Left arrow Mur Lura

KUNSILLI LOKALI SER JIBDEW JASSUMU R-RESPONSABBILTÀ TAS-SWIEQ (TAL-MONTI)

PR818
Date Icon 18/05/2004


F’konferenza ta’ l-ahbarijiet li fiha inghataw dettalji dwar ir-riorganizzazzjoni tas-swieq, is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ghall-Kompetittività u Komunikazzjoni, l-Onor. Edwin Vassallo, qal li t-tmexxija tas-Swieq li huma organizzati bil-bejjiegħa reġistrati, minn issa ser tgħaddi f’idejn il-Kunsilli Lokali. Dawk il-bejjiegħa li huma reġistrati, huma mitluba li sa l-aħħar ta’ Ġunju jkollhom il-karta ta’ identifikazzjoni maħruġa u approvata mill-Kunsilli Lokali rispettivi ta’ fejn huma jarmaw fis-suq.

Ghal din il-konferenza ta’ l-aħbarijiet attendew ukoll is-Segretarji Eżekuttivi tat-tmien Kunsilli Lokali li fihom ġew ri-organizzati s-swieq. Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo habbar illi :

"Fil-lokalijiet ta’ Hal Qormi, H’Attard, iz-Żejtun, Birkirkara, Raħal Ġdid, in-Naxxar, Sliema u Birżebbuġa, it-tmexxija tas-swieq issa ser tgħaddi f’idejn il-Kunsill Lokali ta’ kull komunità rispettiva.

Illum tlesta l-proċess fejn kull isem ta’ bejjiegħ ġie reġistrat fil-Gazzetta tal-Gvern u kull bejjiegħ huwa magħruf skond f’liema kaxxa (stall) jarma. Dan ifisser li issa huwa l-Kunsill Lokali rispettiv li jiddeċiedi d-daqs tas-suq u n-numru tal-bejjiegħa. Kemm-il darba l-Kunsill jiddeċiedi, huwa jista’ jkabbar is-suq u jinkludi aktar bejjiegħa. Pero’ jiena ċert li waħda mill-pre-okkupazzjoni ta’ kull suq hija d-daqs tas-suq u li s-swieq kienu qed jikbru u jitferrxu fit-toroq. Fl-istess ħin, il-Kunsilli Lokali qegħdin jilmentaw li s-swieq bdew joħolqu problemi għaliex beda jiżdied in-numru ta’ toroq li kellhom ikunu magħluqa minħabba s-suq.

Għalhekk saret proċedura li wasslet biex diġà għandna numru ta’ swieq li huma organizzati. Din l-organizzazzjoni qed twassal għal numru ta’ vantaġġi li minnhom igawdi kemm il-Kunsill Lokali kif ukoll il-bejjiegħa reġistrati. Fost dawn il-vantaġġi hemm li: 

  1. Kull Kunsill Lokali issa jaf min huma l-bejjiegħa u fejn jarmaw u għalhekk jista’ minn żmien għal żmien jivverifika li qegħdin jarmaw biss dawk li huma reġistrati.

b. Il-Kunsill għandu l-possibiltà li minn fost dawk li huma rreġistrati bħala bejjiegħa, jorganizza sotto-kumitat jew kumitat skond il-liġi tal-Kunsilli Lokali biex dan il-kumitat ikun jista’ jieħu deċiżjonijiet li jirregolaw lill-bejjiegħa.

c. Kull Kunsill Lokali msemmi hawn fuq, għandu d-dmir li jżomm waiting list ta’ bejjiegħa applikanti. Skond il-liġi, l-ismijiet tal-bejjiegħa applikanti għandhom ikunu wkoll pubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern bħalma jiġu pubblikati minn żmien għal żmien l-ismijiet ta’ bejjiegħa li qed ikunu reġistrati bħala bejjiegħa f’dak is-suq rispettiv.

d. Il-Kunsill jista’ jasal li jiftiehem mal-bejjiegħa u jirregola proċeduri ta’ kif tinżamm l-indafa waqt u wara li jkun sar il-bejgħ.

e. Għall-bejjiegħa li huma reġistrati hemm il-garanzija li l-ebda bejjiegħ ma jista’ jmur jarma minnfloku, u dak il-post huwa garantit bħala l-posta tiegħu.

