IPPREŻENTATA L-EWWEL KOMUNIKAZZJONI NAZZJONALI DWAR IT-TIBDIL FIL-KLIMA
IPPREŻENTATA L-EWWEL KOMUNIKAZZJONI NAZZJONALI DWAR IT-TIBDIL FIL-KLIMA
Malta kellha rwol importanti biex il-konservazzjoni tal-klima ingħatat l-importanza li jixirqilha fl-aħjar interess ta’ ġenerazzjonijiet futuri, u speċjalment dawk futuri.
L-inizjattiva bdiet fl-1988, permezz tal-Prim Ministru ta’ dak iz-zmien, Dr. Eddie Fenech Adami u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dr. Ċensu Tabone, u wara saret proposta konkreta permezz ta’ riżoluzzjoni quddiem in-Nazzjonijiet Uniti.
Minkejja x-xettiċiżmu tal-bidu, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti qablet ma’ l-inizjattiva Maltija u b’riżultat ta’ hekk saret il-United Nations Framework Convention on Climate Change(UNFCC) fl-1992. Is-segretarju ta’ din il-konvenzjoni kien is-sur Michael Zammit Cutajar li ddedika l-isforzi tiegħu kollha biex din il-Konvenzjoni tirnexxi. Malta saret parti minn din il-Konvenzjoni fl-1994 u ffirmat ukoll il-Kyoto Protocol, biex b’hekk irriaffermat l-impenn tagħha għal inizjattivi Internazzjonali dwar tibdil fil-klima.
Dan intqal mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, George Pullicino waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li matulha kienet ippreżentata l-ewwel komunikazzjoni nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima.
George Pullicino qal li diġa bdejna naraw l-ewwel sinjali ta’ tibdil fil-klima globali. Madanakollu, jidher li m’hemm xejn x’nistgħu nagħmlu biex intejbu s-sitwazzjoni ħlief li ntawwlu ż-żmien li matulu jseħħu l-bidliet biex nagħtu ċans lid-dinja biex taddatta ruħha.
Huwa għalhekk ta’ sodisfazzjon li pajjiżna, bil-fatti, beda jonora l-obbligazzjonijiet tiegħu skond il-UNFCC. Il-proġett preżenti huwa ffinanzjat mill-United Nations Development Programme – Global Environment Facility u huwa eżempju ċar ta’ kif sħubija bejn Gvern u Universita’ tista’ taħdem u tagħti riżultati tajbin.
Din l-ewwel komunikazzjoni nazzjonali wriet b’mod ċar l-aspetti l-aktar importanti tad-diversi sejbiet u analiżi li saru bl-appoġġ tad-Diretturi tal-Proġett Nazzjonali li għamlu minn kollox biex il-proġett jirnexxi minkejja d-diffikultajiet.
Il-Ministru Pullicino qal li l-qofol tal-Komunikazzjoni Nazzjonali hi pjan ta’ azzjoni li jinkudi proposti konkreti u li jistgħu jitwettqu biex Malta tħejji jew tirranġa l-infrastruttura tagħha u tagħmel it-tibdil meħtieġ biex tilqa’ għall-isfidi tat-tibdil fil-klima. Il-proposti li saru fil-pjan ta’ azzjoni jagħtu kas tar-restrizzjonijiet finanzjarji u soċjali filwaqt li jagħtu każ ukoll ta’ l-obbligazzjonijiet ambjentali ta’ pajjiżna bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Pullicino rringrazzja lill-UNDP GEF li pprovdew l-assistenza finanzjarja biex sar il-Proġett, il-UNDP Country Office ta’ Bratislava għall-appoġġ tagħhom u t-tim li mexxa l-proġett għad-dedikazzjoni u l-entużjazmu li wrew.
Il-proġett dwar it-tibdil fil-klima ta’ Malta beda f’Marzu ta’ l-2001 bħala kollaborazzjoni bejn dak li kien id-Dipartiment għall-Protezzjoni ta’ l-Ambjent u żewġ membri tad-Dipartiment tal-Fiżika fl-Universita’ ta’ Malta, li huma Dr Charles V Sammut bħala Project Manager u Dr Alfred Micallef bħala National Expert.
Fost il-kisbiet ewlenin tal-proġett kien hemm :
- Il-ġbir ta’ inventarju annwali ta’ greenhouse gas għas-snin 1990-2000 ;
- Analiżi ta’ tnaqqis ta’ greenhouse gases ;
- Analiżi għall-vulnerabbilita’ fit-tibdil tal-klima u l-miżuri biex isir adattament aħjar ;
- Tagħrif lill-pubbliku permezz ta’ żewġ simposja nazzjonali, workshops, pubblikazzjonijiet, website, programmi fuq ir-radju u t-televiżjoni, artikli f’ġurnali ;
- Koperazzjoni bejn għadd ta’ esperti u organizzazzjonijiet ;
- Taħriġ lill-konsulenti għall-Kommunikazzjonijiet Nazzjonali oħrajn – bini ta’ kapaċita’ amministrattiva u s-sostenibbilita’ tal-proġett.
DOI – 29.04.2004
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en