GRUPP TA’ ĦIDMA DWAR L-ATTENDENZA FL-ISKEJJEL
L-assentejiżmu fl-iskejjel hu problema li għandha konsegwenzi serji li jaffettwaw lit-tfal stess, l-iskejjel fejn jattendu, il-familji tagħhom, is-sistema ġuridika, l-aġenziji li joffru servizzi soċjali u l-ekonomija b’mod ġenerali. Għal dan l-iskop, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea nieda grupp ta’ ħidma bl-iskop li jtejjeb l-attendenza fl-iskejjel. It-Taskforce għat-Titjib ta’ l-Attendenza fl-Iskejjel se tkun qed tindirizza dan il-fenomenu u tissuġġerixxi miżuri bl-iskop aħħari li l-attendenza tat-tfal fl-iskejjel tkun l-ahjar possibbli.
Il-Ministru Galea spjega kif l-ewwel ma jrid isir hu li kulħadd jifhem x’qed infissru b’assentejiżmu. L-attendenza normalment tfisser il-parteċipazzjoni ta’ student fi programm ta’ attivitajiet edukattivi f’ambjent skolastiku. Min jassenta ruħu jista’ jew ikun skużat u awtorizzat jew inkella mhux awtorizzat. Filwaqt li fiż-żewġ każi hemm bżonn li wieħed jagħti każ, huma l-assenzi mhux awtorizzati li huma aktar problematiċi u li jikkostitwixxu l-fenomenu ta’ l-assentejiżmu.
Student jista` jassenta ruħu għal diversi raġunijiet - minn raġunijiet ta’ saħħa, għal safar mal-familja, mewt fil-familja, u raġunijiet oħra. Meta ma jkunx hemm raġuni valida għall-assenza din tkun waħda mhux awtorizzata u tirriżulta meta jew l-istudent ma jattendix l-iskola, kultant mingħajr lanqas ma jkunu jafu l-ġenituri tiegħu. Hemm każi wkoll fejn din l-assenza mhux awtorizzata issir bil-kunsens tal-ġenituri jew tkun saħansitra istigata mill-ġenituri.
Il-Ministru Galea qal li mhux possibbli tidentifika kawża ewlenija għall-assentejiżmu iżda wieħed irid jikkonsidra firxa sħiħa u kumpless ta’ fatturi diversi. Dawn jinkludu fatturi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-individwu jew l-istudent bħal per eżempju fatturi psikosoċjali; fiżiċi; ta’ imġieba; familjari – bħall-istruttura tal-familja u aspetti soċjoekonomiċi; skolastiċi – bħall-organizzazzjoni ta’ l-iskola, il-kurrikulu, u l-ambjent ta’ l-iskola; komunitarji u soċjali - bħall-faqar, normi tal-komunita` u fatturi demografiċi. Minbarra dawn hemm numru ieħor ta’ fatturi li jistgħu jikkomplikaw is-sitwazzjoni u jnaqqsu r-rieda ta’ dak li jkun li jipparteċipa fl-iskola.
Ir-riċerka turi li hemm rabta bejn l-assentejiżmu u d-delinkwenza, riżultati baxxi, stima baxxa ta’ l-istudent stess, nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ impjieg u dħul.
Biex jiġu kkunsidrati dawn l-aspetti kollha u biex l-iskejjel ikomplu jagħtu żvilupp ħolistiku lill-istudent, tnieda grupp ta’ ħidma li se jkun qed jagħti pariri lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni dwar x’miżuri hemm bżonn biex l-attendenza fl-iskejjel tiżdied u b’hekk kull student ikun jista’ jieħu l-massimu mill-esperjenza edukattiva.
“Filwaqt li diġa` għandna Liġi ta’ l-Edukazzjoni li tinforza l-attendenza fl-iskola sa sittax il-sena, hemm bżonn li nsaħħu s-servizzi tagħna biex nilħqu lil numru ta’ subien u bniet li jaqgħu barra mix-xibka tas-servizzi edukattivi. L-iskejjel għandhom l-isfida li nilħqu lil kulħadd b’edukazzjoni bażika ta’ kwalita`. Is-servizzi ta’ ħidma soċjali li jaħdmu ma’ l-istudenti li regolarment ifallu l-iskola diġa` ħolqu bażi tajba. Iżda issa hemm bżonn li l-aspetti kollha li għandhom x’jaqsmu mal-fenomenu ta’ assentejiżmu jiġu evalwati u ndaħħlu l-emendi, proċeduri u strutturi li hemm bżonn biex dak kollu li nistgħu nagħmlu ma’ dawn l-istudenti u l-familji tagħhom inkunu qed nagħmluh,” qal il-Ministru Galea.
Il-Ministru Galea fakkar li l-bieraħ il-Parlament approva emenda fil-Liġi ta` l-Edukazzjoni mressqa minnu sabiex f’dawk il-każijiet fejn jingħata permess uffiċjali li xi student jitlaq mill-iskola qabel jagħlaq is-sittax-il sena, ikun hemm il-kondizzjoni li dak l-istudent jieħu sehem fi programm edukattiv imfassal apposta għalih jew għaliha mid-Dipartiment ta’ l-edukazzjoni, l-ETC jew l-MCAST u jekk din il-kondizzjoni ma tiġix osservata l-permess jiġi irtirat.
Il-grupp ta’ ħidma ser jirrevedi r-riċerka li teżisti, flimkien ma’ rapporti u statistika dwar l-assentejiżmu f’Malta u Għawdex. Il-grupp ser ifassal rakkomandazzjonijiet biex kull fejn hemm bżonn jitjiebu l-politika, l-istrateġija, l-aspetti legali u operattivi dwar l-assentejiżmu. Il-grupp mistenni li joħloq politika nazzjonali għall-iskejjel filwaqt li jikkonsidra l-esperjenzi ta’ pajjiżi oħrajn.
Il-grupp se jkun magħmul minn Dr. Marilyn Clark, Ph.D., Psikologa u lecturer fl-Universita` bħala Chairperson, u bħala membri: is-Sur Silvio Borg ħaddiem soċjali fi skola tal-Knisja, is-Sin. Gabriella Calleja, Project Manager fl-aġenzija APPOĠĠ, is-Sur Frans Chircop, ħaddiem soċjali fi skola ta’ l-Istat u s-Sur Ray Portelli Kap ta’ Skola Sekondarja ta’ l-Istat. It-taskforce se jkollha l-appoġġ tal-Policy Unit tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni.
Il-Ministru Louis Galea sostna li hu konvint li bil-ħidma ta’ dan il-grupp, u permezz ta’ kampanja ta’ informazzjoni għall-pubbliku jkun hawn għarfien akbar dwar l-importanza ta’ l-attendenza ta’ l-istudenti u b’hekk jitjiebu r-rati ta’ attendenza fl-iskejjel. “L-attendenza regolari fl-iskola hi fattur ewlieni biex l-istudenti jiksbu suċċess edukattiv u għaldaqstant irridu li b’mod effettiv nindirizzaw aħjar il-problema ta’ l-assentejiżmu. Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni jrid jagħti direzzjoni ċara li l-iskejjel għandhom dejjem jimpenjaw ruħhom biex l-istudenti jkollhom l-opportunitajiet kollha possibbli biex jilħqu l-milja tagħhom waqt li jkunu l-iskola”.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946