Left arrow Mur Lura

IL-PROĠETT TAL-MILI BIR-RAMEL TAL-BAJJA TA’ SAN ĠORĠ JITLESTA SAL-ĠIMGĦA D-DIEĦLA

PR861
Date Icon 24/05/2004

IL-PROĠETT TAL-MILI BIR-RAMEL TAL-BAJJA TA’ SAN ĠORĠ JITLESTA SAL-ĠIMGĦA D-DIEĦLA

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ sodisfazzjon għalih jara li l-proġett għall-mili tal-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, tlesta fi żmien qasir ta’ tmint ijiem. Hu qal li b’kollox ġew impurtati 5,000 metru kubu, jew 7,000 tunnellata ta’ ramel, biex issa l-bajja għandha ramla ikbar li se titgawda mill-Maltin u t-turisti.

Il-Ministru kien qed jitkellem waqt zjara li ghamel fil-bajja ta’ San Gorg, f’San Giljan. Huwa qal li r-ramel li kien impurtat għadda minn testijiet rigorużi biex tkun assigurata l-kwalita’ tiegħu. Hu qal li għal dan l-iskop kienet tqabbdet kumpannija li tivverifika l-kwalita’ speċifikament biex tissorvelja il-produzzjoni tar-ramel qabel dan jitgħabba fuq il-vapur. L-eżerċizzju kollu kien segwit ukoll minn rappreżentant tekniku lokali tal-proġett li ntbagħat apposta l-Ġordan.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-5,000 borża tar-ramel kienu ittestjati individwalment, issiġġillati u numerati, biex ikunu żgurati l-ogħla livelli u biex kull ramla tkun ħielsa mill-kontaminazzjoni.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li filwaqt li x-xogħlijiet se jkunu weqfin għas-sajf se niffinalizzaw il-pjanti dettaljati tal-promenade il-ġdid. Fil-proċess se jkunu konsultati l-partijiet interessati. Hu qal li x-xogħol jerġa’ jibda fl-aħħar tas-Sajf biex titlesta t-tieni fażi, li tinkludi xogħlijiet estensivi għal sistema ta’ gandott kbir li se jieħu l-ilma li jinżel mill-inħawi. Din il-parti tal-proġett trid titlesta qabel is-sajf tas-sena d-dieħla.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura qal li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, permezz tad-Direttorat għall-Ippjanar tal-Prodott u l-Iżvilupp – li hu responsabbli għal dan il-proġett – se tassumi immedjatament ir-responsabbilta’ għall-immaniġġjar tal-bajja, li tinkludi superviżjoni 24 siegħa kuljum. Il-kriterji għal dan l-immaniġġjar se jkunu bbażati fuq il-ħtiġiet tal-‘blue flag’.

Francis Zammit Dimech qal li fi żmien qasir se toħroġ sejħa għal offerta għall-bini u t-tħaddim ta’ faċilita’ tal-‘catering’, li tinkludi ‘showers’, ‘toilets’ pubbliċi u Gazebo li tkun f’nofs il-bajja. Hu qal li l-area kollha se sservi biss bħala żona għall-għawm.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dan kien proġett ieħor maħsub biex itejjeb il-faċilitajiet li qed noffru f’pajjiżna għall-Maltin u t-turisti. Hu qal li f’dawn l-inħawi, fejn hemm għadd kbir ta’ lukandi, stabbilimenti ta’ l-ikel u ta’ divertiment twettqu, qed jitwettqu proġetti ta’ tisbiħ. Hu qal li diġa kien tlesta proġett ta’ tisbiħ tul it-triq li mill-bajja ta’ San Ġorġ twassal għat-triq ewlenija li tisbokka fi Triq Reġjonali. Francis Zammit Dimech qal li bħalissa kienet għaddejja ħidma kbira u intensiva biex jitlesta l-proġett ta’ tisbiħ f’Paceville.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern, permezz ta’ ħidma ta’ diversi ministeri, kien qed jagħmel ħiltu biex jagħti dehra dejjem isbaħ u aktar moderna lil pajjiżna. Hu qal li f’din il-ħidma l-Gvern kien jistenna l-kooperazzjoni ta’ kulħadd biex il-proġetti li jitwettqu, jitgawdew billi jinżammu fi stat tajjeb.

DOI – 24.05.2004
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow