DISKORS TA’ L-ONOR. AUSTIN GATT, MINISTRU GĦAT-TEKNOLOĠIJA TA’ L-INFORMAZZJONI U L-INVESTIMENT FL-OKKAŻJONI TAL-PREŻENTAZZJONI TAĊ-ĊERTIFIKATI LILL-ISTUDENTI LI TEMMEW IL-KORSIJIET TA’ L-ECDL FIL-JUNIOR LYCEUM SANTA TEREŻA
Hu pjaċir għalija nifirħilkom f’din l-okkażjoni.
Illum qed tingħataw f’idejkom liċenzja tas-sewqan. Iċ-ċavetta li ttikom aċċess għall-għodda li għandkom bżonn biex tistudjaw u biex taħdmu fis-snin li għandkom quddiemkom.
Illum qed tingħataw ċertifikat li tafu tużaw it-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u l-kommunikazzjoni u dan iċ-ċertifikat tistgħu tużawh bħala prova f’Malta, u jekk l-ambizzjonijiet tagħkom jeħdukom hemm, barra minn Malta wkoll.
Iżda t-teknoloġija m’għandiex mertu minnha nnifisha. It-teknoloġija hi għodda li jekk ma tafx tużha m’għandha l-ebda valur. Karozza sabiħa li ma tinstaqx hi biss ingombru. Meta titgħallem issuqha, karozza tfisser mobilità u aċċessibilità. M’hux wisq differenti t-teknoloġija ta’ l-informazzjoni.
Għalhekk il-missjoni tagħna m’hix sempliċiment li jkollna l-aħħar teknoloġiji. Qed nippruvaw nibnu f’Malta soċjetà ta’ l-informazzjoni fejn l-għodda tat-teknoloġija jagħmlulna ħajjitna aħjar.
Biex nibnu soċjetà aktar infurmata, aktar demokratika u aktar inklussiva, l-aqwa metodu li rridu nużaw hu l-unika wieħed li ħadem dejjem: l-edukazzjoni.
Kif tixhdu intom mill-esperjenza friska tagħkom it-teknoloġija qed tintuża bħala għodda tat-tagħlim. Hemm ħafna fejn intejbu iżda żgur li bdiet tidħol il-kultura li nintegraw it-teknoloġija fil-proċess kollu kemm hu tat-tagħlim. Dan bl-istess mod li t-teknoloġija kull ma jmur qed tkun dejjem aktar integrata f’kull forma ta’ xogħol jew aspett ieħor (formali jew m’hux) tal-ħajja.
Biex nilħqu l-livelli t’integrazzjoni li tassew hemm bżonn bejn teknoloġija u edukazzjoni għad iridu jinbidlu ħafna affarijiet. Fl-ewwel lok trid tinbidel il-kultura ta’ kif isir it-tagħlim. Tradizzjonalment l-għalliem kien il-font ta’ l-għerf kollu. Illum it-teknoloġija terfa’ ħażniet enormi t’informazzjoni li ebda għalliem, bravu kemm hu bravu, ma jista’ qatt iżomm frisk f’moħħu. L-għalliem għandu jkollu t-talent li jgħaddi lill-istudenti tiegħu jew tagħha t-talent li tfittex l-informazzjoni, titgħallem tiddiskrimina x’inhu u utli u x’inhu imbarazz u kif titgħallem mill-informazzjoni li teżisti, tapplikha għax-xogħol jew għall-bqija tal-ħajja u anke tagħti kontribut u żżid ma’ l-għerf merfugħ.
Xejn ma jsir f’daqqa u l-għalliema wkoll għandhom bżonn l-għajnuna biex jifhmu kif dan ir-rwol tagħhom qed jinbidel. Min dara jgħallem bil-metodi konvenzjonali għomru kollu m’hux ser jaqleb għal metodi ġodda kif ġieb u laħaq qisu għadu ħiereġ mill-Università. Kif għinna lilkom studenti, irridu ngħinu lill-għalliema wkoll. Bdejna nagħmlu xi ħaġa, iżda baqa’ ħafna xi jsir.
Għidt li hemm imħażen kbar t’informazzjoni: fuq l-Internet u fuq mezzi elettroniċi oħra. Fl-istess ħin hemm ukoll ħafna materjal inutli u xi kultant materjal li minnu nnifsu jagħmel ħsara iżda li hu mlibbes qisu kien informazzjoni utli. Hemm ukoll ħafna informazzjoni li studenti f’kull livell għandhom bżonn u għad ma tistax tinkiseb b’mod elettroniku. L-aktar li hemm nieqes hu materjal bl-ilsien Malti, miktub tajjeb u li jiftaħ l-aċċess tat-tagħlim m’hux biss dwar il-Malti bħala lingwa, iżda wkoll juża l-lingwa Maltija biex jagħmel informazzjoni oħra aktar aċċessibbli lil aktar nies.
Irridu nkabbru l-kontenut lokali maħsub għall-edukazzjoni primarja, sekondarja u terzjarja. Fl-istess waqt il-kontenut ma jistax jibqa’ aktar jipprova jolqot l-interessi ta’ kulħadd f’daqqa għax issa qed jispiċċa ma jolqot l-interessi ta’ ħadd. Il-kontenut irid jiżviluppa b’interess aktar speċjalizzat u li jħallas f’bilanċ tajjeb materjal t’interess akkademiku ma’ materjal li jkun utli fil-ħajja tax-xogħol.
Irridu għalhekk niżviluppaw l-idea ta’ eLearning: l-Edukazzjoni Elettronika. Biex nagħmlu dan irridu niżviluppaw kontenut ta’ livell għoli għall-għalliema, għall-ġenituri u għall-istudenti. Qed insemmi l-ġenituri għax biex ikollna soċjetà ta’ l-informazzjoni jrid ikollna familji ta’ l-informazzjoni bejn il-familja kollha tuża t-teknoloġija biex tieħu sehem fit-tagħlim ta’ l-ulied. Qed inlestu bħalissa programm maħsub apposta għan-nisa li jaħdmu d-dar biex huma wkoll jingħataw l-għarfien li għandhom bżonn ta’ xi ssarraf it-teknoloġija għalihom u għal uliedhom.
L-edukazzjoni għandha skop minnha nnifisha. Iżda l-edukazzjoni hi wkoll preparazzjoni għall-futur. L-edukazzjoni elettronika wkoll twitti t-triq biex tul il-ħajja adulta kollha tibqgħu tużaw l-għodda li tgħallimtu tużaw meta żgħar biex tibqgħu titgħallmu. Fid-dinja tal-lum m’għadux biż-żejjed li tgħix b’li tiftakar miż-żmien ta’ l-iskola. Trid tibqa’ titgħallem ħajtek kollha. Kif qed titgħallmu hawn kif tiksbu l-informazzjoni bl-għodda elettroniċi, hekk tridu tibqgħu tgħamlu ħajjitkom kollha jekk tridu tgħixu u tirnexxu.
Dan ikabbar iċ-ċans tagħkom li ssibu xogħol li jtikom dinjità. Biex tkunu ippreparati tajjeb dak li titgħallmu jrid ikun, almenu in parti, dak li għandha bżonn l-industrija u l-programmi ta’ taħriġ għalikom iridu jitħejjew billi nżommu f’moħħna x-xogħol li ser tintalbu tagħmlu meta tispiċċaw l-iskola.
Intom tarawha mill-perspettiva tagħkom ta’ membri ġodda ta’ l-ekonomija. L-industrija tarha mill-perspettiva tagħha li trid issib riżorsi umani kapaċi biex tkun ċerta li l-investiment li qed tagħmel tkun tista’ tħaddmu tajjeb u taqla’ l-flus minnu. Jien narha mill-perspettiva nazzjonali.
Biex pajjiżna jikkompeti ma’ ta’ madwaru jrid ikollna ħaddiema bi snajja’ aqwa minn ta’ ħaddieħor. Irid ikollna stokk konsistenti ta’ speċjalisti fl-aspetti differenti tat-teknoloġiji u l-bqija tal-ħaddiema (dawk li ma jaħdmux direttament fil-Programming,, jew Networking per eżempju) xorta jkunu kapaċi jużaw it-teknoloġija bl-aħjar mod biex jagħmlu xogħolhom.
Bil-liċenzja biex issuqu t-teknoloġija fl-Ewropa li qed tingħataw illum qed jinfetħulkom il-bibien biex taħdmu fejn teħodkom l-ambizzjoni. Sadattant qed naħdmu biex Malta tkun ċentru ta’ eċċellenza fit-teknoloġija u biex ikollha ekonomija li tfittex aktar nies biex tħaddimhom. Irridu li jekk hekk tridu fil-futur tkunu kuntenti ssuqu hawn ukoll.
DOI 07.05.2004
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en