Left arrow Mur Lura

MESSAĠĠ LIN-NAZZJON MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR. LAWRENCE GONZI

PR684
Date Icon 01/05/2004

MESSAĠĠ LIN-NAZZJON MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR LAWRENCE GONZI

Ħuti Maltin u Għawdxin,

Fl-4 ta’ Mejju ta’ l-1965, seba’ xhur wara li Malta kisbet l-Indipendenza taħt it-tmexxija tiegħu, Ġorġ Borg Olivier indirizza lill-Kunsill ta’ l-Ewropa għall-ewwel darba bħala Prim Ministru ta’ Malta indipendenti. Fid-diskors tieghu, Borg Olivier, lil din l-okkażjoni, stħajjilha bħala ritorn lejn id-dar: Malta, stqarr Borg Olivier, kienet qed tieħu postha fost in-nazzjonijiet li kienu membri ta’ l-istess familja, għax mibnija mill-istess storja u fuq l-istess valuri.

Għal Missier Malta Indipendenti, it-tifsira ta’ l-indipendenza vera ma kinetx li Malta tinqata’ għal rasha, iżda, għall-kuntrarju, li Malta tkun libera li tissieħeb ma’ min jaqblilha u, proprju għax kienet pajjiż indipendenti, issemmi leħinha u tagħti sehemha.

Bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-parteċipazzjoni tagħna l-Maltin u l-Għawdxin fid-dar Ewropea issa tista’ tilħaq il-milja tagħha. Fil-Kunsill ta’ l-Ewropa 39 sena ilu, Borg Olivier kien tkellem bl-Ingliż: is-sena l-oħra, waqt il-firmar tat-Trattat tas-Sħubija, il-Prim Ministru Malti ta’ dakinhar, Eddie Fenech Adami, lil sħabu l-kapijiet tal-gvern Ewropej indirizzahom bil-Malti…

Xebbaħt lill-Unjoni Ewropea ma’ familja: aħna ngharfu li familja hi tassew magħquda mhux meta l-membri tagħha jkunu kollha l-istess, iżda meta kull membru jingħata l-ispazju fejn timraħ l-identità tiegħu; il-familja tassew magħquda tħaddan l-istess valuri, iżda ma toħnoqx il-personalità tal-membri individwali. U hekk hi l-Unjoni Ewropea: hi możajk ta’ identitajiet kulturali differenti, u temmen bis-sħiħ li l-Unjoni tistagħna bid-diversità tagħha daqskemm titqawwa bl-għaqda tagħha.

Dan it-twemmin rajnih jitħaddem fin-negozjati li kellna ma’ l-Unjoni qabel ma ddeċidejna li nissieħbu. Malta talbet u ngħatat kundizzjonijiet speċjali, f’ħafna oqsma, li kienu jgħarfu ċ-ċirkostanzi speċjali tagħha. Iżda forsi dan it-twemmin fil-valur tad-diversità spikka l-aktar meta kienet aċċettata t-talba tagħna li l-ilsien Malti jkun meqjus bħala lsien uffiċjali ta’ l-Unjoni: waħda mir-raġunijiet ewlenin għala t-talba tagħna ntlaqgħet kienet proprju għaliex ilsienna hu l-uniku ilsien semitiku fost l-ilsna tal-popli Ewropej, u għalhekk l-preżenza tal-Malti fost l-ilsna uffiċjali se twassa’ l-idea ta’ xi tfisser li tkun Ewropew.

Kull biċċa tal-możajk tlewwen u ssebbaħ u tkabbar is-sens tal-możajk sħiħ. Fl-Unjoni Ewropea se nżommu l-identità tagħna, iżda din l-identità se tkun tista’ tagħti, aktar minn qatt qabel, valur akbar lill-identità Ewropea.

Fil-możajk Ewropew l-identità tagħna nistgħu ngħixuha b’mod aktar sħiħ, ukoll. L-Istorja tagħna hi storja ta’ poplu ċkejken ħiereġ minn pajjiż li kemm-il darba kien assedjat, li kien għal sekli sħaħ bażi militari, li kien pajjiż b’ħafna emigrazzjoni għaliex ma kienx jiflaħ jagħti x-xogħol lil kulħadd…u li issa hu pajjiż indipendenti bażat fuq ix-xogħol u l-impenn għall-paċi. Din hi l-istorja li tagħtina l-identità u l-valuri tagħna, valuri li se nsibu wesgħa akbar fejn ngħixuhom, issa li se ningħaqdu ma’ Unjoni ta’ pajjiżi li huma wkoll ħarġu minn storja ta’ gwerra biex, flimkien, bnew il-paċi, u minn storja ta’ faqar bnew soċjetà li tħaddan l-ogħla kwalita ta’ għixien u protezzjoni soċjali.

L-istorja ma tieqafx hawn: tkompli. L-Unjoni Ewropea m’hix biss możajk, iżda hi wkoll proġett. Proġett li għadu ma spiċċax. Proġett li rridu li nkunu parti minnu ħalli ngħinu nfassluh – bl-ideat, bil-valuri, u bil-ħidma tagħna.

L-Unjoni hi proġett ta’ għaqda ta’ pajjiżi li jridu jbaħħru fil-mewġ tal-globalizzazzjoni. Iridu jgawdu l-opportunitajiet li tagħti l-globalizzazzjoni – opportunitajiet li m’humiex biss ekonomiċi iżda kulturali u politiċi wkoll. Fl-istess waqt dawn il-pajjiżi iridu jtaffu s-sogri li ġġib magħha dinja globalizzata. Għalhekk l-Unjoni hi mibnija fuq zewġ impenji prinċipali – is-solidarjetà u s-sussidjarjetà, jiġifieri li l-poter għandu jkun mifrux kemm jista’ jkun.

Aħna rridu nkunu parti minnu dan il-proġett għaliex il-miri tagħna naqsmuhom mal-membri l-oħra ta’ l-Unjoni. Il-miri ta’ livell ta’ għixien aħjar; ta’ ambjent aħjar; taċ-ċelebrazzjoni tad-diversità u l-qtugħ ta’ kull diskriminazzjoni inġusta; ta’ livell għoli ta’ saħħa u ħarsien fuq il-post tax-xogħol; ta’ riforma ġusta fis-sistema tal-pensjonijiet li sserraħ l-imħuħ tan-nies u tagħraf it-tibdil demografiku ta’ żmienna; ta’ sistema ta’ solidarjetà soċjali li tpoġġi lill-persuna fil-qofol tal-politika tagħha u tagħtiha l-appoġġ li jixirqilha; ekonomija qawwija bażata fuq l-aħħar teknoloġiji u li toħloq aktar impjiegi u impjiegi aħjar… Dawn huma xi wħud mill-miri tal-proġett tan-nazzjon Malti u Għawdxi, u huma wkoll l-miri ta’ l-Unjoni Ewropea. B’Malta fl-Unjoni dawn il-miri xorta se jkollna nistinkaw biex nilħquhom, iżda se jkollna s-solidarjetà ta’ l-Unjoni magħna, b’għajnuna finanzjarja u ta’ riżorsi oħra.

Kif fakkartkom l-ewwel, aħna repubblika bażata mhux biss fuq ix-xogħol iżda ukoll fuq impenn li nfittxu li jkollna dinja mibnija fuq il-paċi, speċjalment fir-reġjun tagħna. Il-ġirien u l-ħbieb tagħna fl-Isfel tal-Mediterran qed jgħidulna li b’Malta fl-Unjoni Ewropea se jkun hemm vuċi oħra fl-Ewropa li twassal u tfisser il-fehma tagħhom dwar kif għandhom jimxu l-affarijiet f’dawn iż-żminijiet mhux faċli għalihom. Il-proġett Malti għall-paċi fil-Mediterran mhux se jbatti bid-dħul tagħna fl-Unjoni: se jissaħħaħ.

Ħuti Maltin u Għawdxin,

Meta konna għadna kolonja, ix-xkiel ewlieni li kien qed iwaqqafna milli nilħqu l-milja tagħna bħala nazzjoni kien li ma konniex indipendenti. Wara l-indipendenza, l-akbar xkiel kien li ma konniex membri ta’ l-Unjoni Ewropea u għalhekk ma stajniex nsemmgħu leħinna u nieħdu sehem sħiħ meta kienu jittieħdu d-deċiżjonijiet mill-pajjiżi li l-aktar kellna x’naqsmu magħhom ekonomikament, kulturalment u politikament.

Illum, dak ix-xkiel tneħħa.

Illum, l-akbar xkiel li jista’ jżommna milli nilħqu l-milja tagħna, hu aħna stess, jekk ma naħdmux bil-ghaqal u bi bzulija, u jekk ma naħdmux flimkien.

Illum deħlin fil-port Ewropew. Intemm il-vjaġġ ta’ 40 sena. Iżda ma ntemmx ix-xogħol. Anzi, beda ż-żmien ta’ ħidma ġdida – il-waqt fil-port meta dak li qed iġorr il-vapur jinħatt, u jitgħabba fuq mezzi oħra ta’ trasport biex jinġarr u jinfirex ma’ fejn kellu jmur. Hekk aħna wkoll, issa, bis-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li naħdmu bis-sħiħ, b’impenn akbar, dejjem flimkien, sabiex bl-enerġiji tagħna, bl-għaqda tagħna, u bil-grazzja t’Alla, nilħqu l-milja tagħna u ta’ uliedna.

DOI- 01.05.2004

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow