XOGĦOL AVVANZAT TA’ BINI TA’ ĠNIEN FL-IMQABBA
Jinsab fi stadju avvanzat ħafna ix-xogħol ta’ bini ta’ ġnien ġewwa r-raħal ta’ l-Imqabba, liema xogħol qed jitwettaq mit-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura. Ix-xogħol fuq dan il-ġnien beda f’Novembru 2004 u se jkun lest sa l-aħħar ta’ Frar.
Il-Ministru Ninu Zammit spjega kif dan il-ġnien sofra ħsarat konsiderevoli matul is-snin minħabba l-fatt li l-istess ġnien kien ġie mibni fuq barriera li kienet fonda ħames sulari. Partijiet minn dan il-ġnien sfrundaw minħabba li l-art strieħat matul iż-żminijiet. Tneħħa kwantità kbira ta’ terrapien sabiex ingħatat sodda tal-konkos li fuqha reġa’ nbena l-ġnien. Dan il-proġett jikkonsisti wkoll f’pavimentar tal-ġnien, dwal ġodda u installazzjoni ta’ bankijiet.
Twettaq ukoll xogħol ta’ spralli u pavimentar fi Triq l-Isptar ftit passi bogħod mill-istess ġnien. Dan ix-xogħol kien meħtieġ minħabba problemi ta’ għargħar fl-inħawi.
Ix-xogħol kollu twettaq minn ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura, liema xogħlijiet jinkludu bankijiet ta’ l-injam, arbli tad-dawl u sistema ta’ l-elettriku ġdida.
Il-Ministru Zammit spezzjona wkoll ix-xogħol estensiv li sar b’joint venture mal-Kunsill Lokali Mqabba, liema xogħol jikkonsisti f’pavimentar ta’ toroq u bini ta’ bankini u spralli. Huwa aċċenna għal fatt li l-iskema li tnediet fis-sena 2004, fejn jitwettqu xogħlijiet bi sħab mal-Kunsilli Lokali qegħda twassal għal iktar effiċjenza fit-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Fost dawn ix-xogħlijiet, il-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura semma xogħlijiet ta’ tisbiħ f’Santa Venera, fl-Iklin u Ħal-Balzan. Il-Kunsilli Lokali li utilizzaw din l-iskema matul l-2004, iffrankaw bejniethom ’l fuq minn Lm80,000.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946