INTERESS KBIR MILL-ISKEJJEL GĦALL-INIZJATTIVA EKOSKOLA
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea dalghodu attenda ghall-ftuh ta’ seminar ta’ ġurnata, organizzat għall-iskejjel kollha li din is-sena wrew interess fl-inizjattiva EkoSkola.
L-inizjattiva li kienet ippruvata b’suċċess f’sitt skejjel matul is-sena skolastika li għaddiet, tħeġġeġ lill-iskejjel jagħmlu evalwazzjoni tal-livelli ambjentali ta’ l-iskola u jistabbilixxu miri li l-għalliema u tfal iridu jaħdmu biex jiksbu. Din l-inizjattiva, filwaqt li tgħin biex jitjiebu l-ambjent ta’ l-iskejjel tagħna u tal-pajjiż, jrawwmu fit-tfal imħabba u rispett lejn l-ambjent li fil-futur jiswa għall-pajjiż li jgħixu fih.
L-iniżjattiva bdiet f’sitt skejjel fis-sena skolastika 2002-3; u din is-sena aktar minn 65 skola wrew interess li jipparteċipaw f’din l-inizjattiva. In-Nature Trust ta’ Malta li qed tieħu ħsieb din l-inizjattiva, iffurmat ‘steering committee’ li hu magħmul minn rappreżentanti tan-Nature Trust, tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u tal-MEPA.
Bl-iskop li l-iskejjel ikunu aktar infurmati dwar l-inizjattiva u dwar kif għandhom jipparteċipaw f’dal-programm, ġie organizzat seminar li għalieħ attendew ftit aktar minn 100 għalliem u kap ta’ skola li qed jirrappreżentaw il-65 skola minn Malta u Għawdex, kemm ta’ l-istat kif ukoll privati u tal-Knisja.
Dawk l-iskejjel li jilħu l-miri stabbiliti jingħataw rikonoxximent mill-Foundation for Environmental Education (FEE), l-organizzazjoni internazzjonali li tikkoordina din l-inizjattiva fid-diversi pajjiżi ta’ l-Ewropa. Kemm f’pajjiżna kif ukoll f’pajjiżi oħra Ewropej, l-iskejjel ħadmu biex jitnaqqas l-iskart li jiġi iġġenerat fl-iskola kif ukoll biex riżorsi bħad-dawl u l-ilma jintużaw aħjar u b’anqas ħela.
Il-Ministru Louis Galea qal li anke fil-qasam tal-ħarsien ta’ l-ambjent, element ewlieni biex naslu hu: l-edukazzjoni. Hu qal li l-iskejjel tagħna jridu jkunu l-ewwel eżempju ta’ kif wieħed għandu juża l-enerġija u r-riżorsi li għandna bl-aħjar mod u b’mod li nnaqqsu kemm jista jkun l-impatt ambjentali. Il-Ministru qal li l-esperjenza tas-sena li għaddiet kienet waħda pożittiva ħafna speċjalment għal dawk l-iskejjel u l-istudenti li pparteċipaw. Hu qal li l-interess qawwi li qed juru l-iskejjel din is-sena juri li hemm rieda kollettiva favur l-ambjent u dan jawgura tajjeb għall-futur ta’ pajjiżna.
Il-Ministru qal li l-EkoSkola toħloq responsabbilta’ fost l-istudenti biex din l-esperjenza tkun tista tiġi estiza fuq livell lokali u fil-komunitajiet li jgħixu fihom, biex ikompli jittejjeb il-livell ta’ għajxien, skond kif imfassal mill-Unjoni Ewropea taħt l-Aġenda 21.
‘Biex dan jintlaħaq hemm bżonn bidla fil-kultura tagħna u l-iskejjel huma l-ewwel pass biex nagħmlu dan’, kompla jghid il-Ministru. Hu qal li pajjiżna għaddej minn żmien ta’ tibdil kbir u bħala pajjiż irridu niddeċiedu fejn irridu mmorru. Jekk pajjiżna jrid ikompli jiġbed lejħ investiment u turiżmu, u jkompli jgawdi minn dawn l-industriji, rridu naraw liema huma dawk l-oqsma li għalihom irridu nissieltu biex nattiraw il-ġid lejn pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en