IFFIRMAT FTEHIM DWAR L-EDUKAZZJONI BEJN MALTA U L-OLANDA
Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni f’Malta u l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Kultura u Xjenza fl-Olanda l-bierah iffirmaw ftehim ta’ ko-operazzjoni bejn iż-żewġ naħat fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-ftehim ġie ffirmat mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea għal Malta u l-Ambaxxatur ta’ l-Olanda l-E.T. Rienko Wilton. Il-ftehim hu validu sa’ l-aħħar ta’ l-2004.
L-iskop ta’ dan il-ftehim hu li Malta u l-Olanda jaħdmu flimkien favur it-titjib ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll biex ikomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bejnietna fil-kuntest tat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea. It-tlett oqsma li fuqhom se jkun hemm enfasi huma: Il-Livell Terzjarju u l-Edukazzjoni Ogħla – partikolarment fl-isfond ta’ bidliet importanti li qed iseħħu fl-Ewropa; il-Livell Sekondarju, post-sekondarju u vokazzjonali – partikolarment dwar ir-relazzjoni bejn dan il-livell u s-suq tax-xogħol; u l-qasam tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni u ta` l-informatika fl-edukazzjoni.
Tul is-sena 2004 iż-żewġ naħat se jkollhom laqgħat u workshops biex din il-ko-operazzjoni tiġi implimentata u tibda tagħti l-frott mistenni. B’hekk il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni se jiddetermina liema huma l-oqsma li fihom irid jieħu sehem u jagħżel lill-esperti li se jipparteċipaw fil-workshops u l-laqgħat li se jkunu organizzati.
Waqt l-iffirmar tal-ftehim il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea qal li dan il-ftehim jimmarka l-bidu ta’ ko-operazzjoni u ħbiberija bejn pajjiż ta’ l-UE u pajjiżna bħala membru ġdid ta’ l-istess Unjoni. Hu qal li bħala Ministru ta’ l-Edukazzjoni irid jara li jkun hawn ko-operazzjoni u kollaborazzjoni bejn pajjiżna u pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni biex pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem fil-qasam edukattiv. ‘Pajjiżna għandu ħafna x’joffri, partikolarment fil-qasam ta’ l-edukazzjoni, madankollu pajjiżna għandu wkoll ħafna x’jitgħallem u jikseb u għalhekk ftehim bħal dan jagħtina l-opportunita’ li filwaqt li noffru l-esperjenzi pożittivi tagħna f’ċerti oqsma, nitgħallmu mill-esperjenzi pożittivi tal-pajjiżi ġirien tagħna’. Il-Ministru irringrazzja lill-ambaxxatur Olandiż f’isem il-poplu Malti għal din l-opportunita’ u qal li hu konvint li dan il-ftehim mhux biss se tkun esperjenza pożittiva fil-qasam edukattiv imma se tkompli tqarreb iż-żewġ pajjiżi lejn xulxin.
L-Ambaxxatur Olandiz qal li dan il-ftehim hu sinjal pożittiv tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Hu qal li għalkemm l-Olanda kienet qed tħares lejn il-lvant ta’ l-Ewropa minn fejn ġejjin l-parti l-kbira tal-pajjiżi li se jissieħbu f’Mejju li ġej, l-Olanda qed tagħti importanza wkoll lin-nofsinhar ta’ l-Ewropa partikolarment f’Malta u Ċipru. Hu temm jawgura li l-ftehim iffirmat u l-ħidma taż-żewġ pajjiżi flimkien bħala msieħba li it-tnejn għandhom ħafna x’joffru, tkompli issaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali tajbin li diġa’ jeżistu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en