IL-GVERN IMPENJAT B’MOD SPEĊJALI FAVUR IL-KOTTONERA
IL-GVERN IMPENJAT B’MOD SPEĊJALI FAVUR IL-KOTTONERA
“Il-poplu tal-Kottonera hu mimli b’nies intelliġenti u ħabrieka li jistgħu jagħtu lil din il-parti mill-isbaħ ta’ Malta , ġejjieni mimli xogħol u kwalita’ għolja ta’ ħajja. Il-Gvern diġa’ qed iwettaq proġetti u investimenti speċjali li qed jagħtu ħajja ġdida lill-Kottonera. Għalkemm fadal ħafna aktar x’isir, fl-aħħar mill-aħħar iridu jkunu l-individwi u l-familji nfushom li jqumu fuq saqajhom u jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet li jeżistu f’kull qasam tal-ħajja. Il-Gvern lest jaħdem ma’ kulħadd biex dan l-iskop ikompli jintlaħaq b’riżultati dejjem aħjar.” Dan sostnieh il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi, Louis Galea, meta ltaqa’ mal-Kumitat Konġunt Laburista għall-Kottonera li hu mmexxi mill-Kap tal-Partit Laburista u ta’ l-Oppożizzjoni, l-Onor. Dr. Alfred Sant.
Fil-laqgħa ġiet diskussa l-ħidma diversa li qed issir fil-Kottonera kif ukoll il-problemi li jeżistu f’dawn l-ibliet, b’referenza partikolari għall-qasam ta’ l-edukazzjoni. Il-Ministru Louis Galea irringrazzja lill-Kumitat u sostna li “kull inizjattiva pożittiva, ġejja minn fejn ġejja, tista’ tinkwadra ruħha fl-isforz kollettiv meħtieġ biex il-poplu tal-Kottonera jkompli jtejjeb il-prospetti tiegħu. Fil-politika tiegħu l-Gvern jgħodd il-Kottonera bħala reġjun importanti u speċjali f’Malta.”
Fil-bidu tal-laqgħa Dr. Alfred Sant għadda lill-Ministru Galea “Memorandum dwar l-Illitteriżmu u l-Problemi ta’ l-Edukazzjoni fil-Kottonera”, li kopja tiegħu tqassmet lill-istampa. Louis Galea qal li l-Gvern tant hu konxju tal-problemi f’diversi oqsma tal-ħajja fil-Kottonera li impenja ruħu b’mod speċjali favur dan ir-reġjun. Fil-fatt qed iwettaq pjan ta’ tiġdid ta’ l-iskejjel kollha tal-Gvern fil-Kottonera fejn hemm erba’ skejjel primarji b’ 838 studenti u tlett skejjel sekondarji b’1376 studenti, minbarra skejjel tal-Knisja u privati.
Fl-aħħar ħames snin il-Gvern investa qrib miljun lira f’dawn l-iskejjel, u fil-ħames snin li ġejjin, permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, il-Gvern qed jippjana li jinvesti qrib Lm 4 miljuni biex jimmodernizza u jgħolli l-kwalita` ta’ dawn l-iskejjel. Tajjeb wieħed ifakkar li s-sena li għaddiet il-Gvern inawgura kumpless sportiv ta’ l-għola kwalita’ b’investiment ta’ Lm 2.3 miljuni.
Il-Ministru Galea spjega li n-numru ta’ tfal fil-klassijiet fl-iskejjel primarji hu sew anqas min-numru li suppost ikun hemm. Anke rigward il-Kapijiet is-sitwazzjoni ta’ l-aħħar għaxar snin turi li ġeneralment kien hemm stabbilita` ta’ kapijiet iżda kien hemm ċirkostanzi ta’ irtirar u promozzjonijiet li ġabu tibdil fil-kapijiet fl-iskejjel.
Louis Galea qal li l-livell ta’ illiteriżmu f’ċerti skejjel mhux aċċettabbli. Fil-fatt qed jittieħdu miżuri permezz tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) u permezz tal-programm ta` Edukazzjoni Komplimentari. F’dawn il-programmi qed issir ħidma kemm ma’ l-istudenti u kemm mal-ġenituri. Hemm ukoll ħafna ħidma koordinata ta’ appoġġ soċjali kemm mill-ACCESS kif ukoll mid-Diviżjoni.
Il-Ministru fakkar fil-ħidma li qed issir fiċ-ċentru Smart Kids għat-tfal taħt it-tliet snin li hu xempju ta’ prattika tajba ta’ edukazzjoni bikrija. Louis Galea qal li għalkemm mijiet ta’ tfal u ġenituri ibbenefikaw mill-programmi Ħilti, Id f’Id, Nwar tal-FES u oħrajn ta’ agenziji oħra tal-Gvern, jeħtieġ ikun hemm aktar parteċipazzjoni min-nies tal-Kottonera fl-opportunitajiet li diga` jeżistu.
Il-Ministru Louis Galea fisser li anke hu mhu sodisfatt xejn bl-assentejiżmu, bir-riżultati li jinkisbu fl-eżami tal-Junior Lyceum, u bin-numru ta’ studenti fl-Universita` mill-Kottonera meta wieħed iqabbilhom ma’ lokalitajiet oħra.
Il-Ministru Galea fakkar li minbarra numru sabiħ ta’ studenti mill-Kottonera li qed jattendu l-MCAST, hemm ukoll programmi speċjali f’dan il-Kulleġġ għal studenti li ma jkunux akkwistaw ħiliet bażiċi biżżejjed tajba fl-edukazzjoni. Hemm ukoll numru ta’ adulti li qed jagħmlu korsijiet fil-litteriżmu u f’suġġetti oħra. Barra minn hekk l-ETC għandha sensiela ta’ programmi ta’ taħriġ għall-persuni li qed ifittxu x-xogħol.
Il-Ministru Galea qal li l-Ministeru tiegħu qed jaħdem biex ibiddel għall-aħjar is-sistema u l-istrutturi edukattivi bl-iskop li ikollna kwalita` u riżultati aħjar fl-edukazjoni ta’ uliedna. Huwa sostna li qatt ma sar investiment daqshekk qawwi mill-Gvern u mill-privat għar-riġenerazzjoni tal-Kottonera daqs kemm sar f’dawn l-aħħar snin li għandu jsostni l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u edukattiv. “Il-Gvern hu ħerqan li jaħdem ma’ kulħadd biex il-familji u l-poplu tal-Kottonera iqumu fuq saqajjhom u jkunu huma l-protagonisti tar-riġenerazzjoni u l-iżvilupp ta’ din il-ġawhra f’Malta.”
DOI – 10.05.2004
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en