TINFETAĦ IT-TAQSIMA TAL-FORENSIKA FL-ISPTAR MONTE CARMELI
Il-Vici Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Tonio Borg flimkien mal-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Louis Deguara, inawguraw it-taqsima tal-Forensika fl-Isptar Monte Carmeli.
Il-Ministru Louis Deguara qal li f’dawn l-aħħar snin saru tibdiliet kbar fl-isptar Monte Carmeli. Dawn kollha servew biex issa fl-isptar qed jingħataw servizzi f’ambjent aħjar li jwassal għall-kwalità ta’ ħajja aħjar tal-pazjenti u anki għall-ħaddiema. Bix-xogħol u d-dehra ġdida li issa għandu, dan l-isptar m’għadux jitqies bħala post mistkerraħ. Dan l-aħħar infetaħ ukoll mużew li hu miftuħ il-ħin kollu biex aktar barranin iżuru dan il-post u jaraw b’għajnejhom il-bidliet kbar li saru.
Il-Ministru fakkar li l-isptar Monte Carmeli ilu għal snin twal jilqa’ pazjenti mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Pero għalkemm il-mard ta’ dawn il-persuni huwa bħal ta’ pazjenti oħra l-fatt li jkunu ġejjin mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jitlob li jkun hemm struttura differenti fil-konfront ta’ dawn il-pazjenti l-aktar minħabba neċessitajiet ta’ sigurtà. Sal-lum dan l-isptar ma kellux dawn il-faċilitajiet u għalhekk mhux l-ewwel darba li kellna l-problemi. Wara ħafna xogħol u kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità u l-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern illum qed tiġi inawgurata taqsima ppjanata apposta biex tilqa’ għall-ħtiġijiet kemm ta’ dawn il-pazjenti kif ukoll tal-ħaddiema.
Fid-diskors tiegħu, il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg qal li f’każijiet meta xi priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ikun disturbat, il-Konsulent Psikjatru tal-Habs jirreferih għall-Isptar Monte Carmeli. Sa ftit taż-żmien ilu dawn il-priġunieri kienu jitpoġġew f’Ward 10 li ma kienitx attrezzata tajjeb. Il-Gvern huwa mpenjat li jagħmel minn kollox biex priġunieri fil-Faċilità Korrettiva jingħataw kull opportunità biex jirrijabilitaw irwiehom biex ikunu jistgħu jerġghu jintegraw fis-soċjetà wara li jiskuntaw is-sentenza tagħhom. Bil-ftuħ tal-Unit Forensiku ġdid, wara ħidma siewja mill-Ministeru tas-Sahha, hemm ħafna iktar possibiltajiet li l-priġunieri jiġu rijabilitati peress li l-Unit ser ikun attrezzat ħafna ahjar, b’ċelel kbar u arjużi, b’faċilità ta’ btieħi.
Kien ilu jinħass il-bżonn li fl-isptar Monte Carmeli ikun hemm faċilità għal persuni li jiġu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. L-ippjanar għall-din il-taqsima ġdida beda fl-2003 meta konsulenti psikjatriċi u uffiċjali mill-Ministeru tal-Ġustizzja u Intern bdew ifasslu l-ħtiġijiet u l-faċilitajiet li kien hemm bżonn għal sala li tipprovdi servizz mediku mill-aqwa b’livell għoli ta’ sigurtà.
It-Taqsima tal-Forensika l-ġdida ser tilqa’ fiha pazjenti li qabel kienu jinżammu f’sala b’faċilitajiet limitati u b’livell baxx ta’ sigurtà. Is-sala l-antika kienet takkomoda madwar 10 pazjenti u billi nbniet snin ilu ma kienitx tilqa’ biżżejjed għall-ħtiġijiet tal-lum.
Ix-xogħol nbeda fl-2004 wara li nħarġet sejħa għall-offerti. Barra xogħol strutturali ġew installati sistemi ġodda ta’ sigurtà u teknoloġija biex iħarsu kemm is-saħħa u sigurtà tal-pazjenti kif ukoll ta’ l-impjegati. Flimkien mal-konsulenti sar ukoll xogħol biex jiġu mfassla protokolli ġodda li jservu ta’ gwida għall-impjegati kollha li jkunu qed jaqdu dmirhom ġo din is-sala.
Din il-faċilità ġiet tiswa ’l fuq minn Lm160,000 u se tilqa’ fiha 13-il-pazjent li jkunu qegħdin iservu sentenza ta’ ħabs ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u li jkunu qegħdin ibatu minn problemi mentali. Din is-sala se tilqa’ wkoll lil dawk mibgħuta mill-Qrati li jkunu għadhom ma ġewx issentenzjati. F’din is-sala hemm erba’ sodod oħra li jistgħu jintużaw minn pazjenti li minħabba d-disturb mentali tagħhom ma jkunux jistgħu jinżammu ġewwa swali oħra fl-Isptar Monte Carmeli.
It-tmexxija ta’ din is-sala flimkien mas-sigurtà tagħha ser tkun f’idejn l-awtoritajiet tal-Facilità Korrettiva ta’ Kordin. L-awtoritajiet ta’ l-isptar Monte Carmeli għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu l-kura medika u li jipprovdu l-infermiera skond il-ħtiġijiet tas-sala. Biex ix-xoghol jimxi mingħajr problemi hemm bżonn ta’ koordinazzjoni u koperazjonui sħiħa bejn l-isptar Monte Carmeli u l-Facilità Korrettiva ta’ Kordin. Din il-koperazzjoni ilha għaddejja fit-tmexxija tas-sala eżistenti fl-isptar. Dan flimkien mal-faċilitajiet tat-taqsima l-ġdida għandu jirriżulta f’servizzi aħjar kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-impjegati.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946