Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. EDWIN VASSALLO, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GHALL-KOMPETITTIVITA’ U KOMUNIKAZZJONI, WAQT IL-KONFERENZA TA’ L-M.A.C.M. DWAR "THE EVOLUTION OF CREDIT MANAGEMENT IN MALTA FROM AN E.U. PERSPECTIVE" – VALLETTA – 6.5.2004

PR719
Date Icon 06/05/2004


L-aġenda tal-laqgħa ta’ llum tkopri suġġett li fl-aħħar snin ta’ l-iżvilupp kummerċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna żgur li kien fost l-iżjed diskuss kemm b’intelligenza kif ukoll b’emozzjoni. Meta wieħed jitkellem dwar Credit Management, ikollna ngħarrfu li qed nitrattaw parti minn proċess li huwa ferm iżjed importanti u akbar, u hawn qed nirreferi għall-immaniġġjar tal-finanzi fin-negozji tagħna.

Ma nistgħux fil-fehma tiegħi, niddiskutu l-evoluzzjoni tal-management tad-dejn (Credit Management), jekk ma niddiskutux ukoll l-evoluzzjoni li sseħħ fl-immaniġġjar tal-finanzi.

Filwaqt li qed nirreferi għal dan il-ħsieb, irrid nerġa’ lura għall-aġenda tal-laqgħa ta’ llum, fejn qed nitfgħu ħarsitna lejn ċirkustanza li issa m’għadiex iżjed xewqa iżda realta’. Qed nirreferi għall-perspettiva ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għalhekk fil-fehma tiegħi ma nistgħux niddiskutu Credit Management jekk ma nħarsux ukoll lejn l-evoluzzjoni ta’ proċeduri li qed jintużaw fl-immaniġġjar tal-finanzi tan-negozji tagħna f’pajjiżna.

Ma nistax li ma’ credit management ma norbotx mad-direttiva dwar il-ħlas tardiv, il-late payment provision, u għalhekk dan is-suġġett faċli joqgħod fil-konfini ta’ din l-aġenda u meta niddiskutu l-evoluzzjoni tal-Credit Management f’Malta mill-perspettiva ta’ l-Unjoni Ewropea inkunu qed nirreferu wkoll għal din id-direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea.

F’dan ir-rigward, nixtieq li nressaq dawn il-mistoqsijiet għall-konsiderazzjoni tagħkom:

  • X’aħna nifhmu meta issa qegħdin ngħidu "E.U. Perspective"?
  • Qegħdin nirreferu għal kull ċirkustanza ta’ kull pajjiż membru inkluż, jew barra Malta?

Ngħid għalija l-E.U. perspective tfisser realta’ Maltija, u forsi s-suġġeriment tiegħi huwa li din id-diskussjoni ta’ llum tkun għalhekk eżerċizzju ta’ impact assessment fuq l-implimentazzjoni tad-direttivi dwar il-ħlasijiet u l-bejgħ bid-dejn għar-realta’ tal-kultura tagħna.

Nafu li f’pajjiżna diġa’ mplimentajna u mxejna lejn din id-direttiva, iżda fil-fehma tiegħi għandna emendi li neħtieġu li nagħmlu. Għalhekk mill-esperjenza tagħna kollha, kull wieħed rispettivament skond ir-responsabbilita’ tiegħu professjonali, politika, amministrattiva u kummerċjali, nemmen li huwa l-waqt li joħroġ bi proposti għat-titjib ta’ dak li diġa’ għandna.

Nerġa’ niġi għal ftit ħsibijiet oħra:

  • F’din id-diskussjoni, ser naċċertaw li aħna nappartjenu għall-kultura li tagħmilna differenti minn pajjiżi oħra u li din il-kultura tinfluenza ħafna d-deċiżjonijiet li nieħdu fil-mod ta’ kif niddeċiedu li nużaw flusna?
  • Kemm-il darba naċċettaw li l-kultura tagħna tagħmilna differenti fil-prattiċi tagħna, sakemm ser naslu biex naċċettaw, niġġustifikaw jew nuru li għandna nbiddlu minn kif imdorrija naħsbu u niddeċiedu dwar flusna fin-negozji tagħna?
  • F’Ewropa ta’ kulturi differenti, f’sitwazzjoni fejn għandna direttiva li m’hijiex armonizzata (harmonised), iżda tiddefinixxi l-ħlas f’perjodu ta’ 30 ġurnata mid-data ta’ meta jkun sar in-negozju u tkun ingħatat l-irċevuta, kif ser naslu li niddeċiedu x’ser ikun ta’ vantaġġ għan-negozjant Malti?
  • Inbiddlu d-direttiva? Ma naħsibx li hija possibilita’.
  • Inbiddlu l-kultura? Naħseb li huwa ftit diffiċli.
  • Għalhekk f’din is-sitwazzjoni kollha, din id-direttiva kif ser naraw li tagħmel sens?

F’dan is-sens nemmen li kif diġa’ għedt, fil-bidu tad-diskors tiegħi, li kull ma rridu ngħidu f’din il-laqgħa, jrid ikun marbut mar-realta’ tal-kultura Maltija.

Niġi lura għas-suġġett ta Credit Management. Ippermettuli li nagħmel rimarka li forsi mhux ser taqblu miegħi. Jiena nemmen li l-kunċett ta’ Credit Management hija d-deċiżjoni ewlenija li jrid isaqsi kull min qiegħed fin-negozju.

  • Għandna nagħtu bid-dejn?
  • Lil min ser nagħtu d-dejn?
  • Għandna ħin u flus x’naħlu, niġru biex niġbru d-dejn?
  • Tista’ f’pajjiżna taħseb li bil-kompetizzjoni li għandna fin-negozji tagħna, huwa reali li tiġbor xi nteressi fuq dejn dovut lilna?

Nistaqsi dawn il-mistoqsjiet għaliex nemmen li l-akbar u l-ewwel mistoqsija fundamentali fil-Credit Management hija principarjalment jekk hux ser tagħti bid-dejn jew le.

  • Kemm ser nibqgħu nibżgħu li nitilfu klijenti li ma jonorawx il-ħlas li jkollhom jagħmlu?
  • Jekk nitilfu klijent li ma jkunx iħallas, fil-verita’ x’inkunu tlifna?
  • In-negozjant li ma jħallasx u jagħmel negozju minn fuq il-prodotti li aħna nagħtuh b’xejn, x’negozju u xi klijent hu?
  • Mill-esperjenza ta’ l-imgħoddi kien hawn min ha tagħlima bi prezz qares. Issa li jidher li ser nerġgħu lura għat-trend tas-supermarkets x’ser jiġri mill-esperjenza li għaddejna minnha?
  • Ser nerġgħu nibdew inħallsu lil min jagħtina spazju biex nagħtuh prodotti b’xejn mad-deliverybit-tama li jħallas xi darba?
  • Ħa naslu biex nitgħallmu mill-imgħoddi u ngħidu li aħna bħal ta’ barra, meta nbiegħu, jew nitħallsu jew ma nagħtux il-prodotti u s-servizz tagħna?
  • Kemm hi diffiċli jew prattikabbli li mmorru għall-cash on delivery jew cashsales onlyf’pajjiżna?
  • Qegħdin naċċettaw li minkejja li hawn min jgħid li m’hawnx flus fl-idejn, il-ħafna negozji li jimportaw minn barra, il-maggoranza kbira tagħhom iħallsu cash filwaqt li f’Malta donnu kulħadd jistenna li jingħata x-xogħol bi credit?

Illum qegħdin niddiskutu is-suġġett tal-Credit Management. Irreferejt ukoll għal-late payment directive u f’ċirkustanzi oħra kienet qed tiġi diskussa direttiva oħra għall-consumer credit, kollha liġijiet li fl-idejal tagħhom jaħsbu li huma l-għodda li kapaċi jirregolaw is-suq. Pero’ nistaqsi kemm fil-verita’ dawn id-direttivi ser jirnexxilhom jirregolaw is-suq?

Jiena ngħid dawn għandhom ikunu l-għodda li tintuża fl-eċċezzjoni, iżda ma nistgħux naħsbu li dawn id-direttivi ser isalvaw jew jirregolaw l-ordni tal-ġurnata. Il-negozju qed jiżdied kuljum f’pajjiżna.

Pajjiżna dalwaqt ser isir supermarket wieħed li jinkludi bejgħ minn kullimkien u l-ħin kollu. Issa għandna Dwana miftuħa għat-trasport ta’ prodotti mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea. Issa hemm iżjed cash flow f’idejn l-importaturi għaliex il-VAT mhux ser tinġabar fid-Dwana, iżda waqt il-bejgħ tal-prodotti.

