Left arrow Mur Lura

MODERNIZZAR FIL-FEMALE ONCOLOGY WARD IWASSAL GĦAL TITJIB TAS-SERVIZZ FL-ISPTAR BOFFA

PR866
Date Icon 25/05/2004

MODERNIZZAR FIL-FEMALE ONCOLOGY WARD IWASSAL GĦAL TITJIB TAS-SERVIZZ FL-ISPTAR BOFFA

Il-kunċett ta’ sħubija bejn il-Gvern, il-volontarjat u l-privat qiegħed jaqbad l-għeruq fil-qasam tas-saħħa fejn qed tikber dejjem iżjed il-koperazzjoni bejn il-Ministeru tas-Saħħa u l-volontarjat.  Il-gvern japprezza l-ħidma ta’ dawk kollha li b’diversi modi jikkumplimentaw il-ħidma tal-gvern.  Min-naħa tiegħu l-gvern jgħin anki finanzjarjament lil bosta għaqdiet volontarji biex ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom fost dawk l-aktar fil-bżonn.

Dan qalu l-Onor. Dr. Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, meta kien qiegħed jinawgura ‘Sala Marguerite’ - sala tan-nisa fid-Dipartiment ta’ l-Onkoloġija fl-Isptar Sir Paul Boffa.  Kien ilu jinħass il-bżonn li pazjenti nisa f’dan id-dipartiment ikollhom aktar spazju u faċilitajiet aktar komdi.  Dan huwa parti minn proġett ta’ ri-organizzazzjoni fid-dipartiment kollu. Issa jkun imiss il-modernizzar tas-sala ta’ l-irġiel u se tinħoloq day ward aktar spazjuża biex il-pazjenti jkunu moqdija aħjar.  Fl-aħħar għandha titwaqqaf taqsima ġdida għall-kura paljattiva.

F’Malta l-istess bħal f’pajjiżi barranin qiegħed jikber l-involviment tas-settur tal-volontarjat fil-qasam tas-Saħħa.  Minkejja li l-ispiża fil-qasam tas-Saħħa dejjem tiela’ il-gvern jibqa’ obbligat li jipprovdi s-servizz bażiku ta’ kura u li dan ikun aċċessibbli għal kulħadd.   Illum qegħdin naraw il-welfare society tieħu post il-welfare state fejn is-soċjetà kollha bi sforz kollettiv issostni lil min hu l-aktar fil-bżonn.  Dan hu li sawwar il-welfare society fejn mhux il-gvern biss jaħseb fil-bżonnijiet tas-soċjetà imma s-soċjetà kollettivament timpenja ruħha biex tgħin lil dawk aktar fil-bżonn.

F’dan il-proċess qegħdin naraw li s-settur tal-volontarjat qiegħed jagħti sehem kbir.  Fil-każ ta’ l-Isptar Boffa il-volontarjat qieghed għal darb’oħra jagħti kontribut permezz ta’ għajnuna li ssostni lill-pazjenti fid-diffikultajiet tagħhom.  Il-marda tal-kanċer tħalli effetti psikoloġiċi fuq il-pazjent u għalhekk ħajja aktar komda u ‘support’ morali jgħinu fis-suċċess tal-kura għas-sintomi fiżiċi tal-marda.  

Fil-każ tal-lum għandna l-Malta Cancer Foundation li taghti għajnuna kemm finanzjarja kif ukoll sigħat ta’ xoghol biex dan il-proġett seta’ jitwettaq.  Din il-Fondazzjoni għaddejja b’kampanja kontinwa ta’ ġbir ta’ fondi għall-Isptar Boffa.  Sinifikanti hu l-fatt li fit-tmexxija tal-Fondazzjoni hemm ukoll rappreżentanza tad-Dipartiment ta’ l-Onkoloġija u dan ikompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn it-tnejn.  Dan huwa proġett ieħor f’Boffa li l-Fondazzjoni għoġobha ssostni.  M’hemmx dubju li din il-Fondazzjoni hija strumentali biex dan il-kunċett ta’ kollaborazzjoni bejn il-gvern, il-volontarjat u l-privat ikompli jissaħħaħ.

Il-Ministru qal li f’dawn l-aħħar snin, kull min iżur l-isptar Boffa seta’ jinnota trasformazzjoni kemm fid-dehra kif ukoll fl-għoti tas-servizzi.  Illum dan l-isptar jipprovdi kura mill-aqwa grazzi għal tant professjonisti ddedikati li jagħtu dawn is-servizzi.  Is-suċċess ifisser aktar visti għall-kura għal min ibati b’din il-marda.  Kuljum madwar 100 pazjent u l-familjari tiegħu jattendu għal xi forma ta’ kura fid-Dipartiment ta’ l-Onkoloġija. 

Din is-sala se tissemma għal ‘Marguerite Mangion’ li kienet il-kap ta’ Chiswick School u li kienet pazjenta f’dan l-isptar.  It-tfal ta’ din l-iskola wegħdu li għas-snin li ġejjin se jgħinu biex is-sala ikollha dehra aħjar.  Fost affarijiet oħra se jgħinu biex tingħata dehra ġdida lill-ġnien li hemm mas-sala.

Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità rringrazzja lil kull min għen biex tinfetaħ din is-sala b’mod speċjali lill-Malta Cancer Foundation li l-ħidma tagħha fost dawk morda bil-kanċer qed tiżdied kuljum.  Hu awgura li l-kollaborazzjoni bejn il-management ta’ l-isptar Boffa u l-Fondazzjoni tkompli tissaħħaħ.


DOI - 25.05.2004

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow