INĊENTIVI BIEX IKTAR NIES IŻŻUR GĦAWDEX TA’ SPISS
INĊENTIVI BIEX IKTAR NIES IŻŻUR GĦAWDEX TA’ SPISS
Kif kien mħabbar aktar kmieni, llum ġew mħabbra inizjattivi li għandhom jinċentivaw lil iktar nies jużaw il-Gozo Channel u jżuru lil Għawdex. Konxji mill-fatt li Għawdex jiddependi fuq l-attività ekonomika ġenerata mit-turiżmu intern , ċioè miż-żjarat tal-Maltin, il-Ministru Austin Gatt fisser li dawn l-inċentivi huma immirati biex aktar nies iżżur Għawdex aktar spiss.
“Għall-ewwel darba qed nuru apprezzament reali tal-fatt li l-akbar kontributur lill-ekonomija Għawdxija hu l-vjaġġatur Malti u rridu ninċentivawh.” kompla l-Ministru Gatt.
L-ewwel inizjattiva mħabbra hija immirata lil min imur Għawdex spiss. Fl-istess waqt li dawn l-inizjattivi jaġevolaw lil min għandu qraba Għawdex u jitla’ jarhom spiss, lil min għandu propjetà f’Għawdex, u ma jostakolawx l-attività ekonomika għandha tħajjar lill-iktar nies biex imorru Għawdex iktar spiss.
Permezz ta’ din l-inizjattiva (Frequent Traveller Scheme);
· Min jitla’ tminn darbiet fi tlett xhur ser isib li ż-żidiet li ser jibdew fl-1 ta’ Ġunju fin-nollijiet m’humiex ser jaffettwawh. (Il-prezz ser jibqgħalu l-istess).
· Min jitla’ aktar spiss minn hekk il-biljett ser jorħoslu aktar mill-prezzijiet ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju.
· Min jitla’ Għawdex imqar darba fil-ġimgħa (dawk li għandhom weekend home) ser jibdew iħallsu daqs li kieku kienu Għawdxin!
· Ma baqax skop li Maltin bi propjetà f’Għawdex jaqilbu l-ID Card fuq it-tieni propjetà biex jiffrankaw min-noll. Maltin li jmorru Għawdex kull ġimgħa ser jiġu trattati daqs li kieku kienu Għawdxin.
Inizjattiva oħra li tħabbret hija l-GOZO BY NIGHT. Din l-inzjattiva hija maħsuba biex taġeovola t-Turiżmu Domestiku. Permezz ta’ din l-inizjattiva min imur Għawdex fil-għaxija (bejn is-7pm u l-4am) jivjaġġa għal Lm4 għall-passiġġieri kollha ta’ karozza waħda. (Eż. Karozza, xufier, 3 passiġġieri = Lm4, minflok Lm12 skont ta’ 66%.
Dawn l-inċentivi ser jgħinu biex Għawdex issir attrazzjoni turistika ta’ fil-għaxija u li permezz tagħha tibenefika l-ekonomija Għawdxija.
Fil-konferenza ta’ l-aħbarijiet il-Ministru Gatt irrijafferma l-fatt li għall-ewwel darba il-Gvern qiegħed jissussidja direttament l-ivjaġġar ta’ l-Għawdxin bejn Malta u Għawdew. Dan is-sussidju jammonta għal miljun u nofs lira. Il-Ministru Gatt fakkar li qabel it-tnaqqis fin-noll kien jitħallas mill-Gozo Channel li biex tagħmel hekk kellha jew topera f’vapuri tar-raċanċ jew taħdem bit-telf.
Apparti l-miljun u nofs lira Maltin li qed imorru direttament lejn l-Għawdxin, il-Gvern qed jiffinanzja il-vapuri (Lm4.1m fis-sena) u qed niffinanzjaw il-mollijiet (Lm750,000 fis-sena).
Il-Ministru Austin Gatt spjega li mhuwiex minnu li n-nollijiet qed jogħlew biex jitħallsu l-ineffiċjenzi! In-nollijiet li tħabbru aktar kmieni nħadmu wara sforz estensiv biex jinqatgħu l-ispejjeż. Dawn kienu jinkludu liberalizzazzjoni ta’ Sa Maison; t-tnaqqis fl-ispiża ta’ l-operat (Lm417,000 fis-sena); u ri-organizzazzjoni ta’ l-iskeda (Lm117,000 fis-sena)
Austin Gatt spjega li bejn l-1998 u l-2004 in-nollijiet M’GĦOLEW QATT! M’hux talli hekk, talli l-aħħar ċaqlieq (1998) KIEN TRAĦĦIS! Huwa sostna li wara l-eżerċizzju ta’ tnaqqis fl-ispiża tal-Gozo Channel saret ż-żieda mħabbra fuq in-nollijiet, żieda li f’ċerti każi tqassmet fuq tlett snin. Fl-aħħar tat-tlett snin, l-Għawdxin ser ikunu qed iħallsu fl-2007 kemm kienu ser iħallsu tul dawn l-għaxar snin kieku nżammu n-nollijiet ta’ l-1997.
Il-Ministru Gatt reġa’ tenna l-impenn politiku tal-Gvern għal Għawdex.
Gozo Channel Traffic Promotional Forum:
“Biex ikun sforz kollettiv għal promozzjoni tat-turiżmu intern, twaqqaf forum li huwa mmexxi mill-Ministeru tiegħi; u jinkludi lill-Ministeru għal Għawdex; lill-Gozo Business Chamber; lill-Gozo Tourism Association; lill-Malta Tourism Authority u lill-Gozo Channel Company Ltd.”
Austin Gatt spjega li dan il-forum twaqqaf biex flimkien “inwelldu ideat għal inizjattivi promozzjonali biex nattiraw aktar viżitaturi fi żminijiet u ħinijiet fejn jista’ jkollna aktar attività.” Mhux biss iżda permezz ta’ dan il-forum naraw kif jitjieb is-servizz tal-Gozo Channel u naħdmu biex nattiraw setturi partikolari jitħajru jivjaġġaw aktar bejn iż-żewġ gżejjer. Għan ieħor ta’ dan il-forum huwa li naraw li l-pubbliċità differenti li qed issir minn entitajiet differenti tkun aktar komplementari u għalhekk aktar effettiva.
Il-forum iltaqa’ l-ewwel darba din il-ġimgħa u ddiskuta t-terms of reference tiegħu. Il-Gozo Channel Traffic Promotional Forum ser jiltaqa’ regolarment bl-inkarigu li joħroġ bi TLETT RAKKOMANDAZZJONIJIET KULL SENA. L-inizjattivi jridu jkunu vijabbli finanzjarjament u jkunu meħudin b’tali mod li wieħed ikun jista’ jkejjel hux qed jirnexxu jew le (bħall-iskemi li qed inħabbru llum).Il-Ministru Gatt ħabbar ukoll li parti mill-profitti tal-Gozo Channel (10% tal-Profitt nett) ser jerġħu jinġu investiti f’dawn l-inizjattivi. Dan juri l-impenn tal-Gvern li mill-profitti tal-Gozo Channel naħdmu biex nattiraw aktar Maltin lejn Għawdex.
Waqt il-konferenza ta’ l-aħbarijiet il-Minstru Gatt irrejaġixxa għal kritika li saret. Dwar il-kumment li t-tariffi l-ġodda setgħu żieda fl-ispiża fuq il-kummerċ filwaqt li l-kritika setgħet kienet raġjonevoli s’issa għal min ma stenniex l-iskemi li tħabbru llum, il-verità hi li bil-Frequent Traveller Schemes qed INNAQQSU l-ispiża fuq il-kummerċ. Dwar il-kritika li saret li t-tariffi ser ikollhom impatt fuq l-impjiegi fis-settur turistiku, bl-inizjattivi tal-lum, il-Gvern jemmen li “ser nistimulaw AKTAR attività turistika.” Dwar il-kritika li saret minn naħa tal-Partit ta’ l-Oppożizzjoni li saret orħos issiefer milli tmur Għawdex, il-Ministru Gatt fisser li l-orħos vjaġġ (KM) Malta-Stansted Malta jiswa Lm46 return plus Lm35 taxxa: Lm80 għal persuna waħda u meta wasalt m’għandekx karozza miegħek kif għandek meta tasal b’Lm6.25 fil-gżira Għawdxija. Il-Ministru Gatt kompla li l-kritika li saret mill-Onor. Anton Refalo li din iż-żieda hija impossibbli għall-Għawdxin, il-Ministru Gatt spjega li fi 17-il sena (1987 sa 2004), in-noll għall-passiġġieri Għawdxin żdied b’1ċ2 kull sena! (20ċ fuq 17-il sena). F’19-il sena (1987 sa 2006), in-noll għall-karozzi ta’ l-Għawdxin ikun żdied b’7ċ9 kull sena! (Lm1.50 fuq 19-il sena)
Austin Gatt kompla li l-Gvern għandu r-responsabbiltà politika u amministrattiva għal dak li jiġri fil-Gozo Channel u din ir-responsabbiltà nerfgħuha b’wiċċna minn quddiem. Kuntrarjament għal meta l-Onor. Anton Refalo kien Segretarju Parlamentari għal Għawdex, u t-tariffi splodew ’il fuq f’sentejn.
Tariffs pr0835 a.jpeg
Tariffs pr0835 b.jpeg
Tariffs pr0835 c.jpeg
DOI 20.05.2004
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en