DISKORS MILL-ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH, MINISTRU GĦAT-TURIŻMU U KULTURA WAQT KONFERENZA ORGANIZZATA MILL-G.W.U. BIT-TEMA “IT-TURIZMU…. FEJN SEJRIN” - VALLETTA – 29.04.2004
DISKORS MILL-ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH, MINISTRU GĦAT-TURIŻMU U KULTURA WAQT KONFERENZA ORGANIZZATA MILL-G.W.U. BIT-TEMA “IT-TURIZMU…. FEJN SEJRIN” - VALLETTA – 29.04.2004
It-turiżmu hu settur ekonomiku mill-aktar importanti għaliex minnu jiddependi kwart tal-ġid nazzjonali u 40,000 impjieg. Għal pajjiżna s-settur turistiku hu importanti anke aktar minn pajjiżi oħra. Jekk biss inqisu li għal kull Malti u Għawdxi pajjiżna jżuruh tliet turisti u Franza, li tinsab l-ewwel fil-klassifika tat-turiżmu internazzjonali, jżuruha ftit aktar minn turist għal kull membru tal-popolazzjoni malajr nifhmu l-importanza ewlenija ta’ dan is-settur għal pajjiżna. Hu għalhekk li l-Gvern jieħu l-miżuri kollha biex dan is-settur jissaħħaħ.
Is-settur turistiku ma rridux inqisuh biss fl-isfond nazzjonali iżda wkoll f’dak internazzjonali għaliex jekk jiġux turisti lejn pajjiżna jiddependi minn kif ikunu sejrin ekonomikament l-pajjiżi li minnhom jiġu t-turisti u mis-sitwazzjoni internazzjonali. Malta hi influwenzata bil-kbir b’dak li jiġri fix-xena internazzjonali. Il-pajjiżi li l-aktar li jiġu minnhom turisti lejn pajjiżna huma r-Renju Unit, l-Ġermanja, l-Italja u Franza. L-ekonomija Ingliża fl-aħħar snin ma kenitx sejra ħażin iżda ma jistax jingħad l-istess għall-ekonomiji tat-tliet pajjiżi Ewropej l-oħra, partikolarment fil-Ġermanja fejn l-ekonomija fl-aħħar snin kienet dgħajfa. Jekk inħarsu lejn is-sena li għaddiet in-numru ta’ turisti Ingliżi żdiedu u leħqu l-ogħla livell għal ħafna snin. Iżda ma ġarax l-istess mit-tliet pajjiżi l-oħra.
Min-naħa l-oħra t-turiżmu internazzjonali baqa’ jiġi affetwat mill-attakki terroristiċi u mill-gwerra fl-Iraq. Dan kollu wassal biex is-sena l-oħra t-turiżmu fl-Ewropa tal-Punent naqas b’1 fil-mija. F’Malta b’1,126,601 turisti kellna nuqqas ieħor ta’ 0.6 fil-mija wara li kien hemm nuqqas ta’ 2.9 fil-mija fl-2001 u ta’ 3.9 fil-mija fl-2002. Fl-2003 id-dħul mit-turiżmu kien ta’ Lm260.9 miljun jew 6 fil-mija aktar mill-2002.
It-tliet snin li għaddew il-Gvern ma ħlihlomx.
- Komplejna nsaħħu l-infrastruttura. Komplejna ngħollu l-livell tal-lukandi u l-istabbiliment ta’ l-ikel u ninfurzaw aktar il-liġijiet u r-regolamenti li jolqtu dawn l-istbbilimenti.
- Komplejna ninvestu f’restawr u riabilitazzjoni ta’ bini storiku.
- Komplejna nsebbħu pajjiżna u l-promenades f’Malta u Għawdex.
- Komplejna nwettqu b’ritmu aktar mgħaġġel programm ta’ ristruturazzjoni tal-prodott Malti.
Illum m’għadniex nagħtu pubbliċita’ lil Malta biss bħala destinazzjoni għall-baħar, ir-ramel u x-xemx. Bdejna nippromwovu pajjiżna bħala esperjenza. Qegħdin nirreklamaw is-7,000 sena ta’ storja unika ta’ pajjiżna b’tempji preistoriċi li huma aktar qodma mill-piramidi ta’ l-Eġittu u Stonehenge ta’ l-Ingilterra. Qegħdin nirreklamaw l-arti u l-kultura, l-folklor, il-festi. U r-riżultati qeghdin niksbuhom. Qed iżuruna 200,000 turist fis-sena li jiġu f’pajjiżna għall-istorja u għall-kultura.
Pajjiżna qed jirreklama wkoll l-underwater diving, il-konferenzi u l-inizjattivi, it-tagħlim ta’ l-Ingliż. Dawn it-tliet setturi bejniethom huma responsabbli għal 200,000 turist ieħor fis-sena. Jekk nieħdu s-settur tal-konferenzi u inċentivi nsibu li kull persuna li żżur pajjiżna għal dan it-tip ta’ ivvjaġġar tonfoq tliet darbiet aktar milli jonfqu t-turisti l-oħrajn. Dan is-settur stajna nkabbruh għaliex żidna n-numru ta’ lukandi Five Star. Illum għandna 13-il lukanda Five Star b’5,050 sodda. Is-sena l-oħra disa’ fil-mija tat-turisti kollha li żaru pajjiżna qagħdu f’din il-kategorija ta’ lukandi.
Settur ieħor li kiber u aktar minn irdoppja f’dawn l-aħħar snin kien dak ta’ passiġġieri fuq cruise liners. Is-sena li għaddiet żaru pajjiżna 389,000 passiġġier fuq cruise liners. Din is-sena qegħdin nagħmlu qabża anke f’dan is-settur. Il-kumpannija, My Travel iddeċidiet li tibda cruises tagħha minn Malta u tispiċċahom f’Malta. Dan se jwassal biex din il-kumpannija se tibda topera sitt titjiriet lejn Malta, b’possibilita’ li jitilgħu għal tmienja, kull nhar ta’ Ħadd biex iġġib turisti f’Malta li jibdew il-cruise tagħhom minn pajjiżna. Dawn it-turisti jkunu jridu jiġi akkomodati f’lukandi sakemm jaqbdu l-ġita tagħhom fuq il-baħar. Dan is-settur għandu jkompli jikber u jikkontribwixxi aktar għall-ekonomija nazzjonali darba jitlesta l-Cruise Liner Passenger Terminal li mhux biss miexi skond it-timeframesmiftiehma iżda hemm partijiet minnhu li huma anke aktar avvanzati milli kien miftiehem.
Permezz tal-ħidma li twettqet fis-settur fl-aħħar 10 snin irnxxielna nżommu bilanċ fil-perċentwali ta’ dawk li jżurupajjiżna fix-xitwa, fis-sajf u fix-shoulder months. Fl-1994 18.7 fil-mija tat-turisti kollha li żaru pajjiżna ġew fix-Xitwa (Jannar, Frar, Novembru, Diċembru). 45.4 fil-mija żaru Malta fix-Shoulder months (Marzu, April, Mejju, Ġunju, Ottubru) filwaqt li 36 fil-mija ġew fis-Sajf (Lulju, Awissu, Settembru). Is-sena li għaddiet 18.6 fil-mija tat-turisti li żaru pajjiżna ġew fix-Xitwa, 44.6 fil-mija ġew fis-Shoulder months filwaqt li 36.8 fil-mija ġew fis-Sajf.
U issa niġu għall-prospetti għal din is-sena. Kif konna qed nipproġettaw fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena komplejna naqqasna fin-numru ta’ turisti li żaruna jekk inqabblu ċ-ċifri ma’ dawk ta’ l-ewwel tliet xhur tas-sena l-oħra.
- F’Jannar żaru pajjiżna 41,075 turist, jew 0.5 fil-mija aktar minn Jannar tas-sena l-oħra.
- Fi Frar ġew 53,864 turist, jew 3.4 fil-mija inqas minn Frar tas-sena l-oħra.
- F’Marzu żaru Malta 72,451 turist, jew 1.5 fil-mija inqas mill-istess xahar is-sena l-oħra.
- Komplessivament fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena żaru Malta 167,390 turist – 2,783 turist inqas, jew 1.6 fil-mija inqas fuq l-istess perijodu s-sena l-oħra.
- Filwaqt li fl-ewwel tliet xhur tas-sena kien hemm żieda ta’ 2,947 turist mill-Italja u ta’ 2,429 turist minn ‘swieq oħra’ kien hemm nuqqas ta’ 3,491 turisti Ingliżi u 3,351 turist Ġermaniż inqas.
- F’Jannar id-dħul mit-turiżmu kien ta’ Lm16.8 miljun, żieda ta’ Lm2.6 miljun fuq l-istess xahar is-sena l-oħra.
- Erbatax il-kumpannija ta’ l-ajru minn dan ix-xahar bdew joperaw titjiriet ġodda, jew żiedu t-titjiriet tagħhom, lejn Malta.
Ilna ngħidu li qed nistennew li s-settur turistiku jirpilja lejn l-aħħar parti tat-tieni kwart ta’ din is-sena. Fuq dan hemm qbil mal-Malta Hotels and Restaurants Association li ilha titkellem fuq l-istess linji. Jirriżulta minn stħarriġ li għamlet l-MHRA li l-lukandi f’April, l-aktar fil-ġimgħa tal-Għid, kellhom rata ogħla ta’ okkupazzjoni. Jirriżulta wkoll li l-bookings għal Mejju kif ukoll għal Ġunju jidhru s’issa aħjar minn tas-sena l-oħra.
Aktar tard dis-sena mistenni li jiġi mniedi il-pjan strateġiku għas-settur turistiku. Fl-istess waqt irridu nħarsu lejn l-opportunitajiet li toffri s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għall-qasam turistiku. L-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu hi ppreparata sew biex tiffaċċja l-isfida u taħsad il-benefiċċji li joħorġu mis-sħubija. Kien għalhekk li fi ħdan it-Taqsima għal-Ippjanar Strategiku u Riċerka tal-MTA twaqqaf Unit dwar l-UE bir-rwol li jgħin l-MTA f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ l-UE inkluż fondi, leġislazzjoni relatata mat-turiżmu u politika Ewropea dwar kwestjonijiet turistiċi.
Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea se tiftħilna suq intern ta’ 450 miljun persuna li jekk ngħarfu nisfruttawh tajjeb għandu jgħina biex inżidu n-numru ta’ turisti li jżuru pajjiżna. Barra minhekk is-sħubija tagħmilha aktar faċli għal-low cost airlines li joperaw lejn Malta. Diġa hemm waħda minn dawn il-linji li qed joperaw lejn Malta filwaqt li negozjati ma’ żewġ kumpanniji oħra ta’ dan it-tip jinsabu fi stat avvanzat. Malta fl-Unjoni Ewropea se tibbenefika b’mod nett minn fondi b’bilanċ ta’ 210 miljun Euro fl-ewwel sentejn u tmien xhur ta’ sħubija. Dan ifisser li se jkun hemm injezzjoni pożittiva ta’ kapital għal proġetti li jinkludu dawk li jaffettwaw il-kwalita’ tal-prodott turistiku kif ukoll ta’ immaniġġjar aħjar u anke biex ikun hemm faċilitajiet fit-tempji Megalitiċi.
Il-previżżjonijiet għal din is-sena huma li sa’ l-aħħar ta’ Diċembru nkunu irpiljajna perċentwali żgħira mit-turisti li tlifna fl-aħħar tliet snin. F’dak li hu dħul nistenew li nkunu irpiljajna ferm aktar.
Jekk tistaqsuni fejn sejrin, inwieġeb li l-indikazzjonijiet huma li wara l-ħidma kollha li twettqet, is-settur turistiku se jkompli jkun il-mutur ta’ l-ekonomija. Qasam li s-settur privat baqa’ jemmen fih għaliex kompla jinvesti fih. Settur li l-Gvern baqa’ jemmen fih għaliex baqa’ jinvesti fih u baqa’ jieħu d-deċiżżjonijiet kollha meħtieġa biex ikompli jissaħħaħ. Settur li ż-żgħażagħ tagħna baqgħu jemmnu fih għaliex issuktaw fil-mijiet tagħhom t-tagħlim u t-taħriġ fl-ITS u fl-Universita’.
DOI – 29.04.2004
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en