f. Kull bejjiegh irid javża lill-Kunsill Lokali kemm-il darba ser idum nieqes milli jarma f’dak is-suq biex b’hekk il-bejjiegħ ma ikunx innotat li mhux qed jarma, iżda b’din il-proċedura ikun qed jitlob li jkun skużat.

g. Kemm-il darba l-Kunsill Lokali jinnota li għal numru ta’ ġranet li fih jarma s-suq, bejjiegħ reġistrat naqas għal xi perjodu milli jarma fil-posta tiegħu, il-Kunsill ikun jista’ jalloka l-posta lill-bejjiegħ li jkun imiss li jingħata posta skond il-waiting list.

h. Kull bejjiegħ li jiddeċiedi li jżarma mill-posta tiegħu għandu d-dritt li minnfloku jibda jarma sostitut tiegħu li huma magħrufa bil-liġi.

i Kull bejjiegħ li għal xi raġuni ma jkunx jista’ jmur jarma għal xi ġurnata partikolari, minkejja li l-permess huwa f’ismu, il-liġi ser tkun ukoll tagħraf is-sostitut.

j. Waqt il-bejgħ tas-suq, il-liġi tipproteġi kemm lill-bejjiegħa kif ukoll lill-konsumaturi mit-traffiku għaliex waqt il-bejgħ, it-traffiku mit-toroq li fihom jarma l-monti huwa magħluq.

Issa minkejja li kull bejjiegħ huwa reġistrat, il-Kunsilli kienu ingħataw formola ta’ identifikazzjoni li, flimkien ma’ l-I.D. card u minn ta’ l-anqas kopja tal-licenzja, għandha tkun fil-pussess tal-bejjiegħa. B’dan il-mod, kull meta jkun qed isir eżerċizzju ta’ verifika mill-Pulizja jew wardens f’isem il-Kunsill Lokali, dawn ikunu jistgħu jivverifikaw jekk kull bejjiegħ hux reġistrat jew le.

Għalhekk issa kull bejjiegħ huwa mitlub li jmur fl-eqreb Kunsill Lokali tas-suq li fih hu jarma, u hemm timtela’ għalih din il-karta ta’ identifikazzjoni. B’hekk ikun jista’ jkun verifikat jekk dak il-bejjiegħ għandux tassew liċenzja ta’ bejjiegħ tal-monti jew le. “Jiena persważ li kull bejjiegħ għandu din il-karta ta’ identifikazzjoni, iżda jista’ jiġri li jkun hemm numru żgħir ta’ bejjiegħa li għalkemm għandhom din l-identifikazzjoni, xorta waħda m’humiex liċenzjati. Ladarba timtela’ l-informazzjoni fuq il-karta ta’ identifikazzjoni, il-bejjiegħ imbagħad ikun irid imur f’kull Kunsill Lokali fejn jarma fis-suq tal-lokalità tiegħu, biex hemm ikun mogħti l-verifikazzjoni tar-reġistrazzjoni skond il-postazzjoni, hekk kif tidher fil-Gazzetta tal-Gvern."

Din il-karta ta’ identifikazzjoni diġà qiegħda għand numru kbir ta’ bejjiegħa li kienet ingħatatilhom posta fis-suq il-miftuħ ta’ Ta’ Qali li jarma nhar ta’ Ħadd. Min għandu fil-pussess tiegħu din il-karta ta’ identifikazzjoni issa jeħtieġ li tkompla timtela’ bl-informazzjoni addizzjonali, kif ġie spjegat. Min m’għandux karta ta’ identifikazzjoni, jista’ jmur għand l-eqreb Kunsill Lokali tal-Lokalità li isimha diġà ġie mħabbar u jiġborha minn hemm.

Huwa mistenni li sa l-aħħar ta’ Ġunju, dan l-eżerċizzju jkun intemm u kull bejjiegħ reġistrat ikollu din il-karta ta’ identifikazzjoni meta tkun mitluba minnu minn kull min, f’isem il-kunsill lokali, ikun qed jagħmel il-proċedura ta’ identifikazzjoni.

Ta’ min jinnota li issa mhux ser ikun aktar possibbli li jibqa’ jkun hemm il-bejgħ ta’ posti minn bejjiegħ għal ieħor, iżda dan t-trasferiment tal-posti mill-lum ’il quddiem jaqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Kunsilli Lokali."


DOI  18.05.2004

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow