KUNĊERT MINN EROS RAMAZZOTTI
KUNĊERT MINN EROS RAMAZZOTTI
Meta kien qed ihabbar il-kuncert li ser isir minn Eros Ramazzotti f’Malta, nhar id-29 ta’ Gunju, 2004, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li attivitajiet kulturali ta’ livell internazzjonali saru parti mill-kalendarju ta’ pajjiżna. Hu qal li fl-aħħar jiem, pajjiżna kien onorat bil-preżenza ta’ Ross Ashton li ta ‘video projection’ mill-aqwa dwar Malta Ewropea u l-kultura Mediterranja fuq is-swar tal-Forti Sant’Anġlu. Kien onorat ukoll b’Gert Hof li ppreżenta l-‘light monument’ tiegħu fuq il-Forti Sant’Anġlu, avveniment li ġie trasmess dirett lil miljuni ta’ nies mad-dinja kollha u li ġibed tifħir minn kullħadd.
Francis Zammit Dimech qal li l-kunċert fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fid-9 ta’ Mejju, Jum l-Ewropa, kien iċ-ċirasa fuq il-kejk, mhux biss għaliex tmexxa mid-Direttur Muzikali Awstrijak, Manfred Honeck u ġie trasmess mill-Eurovision, iżda anke minħabba s-solisti ta’ fama li ħadu sehem fih: is-sopran Lynne Dawson, l-alto Debora Beronesi, it-tenur Malti Joseph Calleja u l-baritonu Benno Schollum.
Francis Zammit Dimech qal li wara li s-sena l-oħra l-NnG Promotions ġabu fostna lil Elton John għal kunċert memorabbli fuq il-Fosos tal-Furjana, l-istess kumpanija qed iżżomm il-wegħda tagħha li torganizza ta’ l-inqas kunċert kbir kull sena billi fid-29 ta’ Ġunju ser tippreżenta lil Eros Ramazzotti f’kunċert fil-Luxol Car Park, f’St Andrews.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li anke l-għażla tad-data kienet waħda sinifikattiva. Hu fakkar li d-29 ta’ Ġunju kienet il-festa ta’ San Pietru u San Pawl, l-Imnarja, festa reliġjuża li hi ukoll parti mit-tradizzjoni kulturali Maltija u li għal dan l-iskop reġgħet saret festa pubblika minn dan il-Gvern.
Francis Zammit Dimech qal li Eros Ramazzotti kien wieħed mill-pilastri tal-kanzunetta Taljana b’repertorju ta’ kanzunetti mill-aqwa. Hu qal li Ramazzotti ser iżur Malta akkumpanjat minn crew ta’ 90 persuna u li kien ser jagħti kunċert ta’ sagħtejn u nofs. Hu qal li għal din l-okkażjoni kien ser jiġi armat wieħed mill-aktar palkijiet elaborati u innovattivi li qatt intramaw f’Malta, u li kien intagħżel il-Luxol Car Park għaliex kien post kbir biżżejjed biex ikun jista’ jintrama’ palk hekk kbir.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li hu kien jagħmel minn kollox biex jinkoragġixxi wirjiet bħal dawn għaliex kien jemmen li bħala Ministru għat-Turiżmu u Kultura, l-istrateġija tagħna kienet li nippromwovu esperjenza turistika sħiħa fejn is-settur turistiku jipprovdi l-aqwa dħul għall-ekonomija ta’ pajjiżna u fejn l-arti, taħt kull aspett tagħha, tingħata spinta.
Francis Zammit Dimech qal li ried jirringrazzja lil NnG Promotions, li wara li s-sena l-oħra ġabu fostna lil Elton John, din is-sena qed jippreżentawlna lil Eros Ramazzotti. Hu awgura li jkun hemm eluf ta’ Maltin u barranin li jattendu għal dan il-kunċert, li kien ċert ser ikun ieħor mill-aqwa li qatt ittellgħu f’pajjiżna.
DOI - 13.05.2004
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en