PJAN NAZZJONALI DWAR L-IMPJIEGI
Il-Gvern qed jaħdem fuq Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Impjiegi (National Action Plan on Employment - NAP) li hu maħsub li jitlesta sa Ġunju ta’ din is-sena. Għaldaqstant se jitnieda proċess ta’ djalogu nazzjonali fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin fil-qafas tal-MCESD.
“Il-Pjan Nazzjonali dwar l-Impjiegi se jitratta diversi oqsma li għandhom x’jaqsmu mas-settur ta’ l-Impjiegi f’pajjiżna u se jkun qed jiżviluppa programmi biex jintlaħqu miri stabbiliti fi żmien stipulat. Parti integrali mill-Pjan Nazzjonali se tkun l-edukazzjoni u partikolarment l-edukazzjoni jew t-tagħlim tul il-ħajja.” Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea meta kien qed jitkellem waqt konferenza tal-GWU dwar it-tagħlim tul il-ħajja.
Il-Joint Assessment Paper (JAP) dwar il-prioritajiet ta’ Malta fil-qasam ta’ l-Impjiegi iffirmata f’Ottubru 2001 wriet li l-livell ta’ snajja u taħriġ tal-ħaddiema Maltin irid jogħla bl-involviment ta’ l-imsieħba soċjali kollha. Komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew dwar il-progress tal-pajjiżi applikanti għal sħubija fl-UE turi li f’dawn il-pajjiżi medja ta’ 6% biss ta’ l-adulti (bejn 25 – 64 sena) qiegħdin f’xi tip ta’ taħriġ jew tagħlim. Meta mqabbla mal-pajjiżi membri fejn il-medja hi ta’ 8.5% u partikolarment mal-medja ta’12.5% li l-UE trid tilħaq sa l-2010 jidher ċar li għad hemm ħafna x’isir. Ir-Rata f’pajjiżna ta’ tagħlim tul il-ħajja hu ta’ 4.4%, daqs ir-rata li hemm fil-Polonja u ftit għola min dik ta’ Ċipru, l-Ungerija u l-Litwanja.
Fit-tifsil tal-Pjan Nazzjonali (NAP) għall-2005, Malta se tindirizza t-tagħlim tul il-ħajja bl-iskop li tissodisfa dawn il-bżonnijiet:
· Il-bżonn li jkun hemm involvement ta’ l-imsieħba soċjali biex tisaħħaħ l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja.
· Il-bżonn li t-tagħlim tul il-ħajja jasal qrib il-familji Maltin u bl-aktar mod faċli.
· Il-bżonn li jkun hawn sistemi tajba ta’ gwida fil-karrieri u li t-tagħlim tul il-ħajja jkun appoġġjat minn gwida tul il-ħajja.
· Il-bżonn li tissaħħaħ ix-xibka ta’ komunikazzjoni bejn dawk kollha li jipprovdu tagħlim u taħriġ tul il-ħajja.
· Il-bżonn li t-tagħlim li wieħed ikollu ikun jista jiġi iċċertifikat
· Il-possibilita’ li jkun hawn ‘learning accounts’ individwali
L-Onor. Louis Galea qal li l-kunċett ta’ tagħlim tul il-ħajja ilu ftit żmien fuq l-aġenda lokali u ttieħdu diversi passi konkreti biex jissaħħaħ dan is-settur. Hu qal li t-tagħlim tul-il ħajja iddaħħal fil-Kurrikulu Nazzjonali bħala skop ewlieni li jrid jitlaħaq. Il-Kurrikulu jgħid li l-istudenti m’għandhomx jitqiesu bħala reċipjenti tat-tagħrif iżda bħala persuni li għandhom bżonn l-għodod meħtieġa biex ikomplu jitgħallmu tul ħajjithom. Il-Ministru qal li l-Gvern irrisponda b’mod serju u pożittiv għall-memorandum ta’ l-UE dwar it-tagħlim tul il-ħajja u fi żmien qasir wettaq diskussjoni nazzjonali u tħejja dokument. Hu qal li wara li saret din l-inizjattiva ikommissjona abbozz ta’ pjan strateġiku għall-implimentazzjoni ta’ politika dwar it-tagħlim tul il-ħajja f’pajjiżna. Il-Ministru ħabbar li dan l-abbozz issa tlesta u li dalwaqt tibda diskussjoni nazzjonali qabel ma jiġi addottat il-pjan strateġiku.
Il-Ministru qal li ir-rata mgħġaġġla ta’ żvilupp u bidla, u r-ristruturazzjoni li qed isseħħ qed jaffettwaw lid-dinja kollha u l-aktar lill-oqsma tax-xogħol u ta’ l-ekonomija. Din l-instabilita’ hi riżultat tal-bidliet mgħaġġla fin-natura tax-xogħol hekk kif il-metodi l-qodma ta’ produzzjoni industrijali qed jiġu sostitwiti b’teknoloġiji u stili maniġerjali ġodda. Hi din l-instabilita’ li toħloq il-bżonn li ħaddiema u l-management tagħhom iridu jibqgħu aġġornati ma bidliet li jkunu qed iseħħu il-ħin kollu.
‘It-Trade Unions ukoll iridu jinbidlu. Dan ifisser li jridu jibdew jaraw x’inhuma l-aħjar strateġiji li jridu jużaw biex ikun hemm aktar tagħlim tul il-ħajja u żvilupp tar-riżorsi umani. Il-Unions iridu jibdew jallokaw aktar riżorsi għat-taħriġ u l-iżvilupp tal-membri tagħhom speċjalment għal dawk li jkunu l-aktar vulnerabbli li jitilfu l-impjieg. Il-Unions iridu wkoll jaraw li l-opportunitajiet ta’ taħriġ u ta’ tagħlim tul il-ħajja ikunu parti ewlenija ta’ kull fteħim kollettiv li jsir ma min iħaddem kemm fis-settur publiku kif ukoll fis-settur privat’ temm jgħid il-Ministru Galea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en