MUŻEW NAZZJONALI TA` L-ISTORJA SOĊJALI TA' L-ILSIEN MALTI
F’mument partikolarment sinifikanti fl-istorja ta’ pajjiżna, u meta l-ilsien Malti ġie rikonoxxut bħala lingwa uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, Heritage Malta għandha l-pjaċir tħabbar li se twaqqaf mużew bħala tribut għal pilastru ta’ l-identità nazzjonali tagħna: l-ilsien Malti. Il-mużew se jitwaqqaf fil-Berġa ta’ Franza fil-Birgu, u se jibbenefika mill-appoġġ ta` l-APS Bank.
Heritage Malta, li se tmexxi l-proġett kollu, se tkun mgħejuna minn kummissjoni konsultattiva magħmula minn esperti akkademici bħala rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet nazzjonali jew bħala awtoritajiet fuq bażi personali, sabiex tfassal il-kontenut u l-metodoloġija tal-mużew, kif ukoll sabiex tiffaċilita l-użu kulturali tal-bini minn soċjetajiet jew istituzzjonijiet li b’xi mod jew ieħor jippromwovu l-użu ta' l-ilsien Malti.
Dan il-mużew mhuwiex se jippreżenta eżercizzju akkademiku fis-sens dejjaq tal-kelma, iżda se jiżviluppa bħala ċentru kulturali li permezz tiegħu l-pubbliku ġenerali, speċjalment dak Malti, jista’ jitgħallem waqt li jieħu gost. Fil-fatt minbarra li jkun interessanti għall-viżitatur barrani, il-mużew għandu jitqies bħala għodda li permezz tagħha l-Maltin, speċjalment it-tfal ta` l-iskola, jiskopru l-identità tagħhom u jħossuhom kburin li huma Maltin. L-esibizzjoni se tipprova tfiehem kif l-iżvilupp ta' l-ilsien Malti huwa rifless fl-istorja soċjali ta’ Malta, u viceversa. Għalhekk mhux biss se jissemmew dati importanti għall-istorja ta' l-ilsien Malti, fosthom dawk li jirrigwardaw awturi, personalitajiet u ġrajjiet, iżda se jintużaw ukoll ħwejjeg u oġġetti oħra, sabiex dan l-iżvilupp jitpoġġa f’kuntest soċjali iżjed wiesa’ sakemm il-Malti stabbilixxa ruħu bħala lingwa nazzjonali.
Huwa mportanti wkoll li wieħed jifhem li mużew iddedikat lill-ilsien Malti bl-ebda mod ma jimplika li l-ilsien Malti huwa mejjet. Dan m’huwiex iċ-ċertifikat tal-mewt tal-ilsien Malti. Il-mużewijiet m’humiex depositi ta’ oġġetti strambi jew estinti. Il-konservazzjoni tista’ sseħħ permezz ta’ apprezzament aħjar. Il-mużewijiet jinterpretaw u jippreżentaw il-ħajja kontemporanja, u għandhom jiġu meqjusa bħala għodda mhux biss għall-barranin li jridu jiskopru lil Malta, iżda wkoll għall-Maltin li jridu jkunu jafu iżjed dwarhom infushom.
Minbarra li tintroduċi uffiċjalment dan il-proġett, Heritage Malta qed tagħmel ukoll appell pubbliku lil dawk kollha li jista’ jkollhom materjal rilevanti sabiex tinbena librerija jew inkella sabiex eventwalment jintuża fl-esibizzjoni, bħal manuskritti, ritratti, kotba, fuljetti, u affarijiet oħra. Għal iżjed informazzjoni wieħed jista’ jikkuntattja lil Kenneth Gambin, il-kuratur tal-mużew, fuq +356 21663731 jew permezz tal-indirizz elettroniku: kenneth.j.gambin@gov.mt.
Minbarra li qed tirrispetta l-missjoni tagħha li tkattar il-kuxjenza kulturali u tiżgura l-konservazzjoni u preżentazzjoni tal-wirt kulturali Malti, dan huwa sinjal ieħor ta` l-impenn ta’ Heritage Malta lejn ir-riabilitazzjoni tal-Kottonera u ż-żieda fil-popolarità ta’ din il-lokalità bħala destinazzjoni turistika u kulturali. Huwa ppjanat li l-mużew jinfetaħ għall-pubbliku fl-2006.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en