GĦOTJA TA’ VETTURI MINN GĦAQDA AMBJENTALI GERMANIŻA
It-taqsima tal-Parks, Afforestazzjoni u Restawr tal-Kampanja (P.A.R.K.) fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent għadha kemm ibbenefikat minn għotja ta’ van u trailer bowser mill-għaqda Ġermaniża F.E.E. li hi bbażata fil-belt Ġermaniża ta’ Minden.
Din l-għotja saret ukoll bis-saħħa tal-kuntatti li l-għaqda Maltija International Tree Foundationgħandha ma’ l-għaqda Ġermaniża. Bħala riżultat ta’ din il-ħbiberija u koperazzjoni, proġetti pubbliċi lokali ta' taħwil ta' sigar gawdew minn għajnuna konsiderevoli f’dawn l-aħħar 14-il sena.
Din l-għotja hija waħda minn sensiela li l-għaqda Germaniza għamlet sa mill-1990. Matul is-snin, l-għotjiet kienu jikkonsistu f’vetturi rikondizzjonati li jinkludu żewg fire-engines, żewġ vannijiet, tagħmir għat-taħlit tal-kompost u għat-tħaffir fil-ħamrija. Barra minn hekk, l-għaqda Germaniza għenet ukoll finanzjarjament u permess ta' studji tekniċi lid-dipartiment ta’ l-Agrikoltura fil-proġett ta' taħwil ta' siġar f’Għar Lapsi fejn qabel kien jintefa' l-iskart.
F’diskors qasir ta’ l-okkażjoni, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent Philip von Brockdorff radd ħajr lill-membri ta’ l-għaqda Ġermaniża. Hu faħħar l-impenn ta’ għaqdiet mhux governattivi li bl-impenn tagħhom u bil-ħidma volontarja li jagħmlu qed jgħinu f’diversi proġetti u inizjattivi ambjentali.
Philip von Brockdorff qal li l-kuntatti li l-għaqdiet lokali jkollhom ma’ oħrajn minn pajjiżi barranin, bħalma qed tagħmel l-għaqda lokali tas-siġar International Tree Foundation (Malta) ma’ l-għaqda F.E.E. tal-Germanja, huma siewja ħafna. Huwa awgura li din il-koperazzjoni tibqa’ ħajja fis-snin li ġejjin.
Intant, il-vetturi twasslu Malta minn membri ta’ l-għaqda Germaniza, immexxija mill-president Burkart Schulte.
DOI 18.05.2004
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en