Grazzi ukoll tal-fatt illi smajtu ukoll minn naħa tagħna bħala Gvern il-problema, id-dilemma, id-diffikulta’. Il-fatt li tiġi f’pożizzjoni fejn inti ġħandek ir-responsabbilta’ tad-deċiżjoni u dik id-deċiżjoni trid toħodha b’ċertu kriterju, b’ċertu loġika u b’ċertu rispett lejn valuri li għandhom jiggwidawna.
Naħseb li din il-Konferenza tat l-opportunita’ li nkunu nistgħu nisimgħu lil xulxin u nifhmu iżjed il-pożizzjoni ta’ xulxin u nifhmu wkoll illi m’hemmx soluzzjoni maġika għal din l-isfida kbira li għandna imma s-soluzzjonijiet irridu nitħabtu għalihom, u rridu nersqu lejhom bil-għaqal. Kien eżerċizzju tajjeb. Jibqa’ eżerċizzju li naturalment jiddependi issa minna, jekk jieqafx hawn jew inkompluhx. Kif qal tajjeb il-Ministru Borg dan mhux għeluq, u anki qalu ic-Chairperson is-Sur Ġerada, il-Konferenza Nazzjonali naqblu iż-żewġ naħat, il-Ġvern, l-Opożizzjoni li din il-Konferenza qatt ma kienet intiża illi tkun hi l-punt finali fejn irridu naslu. Imma naħseb li rajniha lkoll kemm aħna bħala għodda illi tippermettilna illi niġu flimkien, niddiskutu b’mod konkret, infasslu politika nazzjonali, imbagħad nibnu l-azzjoni tagħna fuq dik il-politika. U naħseb li f’dan is-sens din il-Konferenza tat dan il-kontribut illi jippermettilna biex minn hawn immorru għall-pass li jmiss. U allura, l-ewwel punt tiegħi huwa: Konferenza Nazzjonali, fiha nfisha eżerċizzju tajjeb illi għandna napprezzawh.
It-tieni punt. Il-Konferenzi Nazzjonali fuq kwalunkwe suġġett, finalment iħallu riżultat jekk mill-Konferenzi li niddiskutu noħorġu pożizzjonjiet konkreti. Nerġa’ nirrepeti, nistgħu nagħmlu diskussjonijiet kemm tridu, jien għaddejt minn esperjenza, niftakar ftit tas-snin ilu meta kont għadni kemm sirt Ministru għall-Politika Soċjali u niftakar li mort quddiem il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u għidtilhom isma’ wasal iż-żmien li aħna nġibu fl-għeluq l-eżerċizzju biex il-liġijiet tax-xogħol f’pajjiżna li fost affarijiet oħrajn dawn il-liġijiet tax-xogħol f’pajjiżna ma kienux jitrattaw id-drittijiet ta’ barranin kif jaħdmu hawn Malta u liema drittijiet għandhom u l-protezzjoni ta’ barranin li jaħdmu hawn Malta. Dawn il-liġijiet tax-xogħol tagħna, li ilna niddiskutuhom għal medda ta’ għaxar snin sħaħ, issa wasal iż-żmien biex din id-diskussjoni nagħlquha u nimxu biex nieħdu d-deċiżjonijiet. U fuq il-liġijiet tax-xogħol għamilna ma nafx kemm-il Konferenza Nazzjonali, għamilna ma nafx kemm il-dibattittu, kemm-il diskussjoni pero finalment li jgħodd mhux kemm tiddiskuti imma li jgħoddu huwa l-politika li inti tkun fassalt, li tagħlaqha, li tiddeċiedi fuqha u mbagħad li timplimentaha.
U kien għalhekk li aċċettajna bil-qalb kollha l-idea li nagħmlu Konferenza Nazzjonali fuq l-Immigrazzjoni Irregolari f’pajjiżna. Pero’ ridna ukoll illi mhux sempliċiment niġu hawn u nagħmlu d-diskorsi, imma li niġu hawnhekk fil-bidu tal-Konferenza bil-politika li qed nipproponu bħala Gvern. U għandkom policy document. Din il-Konferenza kellha mill-bidu nett tagħha il-proposta ta’ politika li qed jipproponi l-Gvern. Issa, nqattgħuha, inbiddluha, nikkritikawha – imma hemm il-proposta konkreta tal-politika li qed nipproponuha fuq livell nazzjonali. Jien segwejt dak li intqal anki fl-interventi mill-floor u żgur li kien hemm interventi li ser jirrikjedu li l-proposta tagħna, bħala Gvern, ta’ x’għandha tkun il-policy tagħna nazzjonali għal dan il-qasam, tant sensittiv u diffiċli, żgur li ser ikollna nirfinawha. Naġġustawha għall-opinjonijiet u l-espressjonijiet u d-diffikultajiet u l-ideat li ħarġu b’riżultat ta’ kontribut li sar anki mill-workshops.
U allura naħseb li għandna nqisu, u hawn niġi għat-tielet punt li xtaqt nagħmlilkom – minn hawn fejn ser immorru. U jien naħseb li l-konklużjoni li waslu għaliha kemm il-Ministru Borg kif ukoll l-Onorevoli Gulia illi jitwaqqaf grupp ta’ nies issa, li jassorbu dak li ntqal hawn, bil-preżentazzjoni u l-punti kollha li saru, u dak nintegrawh f’politika li finalment tkun il-politika ta’ pajjiżna. U ma jkunx hemm kontroversja fuq din il-politika sal-massimu possibbli, issa dejjem ikun xi ftit kontroversja ’l hawn u ’l hemm għax jekk ser noqgħodu nfittxu l-perfezzjoni mingħajr kontroversja probabbilment li jew ikollna dokument li ma jgħid xejn inkella ndumu niddiskutu għaxar snin oħra sakemm naslu. Jiġifieri xi ftit kontroversja ser ikun hemm. Imma l-linji ġenerali tal-politika li jkun hemm qbil fuqha u tal-proċess li rridu nimxu bih, u ta’ l-inizzjattivi differenti li nkunu rridu nieħdu naħseb li nistgħu nidentifikawh. U naħseb li l-idea li jitwaqqaf grupp li jixrob is-suġġerimenti u l-kontribut kollu li saru mill-parteċipanti kollha f’din il-Konferenza biex naġġustaw il-politika li aħna qed nipproponu. Nittama li dan kien l-objettiv u ma kienx obbjettiv sempliċiment ta’ diskussjoni. Imma li naslu bħala konklużjoni f’mument jew ieħor illi f’pajjiżna jkollna politika nazzjonali, biex imbagħad tkun dik il-politika li tmexxina minn hawn ’il quddiem. X’ser nagħmlu għar-rigward u kif ser inħaddmu l-aspett ta’ detenzjoni, l-aspett ta’ l-open centres, u l-aspett ta’ integrazzjoni fil-komunita’ tagħna. Tkun dik il-politika, dawk ir-regoli li jmexxuna.
Naħseb li huwa tajjeb ħafna l-fatt li qed naqblu li għandna bħala pajjiż l-argument, il-każ u ċ-ċirkostanzi partikolari ta’ Malta għandna nagħmluħ fil-fora internazzjonali Ewropej, reġjonali u bilaterali mal-pajjiżi ta’ madwarna, għaliex Malta għandha każ partikolari, speċjali, minħabba iċ-ċirkostanzi tagħha li hi qiegħda issib ruħha fihom minħabba din id-diffikulta’. U nagħmlu dawn l-argumenti mhux sempliċiment għall-għajnuna. Jien ma togħġobnix l-approach li aħna mmorru nħabbtu l-bieb bis-sassla. Mhux dik l-issue. L-issue hi li aħna rridu nitrattaw bid-dinjita’ umana li jistħoqqilhom lil dawk li jiġu f’pajjiżna f’dawn iċ-ċirkostanzi, imma għandna bżonn appoġġ biex inkunu nistgħu nitrattawhom bid-dinjita li jistħoqilhom. Għax nixtiequ ġenwinament ngħinu. Pero bejn ix-xewqat u bejn dak li tista’ tagħmel hemm kultant baħar jaqsam. L-argument li aħna għandna nagħmlu bħala pajjiż fil-fora internazzjonali huwa li nippretendu u nistennew u rridu l-appoġġ li hemm bżonn jiġi mill-livell internazzjonali kollha, Ewropea, reġjonali u bilaterali preċiżament biex inkunu nistgħu ngħixu l-valur li nemmnu fih – illi kull persuna li tirfes l-għatba ta’ din il-ġżira u kull persuna li tgħix lilhinn minn din il-gżira hija persuna. U dan il-messaġġ għandna nwassluh bl-iktar mod qawwi.
Li jġibni għar-raba’ punt. Jien jidhirli illi fid-deċiżjonjiet li rridu nieħdu dwar politika nazzjonali fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni irregolari f’pajjiżna u fid-deċiżjonijiet ta’ tfassil ta’ politika u twettiq ta’ dik il-politika irid ikollna prinċipji li jiggwidawna. U jien nemmen li hemm żewġ prinċipji, jew sejħulhom valuri, li għandhom jigwidawna matul din it-triq li mhux faċli, anzi triq li tista’ tiżloq fiha. Għandu jkun hemm żewġ valuri li magħhom niggranfaw fid-deċiżjonijiet diffiċli li rridu nieħdu. U dawn huma il-ġid komuni minn banda, pero’ mill-banda l-oħra id-dinjita’ umana u r-rispett lejn id-dinjita’ tal-valur uman ta’ kull persuna li tirfes l-għatba ta’ dawn il-ġżejjer. U fiċ-ċirkostanzi tal-lum, bid-diskorsi li smajna barra minn din is-sala fil-ġranet li għaddew fil-konfront ta’ l-immigranti irregolari huwa importantissimu li nieqfu, nirriflettu, u ngħidu, ‘isma’ hawn qed nitrattaw man-nies. U lin-nies irridu nitrattawhom ta’ nies’. U dan inwettquh fil-prattika bid-diffikultajiet kollha.
Fl-opinjoni tiegħi l-ikbar diffikultà hija il-bilanċ li bħala mexxejja, u ma rridx infisser mexxejja politiċi, jeħtieġ li jżommu ħafna minnkom li qegħdin hawn, minn qiegħed fl-NGOs huwa mexxej ukoll, qed jipparteċipa fit-tmexxija ta’ pajjiżna f’livell differenti, imma flimkien qed imexxu dan il-pajjiż. Finalment din hija s-soċjeta’ ċivili. Ir-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet jerfagħha l-Gvern għax hu l-eżekuttiv, u min qiegħed fl-NGOs qed imexxi wkoll, u għandu responsabbiltà, anki f’dak il-livell, ir-responsabbilta’ li nsibu din il-mistoqsija li qisha trying to square the circle, il-bilanċ bejn il-ġid komuni, kunċett li semma l-Ministru fid-diskors tiegħu, u r-rispett kontinwu tad-dinjità umana tal-persuni li jiġu f’pajjiżna ikunu x’ikunu iċ-ċirkustanżi.
Jien nemmen li huma dawn iż-żewġ prinċipji u valuri li għandhom ikomplu jiggwidawna u jilluminawna fid-deċiżjonijiet li rridu nieħdu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Hemm issues ta’ prijorita’. Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, ġustament semma l-isfida ta’ l-aspetti ekonomiċi, finanzjarji, il-prijoritajiet li aħna rridu npoġġu, id-deċiżjonijiet dwar x’jiġi l-ewwel, x’ikunu dawn il-prijoritajiet u dawn huma kunsiderazzjonijiet importani, pero’ jien personalment jidhirli li f’dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu dawn il-valuri li jiggwidawna.
Jien nerġa nirringrazzjakom mill-ġdid, nirringrazzja lil kull min ħa ħsieb biex jagħmel il-preparamenti kollha għal din il-Konferenza Nazzjonali u fl-istess ħin nawgura illi filwaqt li l-organizzazzjonijiet kollha jkomplu jagħtu l-kontribut tagħhom f’dan il-qasam nawgura biex dan li bdejna, permezz ta’ din il-Konferenza, flimkien inkunu nistgħu immexxuh għall-ġid ta’ pajjiżna.
Nirringrazzjakom ħafna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946