IL-POLICY GĦALL-ĦADDIEMA TAL-GVERN DWAR ATTIVITAJIET ORGANIZZATI MINN PARTITI POLITIĊI KIENET U GĦADHA L-ISTESS
Briferenza għall-allegazzjonijiet magħmula mis-Segretarju Ġenerali tal-Malta Labour Party dwar nuqqas ta’ tolleranza politika u dan minħabba l-fatt li d-Direttur għall-Gvern Lokali ma ngħatax permess jattendi u jindirizza l-Kungress tal-Kunsillieri Laburisti, għandu jingħad li l-policy għall-ħaddiema kollha tal-Gvern kienet u għadha l-istess.
Dan ifisser li l-ebda uffiċjal pubbliku ma jista’ jipparteċipa f’xi attivita’ organizzata minn xi partit politiku b’mod li jista’ jtellef il-fiduċja tal-pubbliku jew li jista’ jinħoloq xi kunflitt mad-dmir ta’ dak l-uffiċjal pubbliku.
Ta’ min ifakkar li anke l-‘Kodiċi ta’ Etika għall-Impjegati fis-Settur Pubbliku’ jisħaq fuq l-importanza li tinżamm il-fiduċja tal-pubbliku fl-imparzjalita’ ta’ l-uffiċjali pubbliċi. L-istess kodiċi jkompli jisħaq li, biex wieħed jiddetermina x’inhu xieraq li wieħed jagħmel f’każ partikolari, jiddependi fost l-oħrajn mill-pożizzjoni li jkun jokkupa l-uffiċjal pubbliku u mir-regolamenti eżistenti fl-organizzazzjoni konċernata.
Ta’ min isemmi li n-natura ta’ l-operat tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, li għandu r-rwol ta’ gwida u sorveljanza ta’ l-operat tal-Kunsilli Lokali, min-natura tagħha, titlob imparzjalita’ u fiduċja kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-Kunsillieri Lokali kollha, ikun x’ikun it-tħaddin politiku tagħhom.
Għaldaqstant, id-deċiżjoni li d-Direttur għall-Gvern Lokali ma jipparteċipax f’Kungress organizzat minn partit politiku hu konformi mal-‘policy’ li kienet u għadha applikabbli għall-uffiċjali pubbliċi kollha, u wkoll konformi ma’ l-imġieba mistennija minn kull uffiċjal pubbliku, sabiex ma titnaqqasx il-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet pubbliċi bħala istituzzjonijiet li għandhom joperaw lil hinn mill-kamp politiku partiġġjan.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946