IL-MALTA SHIPYARDS LTD.
Il-General Workers’ Union illum ħarġet stqarrija biex tinforma lill-media b’rikors li għamlet fil-Qorti wara l-azzjoni legali li ħadet kontriha Malta Shipyards Ltd. Din il-kumpanija nhar il-Ħamis 3 ta’ Frar 2005 talbet u ħadet mingħand il-Qorti mandat ta’ sekwestru fil-konfront tal-GWU biex tħares l-interessi tagħha minħabba l-azzjonijiet industrijali fit-Tarzna ta’ matul din il-ġimgħa.
L-istqarrija tal-GWU hi mżejna b’kummenti tas-Segretarju Ġenerali s-Sur Tony Zarb li qed jipprova bil-kummenti tiegħu idawwar il-fatti ta’ taħt fuq u jipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel biex inessi l-ħsara kbira li saret lir-reputazzjoni tat-Tarzna kawża ta’ l-azzjonijiet industrijali inutli li saru matul din il-ġimgħa.
Is-Sur Zarb jispjega li l-Union “ma kellhiex triq oħra ħlief li tibda proċeduri legali kontra l-kumpanija wara li l-istess kumpanija naqset mill-kelma tagħha li tneħħi immedjatament il-mandat ta’ sekwestru.”
Imkien u f’ebda ħin ma ngħatat il-kelma lil xi ħadd li l-mandat ta’ sekwestru mitlub u mogħti mill-Qorti se jiġi rtirat. M’hu minnu xejn allura li xi ħadd naqas minn xi kelma li ta lill-GWU.
Il-fatt sempliċi hu li waqt laqgħa l-bieraħ li mexxa d-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali, il-General Workers’ Union talbet lill-Malta Shipyards tirtira l-mandat ta’ sekwestru mill-Qorti. Id-delegazzjoni tal-management tal-Malta Shipyards wieġbet bl-aktar mod ċar li din hi deċiżjoni li tista’ biss tittieħed bil-kunsens tal-Bord tad-Diretturi u mis-sid tal-kumpanija: il-Gvern.
Fil-fatt il-minuti uffiċjali tal-laqgħa ta’ konċiljazzjoni li ħareġ id-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali jixhdu dan bl-aktar mod ċar u jikkwotaw lill-konsulent legali tat-Tarzna jgħid li “fir-rigward tat-talba li saret min-naħa tal-union, il-Management jiddikjara illi soġġett għal qbil tax-shareholder hu lest li jirtira il-mandat ta’ sekwestru minnufih li jirċievi dan il-qbil.”
Il-Gvern u l-Bord tad-Diretturi b’responsabbiltà ddeċidew li ma jagħtux il-kunsens li jkun irtirat il-mandat ta’ sekwestru. Ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni huma:
(1) Il-Malta Shipyards Ltd diġà sofriet danni kwantifikabbli b’riżultat ta’ l-azzjonijiet tal-GWU u bil-waqfien tagħhom il-bieraħ fil-għaxija, xejn minn dak li ntilef fl-erbat ijiem ta’ qabel ma jista jinġieb lura;
(2) Il-kumpanija ma tistax ħlief tistenna akkumulazzjoni ta’ danni, m’hux kollha kwantifikabbli, minħabba telf ta’ xogħol ta’ klijenti mgerrxa mill-inkwiet industrijali li ġabet il-GWU;
(3) Din m’hix l-ewwel darba li l-GWU ordnat azzjonijiet industrijali mingħajr ma segwiet il-proċeduri mifthiema fil-ftehim kollettiv u b’hekk hi stess kisret dak li nftiehem magħha ftit aktar minn sena ilu;
(4) Il-possibilità li meta jiftlilha u mingħajr raġuni, il-GWU terġa’ tattiva azzjonijiet industrijali li tkun “issospendiet” biex tiddiskuti kif jaqblilha, hi kbira ħafna fid-dawl ta’ l-esperjenza t’okkażjonijiet bħal dawn li ġraw fil-passat kemm-il darba;
(5) Il-Gvern iqis li hu d-dmir tiegħu jgħasses bl-aħjar mod u bl-akbar responsabbiltà l-investimenti tal-poplu li jirrapreżenta u fiċ-ċirkostanzi preżenti jqis li jkun irresponsabbli li jirtira l-mandat ta’ sekwestru li kkonċediet il-Qorti.
Rigward l-argumentazzjoni li tinġieb fir-rikors u riprodotta fl-istqarrija tal-GWU dwar l-immunità u l-jeddijiet li l-union qed tippretendi li għandha, il-Gvern iħalli f’idejn l-għaqal tal-Qorti għal deċiżjoni dwar min għandu r-raġun.
Ma jistax jitħalla mdendel iżda l-kumment tal-GWU li “kieku l-kumpanija verament riedet tikkawtela l-pożizzjoni tagħha ma kienetx tagħti daqstant pubbliċità lill-azzjonijijiet industrijali, bir-riżultat li hi stess setgħet gerrxet klijenti prospettivi.” Hawn in-nuqqas ta’ sens ta’ realtà tal-GWU jisboq kull raġuni. Il-fatt m’humiex kif tgħid il-GWU.
Il-fatti huma li l-GWU tat avviż t’azzjoni industrijali nhar is-Sibt 29 ta’ Jannar 2005 filwaqt li numru ta’ haddiema hadu xi azzjonijiet fl-istess gurnata. Ir-reazzjoni tal-Ministru Austin Gatt kienet li l-Ħadd 30 ta’ Jannar 2005 kiteb lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU biex jappellalu ghas-sens komun u jirtira l-azzjonijiet li kienet avżat il-union tiegħu ġurnata qabel u dan sabiex ma jiġix imfixkel il-proċess tan-negozjati. L-ittra tal-Ministru Gatt ma kinitx pubblikata qabel l-ewwel pubbliċità għall-azzjonijiet tal-GWU mħabbra mill-union stess bi prominenza kbira it-Tnejn 31 ta’ Jannar 2005 bil-gazzetta tagħha stess, l-orizzont.
Wara l-pubbliċità li tat il-GWU u l-azzjonijiet li ħadu l-ħaddiema li pparalizzaw ix-xogħol fit-Tarzna, xejn ma baqa mistur u ma seta baqa’ xejn li ma jgerrixx klienti preżenti u prospettivi tat-Tarzna. L-istqarrija tal-Gvern li ppubblikat l-ittra tal-Ministru Gatt saret aktar tard nhar it-Tnejn 31 ta’ Jannar 2005, sew wara li l-GWU xandret għemilha fuq il-gazzetta tagħha stess kif ukoll wara li diversi klijenti tat-Tarzna kienu diġà bdew jipprotestaw mal-management tat-Tarzna dwar it-tfixkil li kienu qed iħabbtu wiċċhom miegħu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946