IL-ĦTIEĠA LI NTEJBU L-KOMPETITTIVITA’ TIBQA’ Ċ-ĊAVETTA GĦAT-TIĠDID EKONOMIKU
“F’dawn l-aħħar jiem il-Gvern ingħata ċertifikat pożittiv dwar il-miżuri meħuda fil-programm ta’ trażżin ta’ l-iżbilanċ fil-finanzi tal-Gvern kif ukoll dwar il-progress li qed isir fid-dawl tal-Pjan ta’ Konverġenza. Madanakollu rridu nibqgħu nagħmlu ħilitna biex inżidu l-kompetittivita’ ta’ pajjiżna. Huwa f’dan il-kuntest, li jridu jitwettqu l-miżuri kollha mħabbra fil-Budget għas-sena 2005, inkluża l-miżura dwar il-vaganzi”. Dan qalu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi meta llum għamel il-laqgħa ta’ kull xahar mal-ġurnalisti f’Kastilja.
Il-Prim Ministru semma kif l-Unjoni Ewropea għamlet analiżi tal-progress tal-pajjiżi membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-Istrateġija ta’ Lisbona, fejn fost oħrajn, ġie analizzat wkoll il-progress fuq il-Pjan ta’ Konverġenza. “L-isforzi u l-ħidma kollha tal-Gvern matul dawn l-aħħar xhur kienu ffukati fuq miżuri meħtieġa sabiex pajjiżna jkun jista’ jadatta ruħu għas-swieq Ewropej, filwaqt li nkunu f’pożizzjoni li nattiraw lejn Malta aktar investiment li jissarraf f’opportunitajiet ta’ xogħol u ġid. Diġa’ bdejna naraw rizultati posittivi. Ir-riformi li saru fil-kumpaniji tal-Gvern bħall-AirMalta, Gozo Channel, Tarzna u PBS qed jirrendu tant li bil-mod il-mod dawn l-azjendi qed isiru aktar vijabbli. Fl-istess waqt qed ninnutaw żieda fl-investiment barrani, titjib fil-credit ratings u kunfidenza akbar fis-suq lokali b’konsum miżjud u żieda fis-self employed (intrapriża).”
Għalkemm l-indikaturi ekonomiċi jibqgħu juru titjib, il-Prim Ministru sostna li rridu nkomplu nirriformaw dawk is-setturi li mhux qed jirrendu biżżejjed jew li qed itellfuna mill-kompetittivita’. Għalhekk, ser ikomplu r-riformi fil-qasam tal-portijiet, transport pubbliku, saħħa u l-pensjonijiet. “Hemm bżonn li nkunu responsabbli fid-deċiżjonijiet tagħna billi nħarsu lejn is-sostenibbilta’ fit-tul…” tenna l-Prim Ministru.
Fil-ġranet li ġejjin il-Gvern ser ikun involut f’negozjati fl-ogħla livell mal-Unjoni Ewropea sabiex jikseb għall-Malta l-aħjar arranġament finanzjarju fil-Budget 2007-2013 ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan minħabba li fl-aħħar statistika pubblikata mill-Unjoni Ewropea, Malta kienet stmata li għandha 75.9% tal-medja ta’ tkabbir ekonomiku. Dan jista’ jtellef lill-Malta milli tiġi kkunsidrata bħala ‘Objective 1’ u allura tiċċaħħad minn aktar fondi. “Propju minħabba dan, il-ġimgħa d-dieħla sejjer nitla’ Brussell sabiex niltaqa’ mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Barroso, kif wkoll mal-Prim Ministru Belġjan Guy Verhofstadt u mal-Kummissarju għall-Politika Reġjonali Danita Hubner. Fil-laqgħat tiegħi magħhom ser ninsisti li Malta ghandha tkun eliġibbli għal aktar fondi reġjonali ghaliex il-persentaġġ relattiv għandu jinħadem fuq statistika aktar riċenti minn dik li qed tinħadem mill-Unjoni Ewropea.”
Waqt il-laqgħa, il-Prim Ministru semma wkoll l-inċidenti riċenti fit-Tarznari fejn stqarr li huwa inaċċettabbli li f’ażjenda li qed tiffaċċja diffikultajiet kbar minħabba l-kompetizzjoni fir-reġjun, ikomplu jsiru azzjonijiet kapriċċużi minn ftit ħaddiema, li jġibu fix-xejn l-isforzi kollha tal-management u l-ħaddiema l-oħrajn li jaħdmu hemmhekk. “Nerġa’ nenfazizza li d-destin tat-Tarzna jinsab f’idejn il-ħaddiema stess. Il-Gvern u l-poplu Malti għamlu l-parti tagħhom. Iżjed minn hekk m’hux ser isir. Kulħadd irid jerfa’ l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tiegħu.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946