FORUM TAR-RIĊERKA: L-APPRENDISTAT F’MALTA
FORUM TAR-RIĊERKA: L-APPRENDISTAT F’MALTA
L-esperjenza taż-żgħażagħ u ta’ min iħaddem kif ukoll il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li toffri l-iskema ta’ l-apprendistat kienu diskussi f’forum tar-riċerka organizzat mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ. Din ir-riċerka dwar l-apprendistat f’Malta saret mid-Diviżjoni tar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-Korporazzjoni. Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u Impjiegi, Dr Louis Galea, fetaħ dan il-forum.
Huwa tkellem dwar l-importanza ta’ l-apprendistat f’Malta, u li huwa ta’ benefiċċju għall-apprendist għaliex dan jista’ jpoġġi fil-prattika dak li tkun tgħallem fl-iskola. Barra minn hekk l-apprendisti jkunu qed jitgħallmu s-sistema li tħaddem il-kumpanija nnifisha. L-apprendistat huwa eżempju tajjeb ta` kif jista` jitpoġġa fil-prattika wieħed mill-għanijiet li qed tisħaq fuqu l-Unjoni Ewropea jiġifieri li jkun hemm djalogu bejn il-partijiet soċjali kollha.
Il-Ministru Galea rrefera għall-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) u l-Istitut ta` l-Istudji Turistiċi (ITS) u tkellem dwar is- sehem kruċjali li għandhom fit-taħriġ vokazzjonali li jingħata waqt l-apprendistat. Bit-twaqqif tal-MCAST u l-ITS il-Gvern qed jiżgura li qed jingħata taħriġ ta` kwalità għolja. Fil-fatt disa’ istituti fi ħdan l-MCAST bħalissa qegħdin jispeċjalizzaw f’oqsma differenti ta` taħriġ. Dan it-taħriġ qed iwassal għal diploma, pass wieħed ’il bogħod mill-istudji li qed jingħataw fl-Università. Fl-MCAST bħalissa hemm 3,374 student jitħarrġu fuq bażi full-time u 1,299 fuq bażi part-time.
Fl-istudju li tħejja mid-Diviżjoni tar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-ETC ipparteċipaw 367 apprendist u 160 kumpanija. In-numru ta` apprendisti qiegħed kull ma jmur dejjem jiżdied. Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ hija responsabbli li ssib post ta` taħriġ għal dawn l-istudenti fuq il-post tax-xogħol u tassigura li t-taħriġ li qed jingħataw huwa ta` kwalità għolja.
Ħafna mill-apprendisti intervistati attendew junior lyceums, skejjel sekondarji tal-lokal u skejjel tas-snajja’. Il-maġġoranza ta’ dawn l-apprendisti għandhom livell ta’ ċertifikat ordinarju. Il-kumpaniji li ħadu sehem huma maqsuma ndaqs bejn dawk li jħaddmu anqas jew aktar minn għaxar impjegati. L-iktar setturi li pparteċipaw fl-istudju kienu dawk tas-settur tal-manifattura, tas-settur tas-servizzi personali, soċjali u tal-komunità, settur tas-tiswija u bejgħ bl-imnut, kif ukoll lukandi u restoranti.
Il-maġġoranza tat-tfajliet li ħadu sehem f’dan it-taħriġ għażlu suġġetti bħal ‘hairdressing’ u ‘industrial design’ fil-waqt li l-maġġoranza tal-ġuvintur ħadu suġġetti fis-settur ta’ l-elettronika u mekkanika. Fost l-apprendisti kien hemm minnhom li urew ix-xewqa li jingħataw aktar informazzjoni qabel ma jidħlu fl-iskema u li jkunu offruti xogħlijiet b’kundizzjonijiet aktar addatati għalihom. Mill-banda l-oħra xi sidien tal-kumpaniji sostnew li jippreferu jħarrġu lin-nies tagħhom stess milli jimpjegaw apprendisti li mhux dejjem ikunu produttivi biżżejjed jew li jiddeċiedu li jabbandunaw il-kors. Min-naħa l-oħra ħafna mill-kumpaniji sostnew li s-sistema ta’ l-apprendistat hija ta` benefiċċju kbir għall-istudenti għaliex toffrilhom il-possibilità li jiżviluppaw l-ħiliet tagħhom b’mod prattiku u jagħtihom esperjenza ta’ xogħol qabel ma jibdew jaħdmu. Ħafna mill-apprendisti qalu li l-apprendistat huwa utli u li kieku jħeġġu żgħażagħ oħra biex jieħduh ukoll.
Fost ir-rakkommandazzjonijiet li ħarġu mill-istudju nsibu li għandu jkun hemm aktar koperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet li b’xi mod jew ieħor għandhom sehem f’dak li għandu x’jaqsam ma’ apprendistat; li l-apprendisti jkollhom l-opportunità li jkomplu jitħarrġu f’livelli aktar avvanzati wara li jispiċċaw l-iskemi;li għandu jkun hemm analiżi tat-taħriġ li qegħdin jingħataw l-istudenti kemm fuq il-post tax-xogħol u kif ukoll fl-istituzzjonijiet ta` taħriġ; u li informazzjoni ċara u dettaljata għandha tiġi offruta lill-apprendisti qabel ma jidħlu fl-iskemi. B’dan il-mod inkunu qed noħolqu bilanċ bejn dak li ż-żgħażagħ qed ifittxu fid-dinja tax-xogħol u dak li jkunu qed jistennew minnhom is-sidien tal-kumpaniji.
DOI – 21.05.2004
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en