DISKORS TA’ L-ONOR DOLORES CRISTINA, MINISTRU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETA’ SOĊJALI, WAQT IL-KONFERENZA NAZZJONALI FUQ L-IMMIGRAZZJONI IRREGOLARI – SAN ĠILJAN – IT-TLIETA, 8 TA’ FRAR 2005
Jekk inħarsu lejn l-għeruq tal-fenomenu ta’ immigrazzjoni li hawn fid-dinja ta’ madwarna llum insibuhom fin-nuqqas ta’ stabbilita’, nuqqas ta’ paċi, nuqqas ta’ demokrazija fil-pajjiżi li minnhom ħiereġ gelgul ta’ nies li jagħmlu triqthom lejn l-Ewropa. Kieku ma kienx hemm gwerra fis- Somalia , fl-Eritrea, fis- Sudan , kieku ma kienx hemm problemi kbar f’bosta pajjiżi oħra, ftit li xejn konna naraw dan il-moviment ta’ nies. L-idejal aħħari hu li s-sitwazzjoni f’dawn il-pajjiżi titjieb u l-popli tagħhom jaraw futur f’ħajja fihom stess.
Intant, il-problema ta’ dawn in-nies qiegħda twassal biex iħallu pajjiżhom, djarhom, il-familji tagħhom u jfittxu ġejjieni aħjar f’pajjiżi Ewropej. Aħna, jaslu għandna, f’biċċa dgħajsa, ta’ fuqhom senduqhom, bla dokumentazzjoni, ittrawmatizzati, f’pajjiż li ma kienx id-destinazzjoni ppjanata tagħhom, nisa tqal, tfal, irġiel, żgħażagh waħedhom, ma jifhmuniex meta nkellmuhom u aħna ma nifhmux lilhom. Aħna minn naħa tagħna, irridu nammettu li ma konniex lesti jew ippreparati għal dan il-fenomenu. Aħna pajjiż bi storja ta’ emigrazzjoni; din hi esperjenza ġdida għalina, esperjenza mhux faċli biex nilqgħuha għax ma kellniex l-expertise, fiċ-ċirkostanzi diffiċli ħafna – fin-numru li wasal. Irridu nitgħallmu flimkien. Irridu nkunu realisti u prattiċi.
Dawn huma nies li jeħtieġu akkomodazzjoni, ikel, ilbies, kura medika, il-bżonnijiet kollha li għandu bniedem biex jgħix. Fil-verita’, għandhom bżonn aktar minn hekk. Għandhom bżonn numru ta’ ħaddiema soċjali, ta’ psikologi, ta’ psikjatri fejn jinħtieġ. Għandhom bżonn management anke fil-ħajja ta’ kuljum.
Nagħmlu żball jekk inħarsu lejhom bħalha ġemgħa ta’ nies fejn dak li hu tajjeb għal wieħed tajjeb għal kulhadd. Dawn huma nies minn ġnus differenti, minn twemmin differenti, anke minn kulturi differenti. Irridu nitkellmu fuq nies, fuq individwi, fuq gruppi, mhux fuq kollezzjoni ta’ immigranti. Aħna anke bejn Bormla u l-Isla insibu differenza, aħseb u ara meta qed inħarsu lejn nies minn pajjiżi kbar.
Mis-sena l-oħra, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali assuma r-responsabbilta’ tal-ħarsien, akkommodazzjoni u għajnuna soċjali ta’ l-immigranti li joħorġu miċ-ċentri ta’ detenzjoni. Mill-ewwel kienet ovvja li kellna bżonn l-għajnuna ta’ l-NGOs, l-għaqdiet mhux governattivi li diġa’ kienu ilhom jaħdmu ma’ l-immigranti, żidna ukoll numru ta’ tobba volontieri, issa sibna ukoll numru ta’ avukati li se jgħinu wkoll.
Twaqqaf Forum ta’ l-NGOs sabiex flimkien nikkoordinaw il-ħidma tagħna fil-qasam soċjali. Iffokajna fuq it-tfal, fuq in-nisa tqal, fuq il-familji. Fejn hemm il-minuri (unaccompanied minors) tinħareġ care order li tagħmel lili bħala l-ministru għal dan il-qasam, responsabbli għalihom. (Sa tmintax il-sena jkunu meqjusa bħala minuri) Bdejna nfittxu faċilitajiet ta’ akkommodazzjoni, ħaġa mhix faċli meta qed nitkellmu fuq xi tmien mitt sodda, faċilitajiet u ambjent san u akkoljenti. Hawnhekk nirringrazzja mill-qalb lil għaqdiet reliġjużi, NGOs u individwi li offrew akkommodazzjoni u għajnuna oħra li kien hemm bżonn. Grazzi tassew. Imma x-xogħol għadu qed isir – u anke fejn sar diġa’ wasalna għal eżerċizzju ta’ manutenzjoni.
Bdejna servizz ta’ ħidma soċjali – waqqafna unit biex tgħin anke fil-management. Ħassejna fuq kollox il-ħtieġa li nfasslu u niżviluppaw policy dwar kif se nimxu minn hawn. Qed jiltaqa’ Kumitat Inter-Ministerjali immexxi mill-Ministru Borg. Dan il-Kumitat issa jeħtieġ li jitwessa’ u jinkludi l-Ministeri tal-Ġustizzja u l-Intern, tal-Familja u Solidarjeta’ Soċjali, tas-Saħħa u Kura fil-Komunita’, ta’ l-Edukazzjoni u Impjiegi u ta’ l-Affarijiet Barranin, biex bejnietna nkunu nistgħu nħarsu b’mod ħolistiku lejn dak li jeħtieġ isir.
Hemm ħafna xi jsir – apparti dak li hemm bżonn għal survival, il-politika ta’ ħarsien u integrazzjoni torbot flimkien ħafna players - l-Istat, l-għaqdiet mhux governattivi (l-NGOs), l-employers, il-Unions, l-għaqdiet reliġjużi, is-soċjeta’ ċivili, il-Media. Għandna bżonn ħidma nazzjonali, fejn kulħadd jagħmel sehemu.
Min jimpjega għandu jagħti xogħol b’kundizzjonijiet diċenti, naraw li ma jkunx hemm sfruttament ta’ ħaddiema barranin, naraw ukoll il-potenzjal individwali tagħhom, b’xi mod nagħmlu użu minnu.
Il-Media tista’ tkun mezz ta’ edukazzjoni u tgħin lis-soċjeta’ tagħna tifhem sewwa l-esperjenzi tar-refuġjati, l-NGOs ikomplu bis-servizzi tagħhom soċjali, legali u edukattivi li jippromwovu l-proċess ta’ integrazjoni u tingħata l-għajnuna sħiha biex kull fejn hu possibbli familja tingħaqad.
Meta żort l-immigranti f’Ħal-Safi rajt persuni li kif jgħidu bl-Ingliż wiċċhom kien haunting. Nies li għaddew minn trawmi kbar. Fosthom mara li kellha titfa ‘il baħar it-tarbija tagħha mejta. Naħseb kemm hawn minna ommijiet u missirijiet hawnhekk jistgħu jimmaġinaw l-orrur ta’ xi ħaġa bħal din. Dawn in-nies talbuni xi affarijiet li xtaqu. Per eżempju wrew ix-xewqa li jkollhom possibilta’ jitgħalmu ċertu ħiliet li jservuhom għal futur –l-użu tal-computers, kotba, tagħlim ta’ l-Ingliż. Naħseb għandna ngħinu lil dawn in-nies jiżviluppaw il-ħiliet biex jgħinu lilhom infushom.
Il-Pjan Nazzjonali dwar il-Faqar u l-Inklużjoni Soċjali jsemmi, bħala waħda mit-tnax il-priorita’, li r-refuġjati u immigranti għandhom igawdu aċċess għal servizzi li jassiguraw l-integrazzjoni. L-għan jibqa’ li jgħixu ħajja, imorru fejn imorru, indipendenti. Il-proċess ta’ integrazzjoni hu wieħed reċiproku. Ta’ rispett reċiproku. L-immigrant irid jitgħallem jaddatta ruħu għal għixien ta’ kultura ġdida li hi differenti mill-pajjiż fejn trabba u għex.
Konklużjoni
Nixtieq nikkonkludi billi nagħmel distinzjoni ċara u qawwija bejn it-tħassib, il-preokkupazzjoni ta’ wħud mill-Maltin u l-element negattiv tar-razziżmu.
Jien ma llum lil ħadd li jitħasseb xi ftit meta jara affarijiet ġodda, trends ġodda deħlin fostna. Aħna poplu u pajjiż żgħir, dejjem nitkellmu u konxji tar-riżorsi limitati li għandna. Aħna gżira żgħira, li, minkejja kollox, għandna pjuttost insulari. Tħassib li għandu jkun milqugħ u mwieġeb b’sensittivita’. Huwa sentiment uman li l-edukazzjoni tista’ tgħin biex jonqos.
Mhux hekk, imma, fil-każ tar-razziżmu, razziżmu spjetat li jrawwem u jrewwaħ il-mibiegħda, il-ħdura lejn il-proxxmu, mhux biss dak barrani, imma Malti ukoll. Razziżmu li jiżra’ l-biża’ u jxewwex għall-vjolenza. Żball kbir nagħmlu jekk nissottovalutaw dan l-element negattiv li diġa’ qed jinħass f’pajjiżna.
B’vuċi waħda, qawwija u soda, għandna ngħidu le għar-razziżmu f’Malta. Bil-qawwa kollha ta’ l-opinjoni pubblika, bil-forzi kollha li tagħti l-liġi, ngħidu le, ir-razziżmu m’hemmx lok għalih f’pajjiżna, fost il-Maltin.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946