PJAZZA LI TIXRAQ LIR-ROTUNDA TAL-MOSTA
Il-Knisja tal-Mosta hi monument nazzjonali li jiġbed lejh eluf ta’ Maltin u turisti. Għalhekk hu xieraq li l-misraħ faċċata ta’ din il-Knisja jissebbaħ.
Il-Kunsill Lokali Mosta bl-għajnuna tal-Ministeru tat-Turiżmu u Kultura, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u l-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq qed iwettaq dan il-proġett. Il-proġett jinkludi it-tkomplija tal-culverts eżistenti; sistema ta’ CCTV; tindif, tiswija u overflow tal-ġibjun; xogħlijiet marbuta mas-servizzi; street furniture; sistema ta’ tisqija u landscaping li tinkludi ċaqliq ta’ siġar; ċangatura ġdida għall-bankini; asfaltar tal-pjazza u toilets għal persuni b’diżabilita’.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech żar dan il-proġett. Hu qal li l-Mosta kienet gawhra ta’ storja li tattira lejha mijiet ta’ eluf ta’ turisti, l-aktar biex iżuru l-Knisja parrokjali li hi ġojjel arkitettoniku. “ Meta ġejt avviċinat biex il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, flimkien ma’ ministeri ora, jagħti kontribut biex din il-pjazza tissebbaħ, jien ma stajtx ma nikkoperax. Nemmen li l-Mosta ħaqqha li jkollha misraħ mill-isbaħ sew għar-residenti li jlaħħqu t-18,000 u anke għaliex hi attrazzjoni turistika, li qed tagħti sehem importanti biex nippromwovu pajjiżna bħala esperjenza,” qal il-Ministru Zammit Dimech.
Francis Zammit Dimech żied jifraħ lill-Kunsill Lokali għall-inizjattiva tiegħu u għall-ħidma li wettaq u wiegħed li kif fil-passat għen biex isir xogħol ta’ restawr, kif illum qed igħin f’dan il-proġett, hekk fil-futur se jkompli jagħti s-sehem tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura biex il-Mosta tkompli tissebbaħ.
Il-Ministru Zammit Dimech ġie mdawwar max-xogħlijiet li qed isiru mis-Sindku Joe Demartino u minn uffiċjali tal-Kunsill.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946