Left arrow Mur Lura

VILLAĠĠ EWROPEW – MERA TAL-KULTURI TAL-PAJJIŻI MEMBRI FL-UE

PR659
Date Icon 29/04/2004

VILLAĠĠ EWROPEW – MERA TAL-KULTURI TAL-PAJJIŻI MEMBRI FL-UE

F’diskors li ghamel il-Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura Francis Zammit Dimech, meta nieda l-Villagg Ewropew bhala parti mic-celebrazzjonijiet biex ifakkru s-Shubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, qal li darba dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kienu festi tal-25 pajjiż li mill-1 ta’ Mejju jiffurmaw l-istess Unjoni, kien xieraq li fiċ-ċelebrazzjonijiet li qed norganizzaw f’pajjiżna, ikun hemm parteċipazzjoni mill-akbar numru ta’ pajjiżi tal-UE. 

Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern ħa ħsieb li bejn it-2 u t-8 ta’ Mejju jkun hemm  Villaġġ Ewropew f’Misraħ il-Palazz, fejn se jittellgħu rappreżentazzjonijiet bil-parteċipazzjoni ta’ gruppi, żeffiena, musiċisti u street performers mill-pajjiżi ta’ l-UE. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dan il-Villaġġ Ewropew se jinawgurah il-President ta’ Malta Eddie Fenech Adami nhar il-Ħadd 2 ta’ Mejju. Hu qal li qabel l-inawgurazzjoni, l-Ministru għall-Affarijiert Barranin u Promozzjoni ta’ l-Investiment John Dalli se jagħmel diskors ta’ merħba li għalih se jwieġeb ir-rappreżentant ta’ l-Unjoni Ewropea. 

Francis Zammit Dimech qal li fil-Villaġġ Ewropew se jkunu rappreżentati l-Awstrija, Belġju, Repubblika Ċeka, Ċipru, Danimarka, Estonia, Finlandja, Franza, Ġermanja, Greċja, Irlanda, Italja, Litwanja, Olanda, Polonja, Portugall, Renju Unit, Slovenja, Slovakkja, Spanja, Svezja, Ungerija, Bulgarija u Rumanija. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li

  • L-Awstrija se tkun rappreżenata minn String Ensemble
  • Il-Belġju minn Alexandre Cavalière et Jazzy strings, jazz group
  • Ċipru bi grupp folkloristiku
  • Id-Danimarka se tkun rappreżentata minn ‘Duo Violinist + Guitarist’
  • L-Estonja minn mużiċisti folk
  • Il-Finlandja minn Jazz Trio Tözkeät
  • Franza minn street performers
  • Il-Ġermanja miż-żeffiena ta’ Volkstanzkreis Deutsch Evern u minn Big Band ta’ 25 membru
  • L-Irlanda bil-grupp Barcofolk singers
  • L-Italja bil-“Cantado l’Italia” Concert u mill-Sicilian Exotic Costumes  ta’ 72 persuna
  • Il-Litwanja bil-Folk Group DUJA
  • Il-Polonja bir-Rock Group Voo Voo
  • Il-Portugal b’wirja ta’ kant tradizzjonali mill-Fado
  • Ir-Renju Unit bil-Chipoltas Group ta’ street performers
  • Is-Slovenja biż-żeffiena folk The Serpentes
  • Is-Slovakkja bi street performer
  • Spanja bi street performers
  • L-Isvezja bill-buffi “Cirque Cirkors” u wirja
  • L-Ungerija bil-Gipsy Orchestra – Rajko
  • Il-Bulgarija bi grupp ta’ żeffiena folk - Varna
  • Ir-Rumanija bi grupp ta’ żeffiena folk – Rustic
  • Ir-Repubblika Ceka u l-Olanda se jkollhom stand.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li fis-sebat ijiem ta’ bejn it-2 u t-8 ta’ Mejju,  il-Villaġġ Ewropew se jkun miftuħ filgħodu u filgħaxija biex hekk kulħadd ikun jista’ jżuru u jipparteċipa fiċ-ċelebrazzjonijiet organizzati f’pajjiżna. Hu qal li dawn il-preżentazzjonijiet huma prova ċara kemm l-Unjoni Ewropea mhux biss temmen fid-diversitajiet tal-kultura tal-pajjiżi membri, iżda tinkoraġġihom biex jippromwovu b’kull mezz dawn il-kulturi fost il-25 pajjiż membru ta’ l-UE. 

Il-Ministru Francis Zammit Dimech irringrazzja lill-Kumitat Organizattiv taċ-Ċelebrazzjonijiet għas-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Hu qal li b’mod speċjali xtaq jirringrazzja lil Charles Galea li kien jirrappreżenta lill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin u Promozzjoni ta’ l-Investiment għall-ħidma tiegħu biex seta’ jkollna din ir-rappreżentanza kollha minn pajjiżi Ewropej. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li ċ-ċelebrazzjonijiet se jilħqu l-qofol tagħhom għada madwar il-Port il-Kbir, fejn se jkun hemm festa tal-poplu b’erba’ palkijiet u diversi stands ta’ l-ikel. Hu qal li fuq il-palkijiet fuq kull naħa tal-Port il-Kbir, se jagħtu rappreżentazzjonijiet artisti li bejniethom jiġbru l-aqwa talent ta’ dawn il-gżejjer. Francis Zammit Dimech qal li fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi se jittella’ kunċert mill-kantanti liriċi Miriam Gauci u Joseph Calleja, li se jkantaw flimkien għall-ewwel darba u li se jkunu akkumpanjati mill-Orkestra Nazzjonali taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Michael Laus. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li mad-dawra tal-Port il-kbir hija mistenija folla ta’ madwar 80,000 li se tiċċelebra flimkien f’festa popolari dan il-jum hekk importanti fl-istorja ta’ pajjiżna. Hu qal li dawn il-festi jiġu fil-qofol tagħhom b’video projection li se tittella’ taħt id-direzzjoni ta’ Ross Ashton, li permezz tat-teknoloġiji tiegħu tal-proġettazzjoni u sensiela ta’ graphic manipulations, se jipproġetta fuq is-swar ta’ Sant’Anġlu xeni li jirrappreżentaw l-aħjar kultura Maltija Ewropea u Mediterranja u ikoni ta’ avvenimenti storiċi. F’nofs il-lejl jittella’ il-monument tad-dawl mill-artist ta’ fama internazzjonali, Gert Hof fuq il-Forti Sant’Anġlu. Dan ikun akkumpanjat mill-mużika ta’ Roger Waters. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, li se jibqghu sejrin  sad-9 ta’ Mejju, se jkomplu joħorġu t-talent Malti u l-vokazzjoni Ewropea ta’ poplu Malti  li tul l-aħħar 40 sena ħadem bla heda biex isib il-post xieraq tiegħu fl-Ewropa. Hu qal li wara din il-maratona twila, xieraq li l-poplu jiċċelebra u juru lill-Ewropa u lid-dinja, l-ferħ tiegħu li se jissieħeb fl-Unjoni Ewropea ta’ 25 nazzjon sovran.

DOI - 29.04.2004

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow