XOGĦOL TAS-SAJF 2004
Il-Bord għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti, fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Mpjiegi qed jgħin lill-Kunsill Studenti Universitarji fl-organizzazzjoni ta’ l-Iskema ta’ Xogħol għas-Sajf għall-istudenti universitarji għal din is-sena.
Dan il-programm hu maħsub biex joffri opportunita’ ta’ xogħol lill-istudenti universitarji u fl-istess waqt ikunu jistgħu jipprattikaw dak li qed jistudjaw u min-naħa l-oħra d-dipartimenti u kumpaniji li joffru dawn l-opportunitajiet igawdu minn ideat u metodi ta’ xogħol ġodda li jġibu magħhom dawn l-istudenti waqt li jkunu qed jinvestu f’nies li ’l quddiem jistgħu jħaddmu huma stess.
Min joffri dawn l-opportunitajiet hu mistenni li jħallas hu direttament lil dawn l-istudenti. L-istudenti jkunu mistennija jaħdmu ġimgħa ta’ 20 siegħa għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat u jitħallsu bir-rata ta’ Lm1.82,0 is-siegħa li hi ekwivalenti għal Skala 16 (Part-Time) fis-Servizz Ċivili. Ix-xogħol jista’ jsir fil-perjodu bejn it-12 ta’ Lulju u s-6 ta’ Awissu u bejn is-16 ta’ Awissu u l-10 ta’ Settembru.
Dawk li jixtiequ jagħmlu użu minn din l-iskema għandhom jindikaw in-numru ta’ postijiet li lesti joffru lill-istudenti (kull perjodu ta’ erba’ ġimgħat jitqies bħala post) u x’tip ta’ xogħol se jkunu qed jagħmlu l-istudenti u f’liema perjodu jixtiequ li jsir ix-xogħol.
Din l-informazzjoni għandha tintbagħat lill:
Bord għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti
Att: Sur Mario Bugeja
Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Mpjiegi
Floriana
sal-15 ta’ Ġunju, 2004.
DOI – 11.05.2004
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en