Left arrow Go Back

SENA EWROPEA TAĊ-ĊITTADINANZA PERMEZZ TA’ L-EDUKAZZJONI

PR0160
Date Icon 02/02/2005

Wara li s-sena li għaddiet kienet is-sena Ewropea ta’ l-Edukazzjoni permezz ta’ l-Isport, il-Kunsill ta’ l-Ewropa identifika din is-sena bħala s-sena Ewropea taċ-Ċittadinanza permezz ta’ l-Edukazzjoni.  L-iskop hu li fil-pajjiżi Ewropej titqajjem aktar kuxjenza dwar l-importanza taċ-Ċittadinanza – jiġifieri id-dritt taċ-ċittadin li jipparteċipa fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fuq livell lokali, nazzjonali, reġjonali jew dinji permezz tad-demokrazija.  L-edukazzjoni hi l-aqwa għodda biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw b’moħħhom u ma’ jispiċċawx pupi f’idejn min jara d-demokrazija biss mill-lenti tal-poter u jinsa l-lenti tas-servizz u l-ġid komuni.  L-edukazzjoni trid trawwem fit-tfal il-valuri tad-demokrazija u taċ-ċittadinanza.

Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, flimkien mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni (permezz tad-Dipartiment tas-Servizzi għall-Istudent), nidew program ta’ attivitajiet li se jsiru fis-sena li ġejja marbutin mat-tema taċ-ċittadinanza waqt attività li saret fl-Iskola Primarja San Ġorġ f’Ħal-Qormi.  Waqt din l-attività saret laqgħa bejn il-kunsill ta’ l-istudenti u l-kunsill ta’ l-iskola li hu magħmul mill-Għalliema u l-Ġenituri ta’ l-istess skola.  Din hi l-ewwel darba li dawn iż-żewġ kunsilli qed jitaqgħu flimkien biex isegwu aġenda komuni.  Din il-laqgħa ħabtet ma l-ewwel laqgħa tal-Kunsill l-ġdid li ġie elett fl-elezzjonijiet li saru l-ġimgħa li għaddiet.  Fil-laqgħa ġew diskussi temi ta’ importanza għall-iskola fosthom l-organizzazjoni tal-Librerija.  

Fid-diskors tiegħu, l-Ministru Louis Galea faħħar l-inizjattiva ta’ l-iskola li jkollha kunsill ta’ l-istudenti u kunsill ta’ l-iskola li t-tnejn jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħajja ta’ l-iskola u b’hekk ikunu parti mit-teħid tad-deċiżjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar jaffettwaw lilhom stess.  Il-Ministru faħħar ukoll l-inizjattiva li dawn iż-żewġ kunsilli jingħaqdu għal din l-okkażjoni għaliex huwa tajjeb li l-kunsill ta’ l-iskola jisma x’inhuma l-bżonnijiet u aspirazzjonijiet ta’ l-istudenti.  

Louis Galea qal li l-kliem Demokrazjia u Ċittadinanza flimkien ma oħrajn bħal devoluzzjoni u sussidjarjatà faċilment isiru ‘buzz words’ li jitilfu s-sinjifikat tagħhom.  Hu qal li l-Gvern ħaddem il-prinċipju tas-sussidjarjetà b’mod rivoluzzjonarju għax dejjem emmen li d-deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-individwi għandhom jittieħdu kemm jista jkun viċin tiegħu, fil-lokalità, fil-komunità jew fl-iskola fejn jgħix, jaħdem jew jattendi.  Hu għalhekk li l-Gvern ħoloq l-kunsilli lokali, il-kunsilli ta’ l-iskejjel u issa l-kunsilli ta’ l-istudenti u ta’ drittijiet ta’ parteċipazzjoni lis-soċjetà ċivili.  Hu ukoll fl-istess spirtu li l-Gvern qed jifrex il-poteri li qabel kienu responsabbilta’ tal-Gvern ċentrali bħal per eżempju bid-devoluzzjoni tal-libreriji lokali lill-Kunsilli Lokali.   

Il-Ministru Galea qal li biex iċ-ċittadinanza taħdem l-individwi iridu jkunu jafu sew x’inhuma d-drittijiet tagħhom u jkunu infurmati tajjeb dwar dak li qed jiġri madwarhom.  Hemm bżonn ukoll li l-gruppi kollha tas-soċjeta isemmgħu lehinhom u jiġu mismugħa biex b’hekk gruppi vulnerabbli u minoranzi iħossuhom ukoll parti mill-komunità.  Meta naraw l-aħbarijiet internazzjonali b’mod partikolari ix-xeni li rajna dan l-aħħar fl-Iraq nindunaw kemm id-demokrazija hi xi ħaġa li rridu ngħozzu u nrawwmu fostna u fost uliedna l-ħin kollu.   

Biċ-ċittadinanza demokratika irridu nwasslu l-ħiliet lill-istudenti biex ikollhom rwol attiv u effettiv fis-soċjetà f’livell lokali, nazzjonali u internazzjonali.  Filwaqt li jgħarfu d-drittijiet tagħhom bħala ċittadini iridu wkoll ikunu konxji mid-dmirijiet tagħhom lejn is-soċjeta’ li jgħixu fiha.  Permezz taċ-ċittadinanza demokratika l-istudenti jiżviluppaw u jħaddnu l-valuri tar-rispett tad-diversità  reliġjuża, etnika, kulturali u fl-opinjonijiet u li fid-diversità jista jkun hemm ukoll l-unità.   

“l-edukaturi kollha jeħtieġ jirrealizzaw li ċ-ċittadinanza llum, aktar minn qatt qabel, u b’sens ta’ urġenza, tfisser għarfien u sehem f’deċiżjonijiet li jolqtu l-ħajja tal-familja tagħna, tal-bnedmin u tad-dinja.  L-ekonomija u l-ħajja soċjali u l-ambjent qed jiġu deċiżi fuq il-bankijiet u l-laboratorji  tax-xjenza u t-teknoloġija ta’ kull tip.  Ċittadinanza vera tfisser ċittadini li għandhom bażi edukattiva b’saħħitha biex jifhmu għallanqas prinċipji elementary dwar ix-xjenza fl-ambjent, fil-bijoetika, fl-immaniġġjar u l-użu ta’ l-art, il-baħar, l-ilma, l-enerġija u l-iskart.  Dawn huma l-bażi tad-deċiżjonijiet politiċi diffiċli li diġà llum iċ-ċittadin qed jiġi mitlub jiddeċiedi.  Bla edukazzjoni u informazzjoni oġġettiva iċ-ċittadin jispiċċa qasba tixxejjer mar-riħ,” sostna Louis Galea.  

Il-Ministru Galea temm iħeġġeġ lill-edukaturi kollha biex tul is-sena 2005 jaraw li mhux biss ikun hemm xi attività favur iċ-ċittadinanza imma li jaraw li fl-iskola u fil-klassi tagħhom jgħixu ċ-ċittadinanza b’mod mill-aktar inklussiv.  Hu qal li jekk l-għalliema se jkomplu jagħmlu dak li dejjem għamlu l-istudenti mhux se jaraw il-bidla u b’hekk mhux se nkunu wettaqna l-iskop li din is-sena niffukaw, infehmu u nħeġġu iċ-ċittadinanza permezz ta’ l-edukazzjoni u dan jaf ikun ta’ dannu għalina lkoll fuq mhedda ta’ żmien.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow