Left arrow Mur Lura

L-AĠENZIJA TAL-PAGAMENTI TQASSAM MA’ L-LM4 MILJUNI F’GĦAJNUNIET LIS-SETTUR AGRIKOLU

PR0179
Date Icon 04/02/2005

L-Aġenzija tal-Pagamenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent qassmet ma’ l-Lm4 miljuni f’għajnuna lis-settur agrikolu.  Dawn l-għajnuniet huma possibli wara li pajjiżna waqqaf, kif kien mitlub, l-Aġenzija ta’ Pagamenti li hi nkarigata mill-amministrar u t-tqassim tal-fondi li jkunu ġejjin mill-Unjoni Ewropea u mill-Gvern Malti. 

Dan ħabbruh l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino u s-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Biedja u Sajd, Frans Agius waqt attività fil-Girgenti, li matulha ngħataw dettalji dwar diversi għajnuniet li qed igawdi minnhom is-settur agrikolu. 

Permezz ta’ din l-għajnuna qed igawdu kemm is-settur tal-frott u l-ħxejjex, kif ukoll is-settur tal-bhejjem.  L-għajnuniet huma mqassma kif ġej: 

§        LM1 miljun f’sussidji fuq frott u ħxejjex li għaddew mill-Pitkalija;    

§        madwar Lm60,000 ingħataw f’għajnuna  għall-bdiewa li jkabbru l-patata; 

§        l-għajnuna fuq dwieli tlaħħaq is-Lm740,000 li tkopri kemm l-għajnuna fuq dwieli ġodda, kif ukoll l-għajnuna fuq id-dwieli eżistenti; 

§        l-għajnuna lill-produtturi ta’ tadam għall-ipproċessar tlaħħaq is-Lm700,000; 

§        Lm1.1 miljuni qed jingħataw bħala miżura ’ad hoc’ f’għajnuna lill-bdiewa reġistrati full-time; 

§        ir-raħħala qed igawdu wkoll minn għajnuna ta’ madwar Lm350,000 bħala sussidju fuq il-qatla ta’ ċanga u nagħaġ. 

Il-Ministru George Pullicino qal li din l-għajnuna tikkonferma kemm in-negozjati ma’ l-Unjoni Ewropea qed isarrfu f’benefiċċji, li qed iservu biex jgħinu lis-settur agrikolu Malti jirristruttura ruħu; u b’hekk ikun lest biex isir dejjem aktar effiċjenti u kompetittiv. 

Hu fakkar illi kieku bqajna barra mill-Unjoni Ewropea, dan ir-ristrutturar kellu jsir xorta u dan mingħajr ebda għajnuna jew fondi mill-Unjoni Ewropea. 

Il-Ministru Pullicino qal li fl-14 ta’ Frar jerġgħu jiftħu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatata mal-ħidma ta’ l-art agrikola u għal dan il-għan, fil-jiem li ġejjin se ssir kampanja ta’ tagħrif u jitħabbru wkoll aktar dettalji. 

Is-Segretarju Parlamentari Frans Agius qal li minbarra din l-għajnuna, il-bdiewa għandhom iħejju ruħhom biex b’hekk jiggwadanjaw mir-riforma fil-Pitkalija li se tidħol fis-seħħ matul din is-sena.  Din ir-riforma se twassal biex il-bidwi jkollu sehem akbar fit-tmexxija tal-Pitkalija u se tiżgura li l-konsumatur Malti jgawdi minn prodotti lokali friski u ta’ kwalità akbar. 

Iż-żewġ kelliema rringrazzjaw lill-impjegati kollha tad-dipartiment għall-impenn tagħhom biex illum setgħu jitqassmu dawn l-għajnuniet li minnhom qed tgawdi l-komunità agrikola kollha.  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow