Left arrow Mur Lura

XANDIR NAZZJONALI MĠEDDED

PR708
Date Icon 05/05/2004

Bħala parti mir-riforma li qed issir fix-Xandir Nazzjonali, illum ġiet imnedija l-Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir, politika li hija mmirata lejn it-tiġdid tax-Xandir Nazzjonali. 

Wara li ġew riformati l-pedamenti jiġifieri l-organizzazzjoni, li kienet tinkludi l-istruttura u riforma fil-Management, kif ukoll fir-riżorsi umani u l-aspett finanzjarju, illum tħabbru l-mudell kummerċjali ġdid u riforma editorjali.  

Dettalji dwar dan ingħataw mill-Ministru għat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-Investiment Austin Gatt, bħala Ministru responsabbli mill-kumpanija PBS, u mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura Francis Zammit Dimech, li bħala Ministru għall-Kultura hu responsabbli, skond l-Att dwar ix-Xandir, mix-Xandir f’Malta.

Tradizzjonalment dawn iż-żewġ responsabbiltajiet kienu jkunu fl-istess Ministeru. Minn April 2003 ‘l hawn, saret id-distinzjoni li ppermettiet ir-riformi li qed isiru llum.  

Il-Ministru Gatt spjega li permezz tad-dokument intitolat “National Broadcasting Policy” illum il-Gvern ħabbar ‘mission statement’ għall-PBS Ltd. Il-‘Mission Statement’ huwa mmirat biex ikollnaXandir Pubbliku li jaqdi lill-pubbliku ġenerali kif ukoll oqsma partikolari tal-popolazzjoni, billi tħabrek biex tkun l-aktar xandâr kreattiv, inklussiv, professjonali u fdat f’Malta. 

Il-Gvern jirrikonoxxi li x-Xandir Pubbliku hu essenzjali għad-demokrazija tagħna Fil-kuntest ta’ xandir televiżiv bi preżenza daqshekk qawwija tal-partiti politiċi, hu importanti li l-PBS ikollha sehem ewlieni ta’ udjenzi u li jolqot udjenzi ġenerali daqs kemm jolqot udjenzi partikolari. Oltre’ minnhekk il-Gvern jemmen li x-xandir pubbliku jrid ikun finanzjarjament sostenibbli iżda l-finanzi ma jistgħux ikunu l-unika kunsidrazzjoni. Dan apparti l-obbligi internazzjonali (Dikjarazzjoni ta’ Praga; Direttiva dwar Televiżjoni mingħajr Fruntieri) u nazzjonali (Kostituzzjoni, Att dwar ix-Xandir) li rridu nibqgħu nirrispettaw. 

F’Ottubru 2003, il-Gvern ħa numru ta’ deċiżjonijiet.Waħda mid-deċiżjonijiet kienet it-tiġdid ta’ l-impenn tiegħu li l-PBS ikun l-iprem xandâr f’Malta. Deċiżjoni oħra kienet li jalloka Lm500,000 għas-sena 2004 għall-obbligi pubbliċi tal-PBS. Il-Ministru Austin Gatt spjega li l-Gvern stabilixxa l-bżonn li minbarra l-obbligi pubbliċi definiti, il-PBS trid tkun finanzjarjament vijabbli. Deċiżjoni oħra kienet li jkun hemm Public Service Obligation Contract bejn il-Gvern u l-PBS, dan minbarra d-deċiżjoni li ma jkunx hemm aktar sussidji apparti l-P.S.O. Deċiżjoni oħra kienet li għandu jkun hemm sehem akbar ta’ xandir imtella’ minn produtturi privati. 

Għal dan il-għan il-Gvern qasam ix-xandir tal-PBS fi tlieta:

      1.      Core PSO (aħbarijiet, sports lokali, programmi li joħorġu mil-liġi);
2.      Extended PSO (l-obbligi pubbliċi l-oħra tal-PBS);
3.      Kummerċjali (il-programm l-oħra kollha). 

Il-Ministru Gatt spjega li mill-qliegħ ta’ l-attività kummerċjali tiegħu, il-PBS irid jipprovdi l-programmi li jaqgħu taħt il-kriterju ta’ Core PSO.

Dawn jinkludu:  bullettini regolari ta’ l-aħbarijiet bil-Malti u mill-anqas bullettin wieħed bl-Ingliż u bullettin għal dawk neqsin mis-smiegħ fuq it-televiżjoni; bullettini regolari ta’ l-aħbarijiet bil-Malti u mill-anqas wieħed bl-Ingliż; bullettin regolari ta’ kuljum bl-aħbarijiet sportivi; programmi skond l-obbligi kostituzzjonali; u xandir televiżiv ta’ seduti Parlamentari (m’hux regolari). 

Il-Minsitru Francis Zammit Dimech ta spjega ta’ x’inhuma l-programmi li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ l-‘extended public service obligation’. Dawn jinkludu: 

1.            Trasmissjonijiet ta’ avvenimenti nazzjonali;
2.            Trasmissjoni bir-radju tal-Parlament;
3.            Avviżi Pubbliċi;
4.            Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti u Programmi ta’ Diskussjoni b’temi soċjali, kulturali,          
               edukattivi, ambjentali, ekonomiċi, industrijali u politiċi;
5.            Programmi reliġjużi u x-xandir tal-Quddies tal-Ħadd u xi festi;
6.            Programmi għat-tfal;
7.            Drama bil-Malti, preferibilment drama oriġinali;
8.            Progammi kulturali b’enfasi fuq l-islien Maltin, il-wirt, l-istorja u l-kultura Maltija u  
               programmi ta’ mużika klassika;
9.            Programmi dwar is-soċjetà u l-kultura Għawdxija;
10.          Programmi dwar l-emigranti Maltin;
11.          Programmi t’informazzjoni ġenerali bħas-saħħa, u t-tferrix tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni;
12.          Programmi edukattivi. 

Meta spjega kif ser ikun qed jitħaddem il-Public Service Obligation Contract, il-Ministru Zammit Dimech qal li wara li l-Gvern iħabbar l-allokazzjoni għall-PSO Contract fl-estimi ta’ kull sena, l-Ministeru responsabbli mill-Kultura (wara proċess ta’ konsultazzjoni) jgħid x’inhuma r-rekwiżiti tiegħu għas-sentejn li jkunu ġejjin. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu fost l-oħrajn x’tip ta’ programmi, kemm ikunu twal u kemm jixxandru spiss.  

Eventwalment, il-PBS tistima l-ispiża biex tissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Il-PBS ser iżżomm dettalji dwar l-infieq għal kull program, u jekk programm taħt dan il-kuntratt ikollu dħul mill-pubbliċità, nofs dak id-dħul irid jibqa’ fil-programm u jitnaqqas mill-allokazzjoni tal-Gvern. Il-Ministru Zammit Dimech fisser li jekk fl-aħħar tas-sena l-PBS tispiċċa bi qliegh, minħabba li daħlu aktar riklami; il-PBS iżżomm nofs il-qliegħ, kwart tal-qliegħ imur lura għand il-Gvern u kwart jiżdied ma’ l-allokazzjoni għall-PSO tas-sena ta’ wara.  

Intant il-Ministru Austin Gatt ħabbar li l-Gvern iddeċieda li għandha tonqos il-preżenza ta’ l-istat fix-xandir f’Malta li llum għandu tlett stazzjonijiet televiżivi (TVM, Channel 12 u Channel 22) u erba’ stazzjonijiet tar-Radju (Radju Malta, FM Bronja, Radju Parlament/1066, Campus FM). 

  • Radju Malta ser jibqa’ l-istazzjon tar-radju ġenerali tal-PBS. Ser tiżdiedlu doża ta’ mużika klassika u kultura, u ser jieħu l-parti l-kbira tal-programmi prodotti lokalment fuq FM Bronja.
  • Għaddejin taħdidiet bejn il-PBS u l-Università ta’ Malta biex il-bqija ta’ l-iskeda ta’ FM Bronja li m’hux sejra fuq Radju Malta, tmur fuq Campus FM. Hemm qbil fil-prinċipju u d-dettalji jitħabbru fl-iskeda li jmiss ta’ Campus FM.
  • FM Bronja jingħalaq meta tintemm l-iskeda preżenti fil-31 ta’ Mejju.
  • Radju Parlament jibqa’ jxandar il-Parlament u fil-ħin li m’hux jixxandar jibqa’ jxandar mużika orjentata għaż-żgħażagħ. Ser tiżdied sew l-enfasi ta’ avviżi t’interess edukattiv u pubbliku fuq dan l-istazzjon.
  • Channel 12 jingħalaq meta jintemm l-istaġun preżenti taċ-Champions League.

Ikun hemm ko-ordinazzjoni akbar bejn TVM u Channel 22 (li hu responsabbiltà tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni)  biex ir-riżorsi jintużaw aħjar. 

Il-Ministru Austin Gatt ħabbar ukoll li l-Gvern ħa wkoll numru ta’ deċiżjonijiet dwar is-sors tal-produzzjonijiet li jidhru fuq il-PBS. 

Il-PBS għandha tfittex aktar produzzjonijiet esterni minn ażjendi Maltin ta’ produzzjoni televiżiva. Dan ma jeskludix għal kollox il-ħolqien ta’ produzzjonijiet interni, iżda l-PBS issa għandha riżorsi limitati u għandha tikkonċentra fejn jaqblilha. Huwa spjega li jista’ jkun hemm ko-produzzjonijietbejn il-PBS u l-produttur privat. F’dan il-kuntest, l-għażla tal-produzzjonijiet esterni m’hux ser tibqa’ ssir ‘ad hoc’,  iżda skond proċedura pubblika.

Il-proċedura se tkun kif ġej: 

  1. Il-PBS jippubblika Programmes Statement of Intent, fejn jgħid x’tip ta’ programmi jrid u xi jrid li jkun fihom;
  2. Isiru sottomissjonijiet pubbliċi li jiġu evalwati l-ewwel mill-Bord Editorjali (għall-kwalità tagħhom), imbagħad mill-Bord tad-Diretturi (għall-proposta finanzjarja tagħhom).

Huwa mmirat li din is-sistema ser titħaddem għall-ewwel darba għall-iskeda t’Ottubru li ġej, u fil-ġranet li ġejjin, il-PBS se tagħmel l-ewwel sejħa pubblika. 

Innovazzjoni oħra fl-istruttura tal-PBS hija l-ħatra ta’ Bord Editorjali, biex inneħħu l-impressjoni (ġustifikata jew m’hix) ta’ indħil politiku. Dan il-Bord ser jagħti lill-PBS struttura simili għal dak li jiġri fil-gazzetti (Bord Editorjali separat minn Bord tad-Diretturi). 

Il-Funzjonijiet ta’ dan il-Bord ser ikunu li jgħasses u jkun  l-aħħar arbitru tal-politika dwar l-aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti. Il-Bord Editorjali ser ikollu wkoll ir-responsabbiltà u l-kwalità u l-kontenut tal-programmi kemm jekk mixtrija jew magħmula lokalment. 

Dan il-Bord ser ikun ‘accountable’ lejn l-Awtorità tax-Xandir minħabba d-dimensjoni ta’ aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti (Indipendenti mill-Gvern u mill-Bord tad-Diretturi). ‘Accountable’ ukoll lejn il-Gvern minħabba l-ftehim dwar l-obbligi pubbliċi tal-PBS, kif ukoll lejn il-Bord tad-Diretturi rigward ‘programming’.

Il-Ministru Gatt spjega li mil-lum qed nagħtu bidu ġdid għall-PBS. Ser nitilqu mill-għanqbud antik u nagħmlu sforz għal ideat ġodda fil-kumpanija. Dan qed isir wara Riforma li ilha tinħema mill-1998.“Rajna wkoll li nwaqqfu l-vizzju ta’ telf jiżdied kull sena bl-iskuża ta’ l-obbligu pubbliku. Aspett ieħor huwa t-tnaqqis tal-preżenza ta’ l-istat fil-kuntest kummerċjali, bil-ħolqien ta’ spazju ġdid għas-settur privat (tal-produzzjonijiet televiżivi) kif ukoll spazju ġdid għal aktar kreattività artistika” temm jghid il-Ministru Gatt.

… / … Dokument (pdf format)


DOI – 05.05.2004

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow