TITNIEDA SKEMA ĠDIDA TA’ PARKEĠĠ GĦALL-BELT VALLETTA
TITNIEDA SKEMA ĠDIDA TA’ PARKEĠĠ GĦALL-BELT VALLETTA
Fix-xhur li ġejjin, il-Gvern ser ikun qiegħed iħares lejn kif għandu jirrevedi is-sistema tat-traffiku fil-Belt Valletta.
Meta kien qed jippresiedi t-tnedija ta’ inizjattiva ġdida bejn l-MCP Co. Ltd., u r-Republic Street Business Community Association, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li wasal iż-żmien biex nibdew inħarsu b’lenti ġdida lejn kif huwa immaniġġjat it-traffiku fil-Belt, bil-għan li dan jibda’ jirrifletti l-ħtiġijiet moderni kif ukoll il-preġju ta’ din il-Belt maestuża.
“In-numru ta’ vetturi liċenzjati biex jidħlu l-Belt sal-aħħar tax-xahar li għadda, kien jiżboq is-56,000. Dan ifisser li waħda minn kull ħames vetturi liċenzjati f’Malta jistgħu jidħlu fil-Belt Kapitali. Din l-ammont sar insostenibbli speċjalment meta wieħed iqis li dawn il-karozzi kollha jistgħu jipparkjaw fit-toroq tal-Belt. Għalhekk irridu nħarsu lejn x’miżuri jeħtieġ li jiddaħħlu biex intejjbu l-ambjent tal-Belt Valletta,” żied jgħid il-Ministru Mugliett.
“Il-Belt Valletta tagħmel parti mill-Wirt Dinji. Belt bi storja glorjuża bħal din jistħoqqilha ambjent aħjar – ambjent li jagħmel mawra sal-Belt esperjenza unika kemm għall-Maltin, kif ukoll għal eluf ta’ turisti li jżuruha kuljum,” qal il-Ministru Mugliett.
“B’sistemi ta’ treġija tat-traffiku fil-Belt jistgħu jagħmlu anke esperjenza ta’ xiri, waħda isbaħ u aktar faċili, filwaqt li jikkumplimentaw l-isforzi ta’ dawk kollha li qegħdin jinvestu fl-ambjent fiżiku tal-Belt. Il-Gvern għandu l-ħsieb ukoll li jdaħħal aktar pedestrian zones fil-Belt Valletta biex jikkumplimentaw dawk eżistenti.”
Il-Ministru ghall-Izvilupp Urban u Toroq qal li din il-kwistjoni bħalissa, tinsab fuq l-aġenda tal-Kumitat tal-Kabinett dwar il-Proġetti Nazzjonali. Hu żied jgħid li tibdil bħal dan jista’ jseħħ biss jekk wieħed ikollu viżjoni sħiħa ta’ kif għandu jaħdem it-traffiku fil-Belt Valletta.
L-iskema imħabbra llum mill-MCP Co. Ltd u l-Komunita’ Kummerċjali ta’ Triq ir-Repubblika, toffri biljett għall-parkeġġ b’xejn fl-MCP Car Park tal-Floriana għal min jinqeda mill-ħwienet fil-Belt Valletta. L-iskema ser tkun applikata skond id-diskrezzjoni ta’ kull bejjiegħ. Il-biljett jibqa’ validu għal 24 siegħa wara li jintuża.
Il-Ministru Mugliett faħħar din l-inzjattiva u stqarr li s-suċċess li kisbu skemi simili għal din, f’Tas-Sliema u l-Fgura huma garanzija li din ser tintlaqa’ sew mill-pubbliku.
Hu qal li filwaqt li sservi ta’ inċentiv biex jinġiebu aktar xerrejja lejn il-Belt, din l-inizjattiva hija sinonima mal-ħsieb tal-Gvern li jnaqqas l-ammont ta’ vetturi li jidħlu l-Belt Valletta. Hu qal li din is-sinerġija ser tagħmel il-ġid kemm lill-operaturi tal-parkeġġ kif ukoll lill-bejjiegħa ta’ Triq ir-Repubblika.
“Iżda l-akbar rebbieħa ser ikunu x-xerrejja li ser ikollhom aċċess għal parkeġġ faċli u rħis, filwaqt li jnaqqsu l-ħin li jaħlu biex isibu fejn jipparkjaw fil-Belt stess. Ikun tassew interessanti wkoll naraw kif tintlaqa’ din l-inizjattiva kieku kellha tiġi estiża għal ristoranti, teatri u stabbilimenti kulturali oħra,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.
DOI - 19.05.2004
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en