IX-XOGĦOL TA’ RESTAWR FUQ L-AKWADOTTI JITLESTA FERM QABEL MILLI PPJANAT
Il-proġett ta’ restawr fuq l-akwadotti ta’ Wignacourt se jintemmu tlett xhur qabel minn kif oriġinarjament ippjanat. Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Ninu Zammit waqt li segwa xogħlijiet fuq l-aħħar parti ta’ l-akwadotti ġewwa Santa Venera.
Dan il-proġett li nbeda fl-aħħar ta’ Mejju tas-sena l-oħra, qed isir bi sħab bejn erba’ kunsilli lokali – Santa Venera, Birkirkara, Balzan u Attard - u l-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura, bl-għan li dawn l-arkati jingħataw dehra li tirrifletti l-istorja tagħhom.
Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Ninu Zammit ta dettalji tax-xogħol li twettaq fuq dawn l-akwadotti. Sar xogħol mill-Maltacom u l-Enemalta, sabiex tneħħew arbli u cables li kienu twaħħlu viċin jew direttament ma’ l-akwadott. Sar ukoll xogħol ta’ tindif minn imsiemer, pajpijiet, biċċiet tal-ħadid u ta’ l-injam li twaħħlu matul iż-żminijiet kif ukoll qtugħ ta’ ħaxix ħażin li kiber minn fili miftuħin. Tnaddfu l-arkati sabiex tneħħa ħmieg li kien qed jagħmel ħsara lill-ġebla mingħajr ma tintilef l-iskorċa, li hija l-protezzjoni naturali li l-ġebla tipproduċi maż-żmien.
Ix-xogħol li sar fuq il-ġebel tat-361 arkata kien jiddependi wkoll fuq is-sitwazzjoni li kienu jinstabu fiha l-arkati. Dan spikka l-aktar fid-differenza tad-deterjorazzjoni tal-ġebla li hija f’kuntatt dirett ma’ toroq arterjali u dik li mihiex. Minbarra dawn l-interventi mill-ħaddiema fi ħdan is-Sezzjoni tar-Restwar, tneħħew ukoll is-siġar kollha tat-tip Oleander li kienu qegħdin jagħmlu ħsara lill-akwadotti minħabba l-għeruq tagħhom.
Il-Ministru Ninu Zammit qal li l-erba` Kunsilli Lokali ntrabtu li jħallsu l-materjal kollu li ntuża għar-restawr tal-monument skond it-tul ta’ l-akwadott li jgħaddi mir-raħal tagħhom, filwaqt li l-ħaddiema tal-Ministeru jagħmlu x-xogħol tar-restawr. L-ammont totali ta’ investiment fuq dan il-progett mistenni jlaħħaq madwar LM140,000, b’Lm70,000 minnhom ikunu pagi tal-ħaddiema.
Bħalma kien ippjanat fil-bidu tal-proġett, dan il-monument għandu jkompli jissebbaħ billi tiġi nstallata sistema ta’ dawl dekorattiv u jsir pavimentar mal-firxa kollha ta’ l-arkati. Fil-fatt it-tender tad-dawl dekorattiv ġie konkluż u ix-xogħol ta’ installazjoni se jibda fil-ġimgħat li ġejjin fejn se jsir ukoll xogħol preparatorju għal pavimentar ta’ taħt l-arkati u l-bankina tal-madwar.
Permezz ta’ l-avvanz imwettaq, issa l-istess ħaddiema se jkunu jistgħu jibdew proġett iehor importanti fil-ġnien ta’ Hastings ġewwa l-belt Valletta. Hawn se jiġi restawrat is-sur kif ukoll il-gardjola li tinsab fl-istess gnien.
Il-Ministru Ninu Zammit tenna li x-xogħol ta’ restawr ukoll għaddej b’ritmu tajjeb fuq il-kappella taċ-Ċwerra fis-Siġġiewi u li nbeda xogħol ta’ restawr fuq il-kappella ta’ San Ġakbu f’Ħal-Luqa. L-enfażi għal iktar effiċjenza tidher bi sħiħ fit-twettiq ta’ dan il-proġett bħalma dehret ukoll fit-twettiq ta’ bosta proġetti fl-2004, fejn dejjem intemm ix-xogħol skond il-programm stipulat.
Waqt li rringrazzja lill-kunsilli lokali tal-kollaborazzjoni mogħtija matul it-twettiq ta’ dan il-proġett, il-Ministru Zammit ħeġġeġ aktar kunsilli lokali biex mill-fondi allokati lilhom iwettqu proġetti simili bi sħab mal-Gvern. Dan bl-iskop li nsebbħu u ngħożżu l-wirt storiku kbir li nsibu fil-bliet u rħula tagħna kif mixtieq minn kulħadd.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946