INFRASTRUTTURA BIEX JITĦARES IL-WIRT KULTURALI TA’ PAJJIŻNA
INFRASTRUTTURA BIEX JITĦARES IL-WIRT KULTURALI TA’ PAJJIŻNA
Meta kien qed jinawgura seminar bit-tema The Role and Training of the Conservator in Malta, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir għalih jindirizza lil dawk kollha involuti fir-restawr fl-okkażjoni tal-ħames anniversarju mit-twaqqif taċ-Ċentru Malti għar-Restawr.
Francis Zammit Dimech qal li Malta kienet pajjiż bi storja li tmur lura aktar minn 7,000 sena, b’tempji li huma aktar qodma mill-piramidi u Stonehenge. Hu qal li pajjiżna kellu wirt storiku mill-aqwa, forsi anke l-akbar jekk inqisu l-kobor ta’ artna. Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-potenzi li f’dawn l-eluf ta’ snin kienu jikkontrollaw l-Ewropa, l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani – li kienet id-dinja magħrufa għal żmien twil – ħallew il-marka tagħhom fuq l-istorja u l-kultura ta’ Malta għaliex pajjiżna minħabba l-qagħda strateġika tiegħu, f’nofs il-Mediterran, kien okkupat kontinwament minn dawk kollha li kienu b’saħħithom.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li Malta hi mużew ħaj ta’ tempji preistoriċi, bliet imdawwra bis-swar, bereġ, palazzi, knejjes u monumenti oħra. Hu qal li kien hemm snin li dan il-patrimonju u wirt kulturali u storiku ma konniex nagħtu każ tiegħu. Iżda f’dawn l-aħħar snin skoprejna dak li għandna madwarna mhux biss għaliex l-istorja hi l-għeruq tagħna iżda wkoll għaliex nemmnu li l-kultura tiddistingwina minn popli oħra u tagħmilna Maltin.
Francis Zammit Dimech qal li f’dawn l-aħħar 15-il sena l-Gvern ħoloq l-infrastruttura biex jitħares wirt artna billi jsiru xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni u restawr. Hu qal li twaqqfu tliet Proġetti ta’ Riabilitazzjoni għall-belt Valletta u l-Furjana, għall-Kottonera u għall-Imdina. Hu qal li dawn it-tliet kumitati wettqu għexiren ta’ proġetti ta’ restawr f’dawn is-sitt ibliet imdawwra bis-swar.
Francis Zammit Dimech qal li twaqqaf ukoll il-Unit għar-Restawr fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet li wettaq ’il fuq minn 100 proġett ta’ restawr ma’ Malta kollha. Dan il-Unit jieħu ħsieb ukoll ir-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ fortifikazzjonijiet, inklużi l-Victoria Lines.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern daħħal ukoll il-kunċett li fil-kuntratti għat-twettiq ta’ proġetti kapitali ta’ natura urbana, fejn f’dawn il-proġetti hemm bini qadim u storiku fihom, dan irid jiġi restawrat. Hu qal li bħala riżultat ta’ din il-klawsola s’issa ġew investiti miljuni ta’ liri f’restawr fil-proġetti tal-Kottonera, ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne’ u fil-Cruise Liner Passenger Terminal.
Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern investa wkoll fi proġetti kbar ta’ restawr bħall-Kavallier ta’ San Ġakbu, iċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi u l-Berġa ta’ l-Italja. F’dawn it-tliet proġetti sar investiment ta’ qrib id-disa’ miljun lira.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-infrastruttura ma kenitx tkun kompluta li kieku l-Gvern ma waqqafx iċ-Ċentru Malti għar-Restawr. Hu qal li dan iċ-ċentru twaqqaf ħames snin ilu permezz ta’ ftehim bejn l-Univerista’ ta’ Malta u l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni li permezz tiegħu ċ-Ċentru kellu jservi ta’ aġenzija nazzjonali li tieħu ħsieb materji relatati ma’ konservazzjoni u/jew restawr ta’ materjal ta’ wirt kulturali. Hu qal li barra minhekk dan iċ-ċentru kellu jaħseb biex iħarreġ nies professjonali fil-qasam tal-konservazzjoni - restawr tal-wirt kulturali f’Malta.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Istitut għall-Istudji fil-Konservazzjoni u Restawr hu d-driegħ tat-tagħlim fiċ-Ċentru Malti tar-restawr u qed joffri Baċċellarat (Honours) fl-Istudji dwar il-Konservazzjoni u Restawr, B.Cons (Hons). Is-sena l-oħra ġie kreat Masters f’dan il-grad.
Francis Zammit Dimech qal li kien ħsieb tajjeb li ħames snin mit-twaqqif ta’ dan iċ-Ċentru kien qed isir studju biex isir magħruf x’inkiseb f’dan il-perijodu u x’jista’ jsir aktar biex il-pajjiż ikollu nies professjonali fil-konservazzjoni biex ilaħħqu mal-ħtiġiet tal-pajjiż.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura awgura lill-istakeholders kollha fil-qasam tar-restawr u r-riabiltazzjoni li jiddiskutu flimkien mhux biss xi twettaq fl-aħħar snin iżda x’hemm bżonn li jsir aktar biex inħarsu l-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna minn kull ħsara.
DOI - 03.05.2004
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en