F’dan ir-rigward, qegħdin l-importaturi u d-distributuri jaħsbu kif issa jrid ikollhom il-cash flowf’idejhom li ser jiffrankaw li jagħtu lill-Gvern at point of entry, biex ikunu jistgħu jagħtu l-VAT lill-Gvern meta jkunu biegħu l-prodotti? Qed nirreferi għall-ippjanar bil-għaqal tal-cash flow. Ma jistax ikun li bi traskuraġni nbiddlu vantaġġ fi żvantaġġ.

Ma jistax ikun li nimplimentaw direttivi b’tali mod li ma narawx x’inhu l-impatt tagħhom. Irridu naraw kif dawn jistgħu ikunu mplimentati bla ma joħolqu impatt negattiv.

Naf li ħafna negozji m’humiex kuntenti bis-sistema ta’ garanzija ta’ ħlas li jipprovdi c-cheque, li jiswa biss sakemm min jagħmlu jkollu l-flus fil-kont. Niftakar li flimkien ma’ din l-assocjazzjoni konna għamilna diversi laqghat biex tirranġa din is-sitwazzjoni flimkien mal-Banek u l-Awtoritajiet regolatorji; u għalkemm bqajna ma wasalniex għal soluzzjoni, il-banek kienu wegħduna Code of Practice li ser jindirizza din is-sitwazzjoni. Sa issa ma jidhirlix li l-banek ħarġu dan il-kodiċi, għalkemm minn informazzjoni li għandi, l-HSBC rnexxielu janalizza l-klijentela tiegħu u ftit huma dawk (dejjem skond kif jgħiduli) li huma klijenti ta’ l-HSBC li jkollhom cheques li ma jkunux onorati. Banek oħra nispera li qegħdin jagħmlu l-istess.

Jiena fil-fehma tiegħi, min qiegħed fin-negozju m’għandux jistenna li l-liġi ser tagħmel għalih dak li hu għadu mhux lest li jagħmel lilu nnifsu.

Nammetti li għandna negozji li ma jistgħux jeżistu bla ma jagħtu credit u li ma jistax ikun li jagħtu biss cash sales.

Nammetti li kieku kellu jonqos il-credit, ħafna negozji żgħar ibatu. Pero’ lanqas m’għandu jkun aċċettat li jkollna min jiftaħ negozju bla ma jkollu kapital, u mbagħad bid-dejn jimla’ l-ixkafef.

Nammetti li f’dan id-diskors kelli nimmaniġġja jiena ukoll ħafna kontradizzjonijiet għaliex mhux faċli li tiġbed linja waħda. Dan qed ngħidu għaliex jiena personalment nemmen li iżjed mill-liġijiet, irridu nerġgħu lura għall-etika fin-negozju. Għandna bżonn immorru lura għall-valuri u ma nibqgħux nippermettu li jkollna min irid jagħmel flus minn fuq dar ħaddieħor u bl-egoiżmu ta‘ xi wħud naraw impjiegi jintilfu.

Fis-sehem tiegħi fil-bidu ta’ din id-diskussjoni, jiena poġġejt mistoqsijiet biex ikun hawn min jaħseb fuqhom. Żgur li m’hiniex tekniku fis-suġġett. Jiena politiku b’responsabbilitajiet lejn is-self-employedu n-negozji żgħar, li qed jaħdmu f'suq intern fejn l-attenzjoni fuq id-drittijiet tal-konsumatur huma l-prijorita’ tal-liġi regolatorja li tirregola s-suq.

Jiena nemmen f’suq intern b’saħħtu finanzjarjament fejn il-liġijiet ma joħolqux okkażjoni għall-ħtieġa ta’ l-użura fost in-negozjanti, iżda jkunu liġijiet li kapaċi jservu bħala mekkaniżmu biex fl-eċċezzjoni ta’ dak li jkun normali, huma jiddefendu lil min jista’ jaqa’ vittma ta’ min jinnegozja bla skrupli ta’ xejn.

Għalhekk filwaqt li naċċetta li bilfors jeħtieġ li jkollna credit policy fost dawk li qegħdin fin-negozju, pero’ ma naċċettax li jkollna libertinaġġ f’dan il-qasam biex b’mod irresponsabbli dak li huwa tant meħtieg fil-kummerċ tagħna jispiċċa bhala proċedura abbużata.


DOI – 06.05.2004

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow