DEVOLUZZJONI TA’ LIBRERIJA LILL-KUNSILL LOKALI TA’ KERCEM
DEVOLUZZJONI TA’ LIBRERIJA LILL-KUNSILL LOKALI TA’ KERCEM
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, ippresediet l-iffirmar ta’ devoluzzjoni bejn id-Dipartiment tal-Libreriji Pubblici u l-Kunsill Lokali ta’ Kercem, f’Għawdex. L-attivita’, li saret fl-entratura tal-Librerija l-ġdida fi Pjazza Orvieto, li tifforma parti mill-kumpless ta’ l-iskola primarja u l-kunsill lokali tal-lokal, kienet tinkludi wkoll l-inawgurazzjoni ta’ website ġdida tal-kunsill lokali, www.kercem.gozo.com
F’diskors ta’ l-okkażjoni, il-Ministru għal Għawdex tkellmet dwar l-importanza ta’ l-investiment min-naħa tal-Kunsilli Lokali mhux biss fl-ambjent tal-lokal imma wkoll fl-oqsma edukattivi u socjali. Hija rreferiet b’mod partikolari għall-qari u r-rwol pro-attiv li jistgħu jaddottaw kunsilli lokali sabiex ikomplu jippromwovu għarfien tajjeb tal-lingwa fost iż-żgħar. Hija qalet li t-trasferiment tal-librerija fil-lokal ta’ Kercem lill-Kunsill Lokali tfisser iktar responsabbilita’ min-naħa ta’ l-istess kunsill biex iħeġġeġ lit-tfal u ż-żgħażagħ ta’ din il-lokalita’ sabiex ifittxu dejjem iktar il-ktieb. Il-Ministru għal Għawdex qalet li anke l-għoti ta’ l-isem “Dr Anton Calleja” lil din il-librerija huwa ġest simboliku li filwaqt li jfakkar kittieb Għawdxi minn din il-lokalita’ jkompli jħeġġeġ iktar tfal u żgħażagħ sabiex jesprimu rwieħhom permezz tal-kitba.
Il-Ministru għal Għawdex tkellmet ukoll dwar l-importanza tal-kunsilli lokali f’pajjiżna u qalet li matul dawn l-aħħar snin il-kunsilli lokali wrew bic-car id-differenza li jistgħu jagħmlu fid-diversi lokalitajiet. Hija rreferiet b’mod partikolari għal-lokalita’ ta’ Kercem fejn matul din l-aħħar sena, il-kunsill lokali mhux biss investa f’tisbiħ fl-inħawi panoramici ta’ l-Għadira imma wkoll iffirma ġemellaġġ ma’ lokalita’ fl-Italja kif ukoll it-trasferiment ta’ bicca art għall-iżvilupp f’centru tal-kommunita’.
Il-Ministru għal Għawdex irringrazzjat lis-Sindku ta’ Kercem kif ukoll lill-kunsilliera u l-istaff ta’ dan il-kunsill li permezz tal-ħidma tagħhom matul is-sena qed jassiguraw preżent u ġejjieni aħjar għar-residenti tal-lokalita’.
Preżenti għall-okkażjoni kien hemm ukoll id-Direttur tal-Libreriji Pubblici s-Sur Philip Borg, l-Assistent Direttur tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali s-Sur Alfred Armeni, is-Sinjorina Maria Calleja, oħt Dr Anton Calleja, kif ukoll tfal ta’ l-iskola primarja li ppreżentaw xi xogħlijiet letterarji mill-pinna tagħhom stess.
DOI - 17.05.2004
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en