Left arrow Go Back

JITNIEDA L-PROĊESS KONSULTATTIV GĦALL-PROĠETTI FIT-TOROQ ELEĠIBBLI GĦALL-FINANZJAMENT MILL-UNJONI EWROPEA

PR0163
Date Icon 02/02/2005

Il-Gvern identifika 13–il proġett għal titjib f’toroq arterjali, liema proġetti jistgħu ikunu eleġibbli għall-finanzjament mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. In-nefqa totali fuq dawn il-proġetti mistennija tilħaq it-€315 miljun.    

Dawn il-figuri ħarġu dal-għodu waqt it-tnedija uffiċjali tal-proċess konsultattiv fuq dawn it-tlettax–il proġett mill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett.  

Il-Ministru qal li issa li x-xogħol tal-Protokol Taljan miexi b’ritmu mgħaġġel, ħarġu it-tenders għax-xogħlijiet finanzjati mill-Fond Strutturali u fi ftit ġimgħat oħra ser joħorġu t-tenders għax-xogħlijiet finanzjati mill-Fond ta’ Koezjoni. Il-pass li jmiss huwa li nibdew nippjanaw għall-proġetti li ser ikunu eleġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni Ewropea, malli jidħol fis-seħħ il-budget ta’ bejn l-2007 u l-2013.  

Il-Ministru spjega li wara studji li kienu saru fis-sena 2000 u n-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea, l-UE kienet iddeċidiet li ddaħħal l-ajruport, erba’ portijiet u 51 kilometru ta’ toroq arterjali fit-Trans European Network – Transport (TEN-T) tagħha. Sistemi tat-trasport inklużi fit-TEN-T jistgħu jittejjbu b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea.  

Minħabba li proġetti ta’ titjib fuq it-TEN-T jrid jkunu ekonomikament u ambjentalment vijabbli, u jrid ikollhom l-permessi kollha meħtieġa l-proċess biex ikunu identifikati l-proġetti meħtieġa fuq in-network tat-toroq, l-iddiżinjar tagħhom, l-environment impact assessments u l-feasibility studies qed jinbeda issa - sentejn qabel jidħol fis-seħħ il-perjodu finanzjarju li jmiss.  

Fis-sena 2003 il-Gvern kien ikkummissjona studju biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet eżistenti fuq it-TEN-T road network ta’ Malta. Dan l-istudju kien sar mill-kumpannija Franċiża BCEOM s-sena li għaddiet. Minnu kienu identifikati 13–il proġett li bejniethom ser iwasslu biex Rotta numru 1 (Victoria sal-Imġarr, Ċirkewwa sal-Freeport) u Rotta numru 6 (Marsa sal-Belt Valletta) jiġu mtejjba.  

Dawn il-proġetti ġew approvati mill-Kumitat tal-Kabinett dwar il-Proġetti Nazzjonali u l-Kabinett tal-Ministri. Minħabba li dan il-pjan jista’ jkollu impatt fuq l-ambjent, diversi komunitajiet u aspetti oħra tal-ħajja ta’ kuljum, qed jinbeda dan il-proċess konsultattiv mal-istakeholders u l-komunitajiet effettwati minn dawn il-proġetti. Wara li jitlesta dan il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika dawn il-proġetti kollha jridu jimxu bħala applikazzjonijiet għall-permess ta’ żvilupp mal-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar. Il-permessi mistennija joħorġu aktar tard din is-sena biex imbgħad jibda x-xogħol fuq id-l-iddiżinjar tal-proġetti indikati.  

Il-Ministru Mugliett qal li minħabba li l-perjodu tal-budget tal-UE huwa wieħed twil – madwar sitt snin - inħasset il-ħtieġa li dawn il-proġetti jingħataw prijoritajiet differenti.  

Fil-fatt il-Kabinett, fuq proposta tal-Ministru Mugliett approva li tliet proġetti jingħataw prijorita fuq l-oħrajn. Dawn kienu grade separated junction minn ħdejn is-salib tal-Marsa sax-Shipbuilding, multi-level junction flok ir-roundabout tal-Kappara, junction oħra li minn triq Diċembru 13 tieħu lejn il-port il-kbir.  

Il-proġetti li tnedew illum għall-konsultazzjoni pubblika ma jinkludux il-proġett maħsub għall-Għadira peress li l-Kabinett iddeċieda li jesplora aktar alternattivi għal dan il-proġett. L-anqas ma jinkludu il-proġetti maħsuba għal Għawdex peress li l-istudju biex jiġu identifikati l-bżonnijiet ta’ dik il-parti tat-TEN-T ser ikun qed isir fix-xhur li ġejjin. Ta’ min jgħid li t-tender għal dan l-istudju ħareġ dan l-aħħar.  

“Hu maħsub li l-ispiża fuq dawn it-13 –il proġett ser tilħaq it- €315 miljun. Pajjiżna jista’ jikseb bejn 75% u 80% ta’ din is-somma. Dan ifisser li jkollna sors sostanzjali ta’ fondi biex verament intejjbu l-istandard tat-toroq tagħna,” tenna l-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq.  

Il-Ministu appella biex lill-istakeholders  preżenti biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-konsultazzjoni minħabba li dan jgħin ħafna fl-iddizinjar tal-proġetti u anke biex jkunu antiċipati u evitati kontroversji li jistgħu jinqalgħu.  

“Dan il-process juri l-impenn tal-Gvern biex jisfrutta u juża l-finazjament kollu possibbli biex ikompli jġib il-pajjiż ‘l quddiem u jtejjeb il-ħajja tal-Maltin u l-Ghawdxin kollha u l-kompetittivita’ ta’ Malta.  

“It-tir tagħna hu li ma’ nitilfux lira mill-fondi disponibbli u l-anqas ma rridu naqgħu lura fil-programm. Irridu li x-xoghlijiet jibdew malli jidħol fis-seħħ il-budget għas-snin 2007-2013. Għalhekk qed nantiċipaw li l-ewwel tenders joħorġu lejn l-aħħar tas-sena d-dieħla. Jekk nimxu skond dawn il-pjanijiet ser ikollna proċess kontinwu ta’ bini ta’ toroq fuq skala li l-pajjiż qatt ma ra bħalu qabel,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow