Left arrow Go Back

TWETTIQ TAL-KURRIKULU NAZZJONALI

PR0170
Date Icon 03/02/2005

“Sentejn wara li nfetaħ iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kurrikulu, u ftit aktar minn erba’ snin wara li kien ippublikat il-Kurrikulu Nazzjonali, l-iskejjel kollha għandhom ħafna aktar għarfien dwar il-prinċipji, il-valuri u l-miri tal-kurrikulu. Għalkemm għad fadal xi jsir biex l-iskopijiet tal-Kurrikulu jintlaħqu, f’dawn l-aħħar snin sar ħafna xogħol minn kulħadd biex titjieb il-kwalita` ta’ l-edukazzjoni fl-iskejjel kollha tagħna.” Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea meta żar iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kurrikulu fit-tieni anniversarju mill-ftuħ tiegħu.  

Dan iċ-Ċentru huwa s-sede tal-Kunsill tal-Kurrikulu Nazzjonali li twaqqaf f’Marzu ta’ l-2001 bħala parti mill-proċess ta’ riforma li ġab miegħu l-Kurrikulu l-ġdid.  Fiċ-Ċentru titwettaq parti mill-ħidma tal-Kunsill biex isir it-taħriġ ta’ l-għalliema, l-żvilupp ta’ materjal edukattiv, u ‘workshops’ bejn l-għalliema.  

Il-Kunsill Nazzjonali dwar il-Kurrikulu hu magħmul mill-imsieħba kollha li għandhom interess fit-tmexxija tal-qasam edukattiv f’pajjiżna.  L-iskop tal-Kunsill hu li jigwida, jissorvelja u jwieżen it-twettieq tal-Kurrikulu Nazzjonali.  Dmir il-Kunsill hu wkoll li jevalwa u jivverifika l-kwalità u l-‘istandards’ ta’ l-edukazzjoni fl-iskejjel Maltin u Għawdxin bejn it-3 u s-16-il sena.  

Waqt l-attività l-Ministru Galea qal li m’hemmx dubju li l-implimentazzjoni tal-Kurrikulu matul dawn l-aħħar ħames snin saret b’mod tanġibbli u hemm ħafna  eżempji prattiċi u tajbin ta’ inizjattivi li ġabu bidliet kbar imma silenzjużi fl-iskejjel tagħna ta’ l-Istat, tal-Knisja u privat.  Hu tenna li l-implimentazzjoni tal-Kurrikulu hi responsabbiltà ta’ kull min għandu għal qalbu l-edukazzjoni. Il-Ministru Galea fisser li tul din is-sena ser inkunu nistgħu naħdmu flimkien biex nagħmlu passi oħra ’l quddiem fil-mixja biex it-twettiq fir-realta` tal-viżjoni sabiħa li jurina l-Kurrikulu Nazzjonali jinfirex f’aktar skejjel u klassijiet. Il-Gvern irid li l-kwalita` tajba ħafna li għandna f’diversi skejjel tintlaħaq ukoll minn dawk l-iskejjel li qed jaffaċċjaw sfidi partikolari, uħud minnhom diffiċli.  

Il-Ministru Louis Galea fisser li l-pass importanti li diġa` wettqu l-iskejjel meta qed ifasslu u jwettqu Pjan ta’ Żvilupp għall-Iskola issa jrid iwassal biex il-Kurrikulu Nazzjonali jservi bħala qafas b’saħħtu ta’ gwida li jippermetti lill-gruppi ta’ skejjel ifasslu u jadottaw kurrikulu li jkun skond il-bżonnijiet speċifiċi tal-komunita` ta’ studenti li għalihom ikunu responsabbli. Din hi opportunita` li l-kapijiet ta’ skejjel u għalliema qed jinsistu għaliha u l-Ministeru irid li jinħolqu l-istrutturi biex l-iskejjel ikollhom l-appoġġ meħtieġ ħalli jirrealizzaw il-pjan u l-objettivi tagħhom.   

Fid-diskors tiegħu s-Sur Raymond Camilleri, Direttur tad-Dipartiment tal-Kurrikulu, li hu wkoll iċ-Chairperson tal-Kunsill, elenka numru ta' miżuri li ttieħdu biex jitwettaq il-kurrikulu u semma wkoll diversi eżempji tajbin ta' prattiċi u programmi li qed isiru fl-iskejjel u li qed jagħtu ħafna frott.  Is-Sur Camilleri sostna li tagħmel kemm tagħmel id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu, u jkun hemm kemm ikun hemm riżorsi, l-Kurrikulu jitwettaq tassew meta f'kull klassi ta' kull skola tizviluppa l-mentalità edukattiva biex isseħħ il-qabża fil-kwalità li jitkellem dwarha l-Kurrikulu Nazzjonali u li dwarha jaqbel kulħadd.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow