TINFETAĦ TRUNK ROAD ĠDIDA BĦALA PARTI MILL-PROĠETT GĦAR-RIĠENERAZZJONI TAX-XATT TAL-BELT
TINFETAĦ TRUNK ROAD ĠDIDA BĦALA PARTI MILL-PROĠETT GĦAR-RIĠENERAZZJONI TAX-XATT TAL-BELT
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett illum wara nofsinhar inawgura triq ġdida li nbniet mill-kumpannija VISET bħala parti mill-proġett għar-Riġenerazzjoni tax-Xatt tal-Belt.
Waqt li kien qed jindirizza lill-membri tal-media, il-Ministru Mugliett faħħar lill-VISET għal-livell għoli li ntlaħaq fil-kostruzzjoni tat-triq. Hu nnota b’sodisfazzjon li x-xogħol fuq it-triq sar mingħajr ma nħoloq inkonvenjent għas-sewwieqa minkejja li l-iżvilupp kien jinkludi xogħol estensiv biex jiġu mgħoddija servizzi biex jaqdu kemm il-proġett kif ukoll il-Belt Valletta. Hu semma wkoll li x-xogħol kollu fuq it-triq tlesta f’seba’ xhur biss.
“Il-bini ta’din it-triq kienet żvilupp kruċjali biex ikun jista’ jitħaffef ix-xogħol biex ix-xatt tal-Belt jinbidel f’żona pubblika għar-rikreazzjoni. Issa li tlestiet it-triq u t-traffiku jibda’ jgħaddi minn taħt is-swar u wara l-Imħażen ta’ Pinto, il-proġett ser jjibda jieħu s-sura tiegħu,” qal il-Ministru Mugliett.
Hu semma wkoll l-importanza ta’ l-iżvilupp taż-żoni pubbliċi f’kull proġett ta’ riġenerazzjoni.
“Aktar ma javvanza l-proġett, aktar l-aspett ta’ riġenerazzjoni qiegħed jidher. Dan jikkonferma l-għaqal tal-Gvern li qiegħed iħares lejn dawn il-proġetti bħala mezz ta’ kif ikattar l-investiment.
“Wara li tlesta r-restawr tal-faċċati tal-imħażen ta’ Pinto ftit xhur ilu, issa tlestiet parti tal-proġett li ser tkun parti mill-infrastruttura pubblika. Ix-xogħol li qiegħed isir fuq il-mollijiet ser isebbaħ id-dehra ġenerali ta’ dawn l-inħawi li b’hekk għandhom isiru attrazzjoni pubblika. Iż-żieda fl-użu tal-inħawi flimkien mat-titjib fl-infrastruttura u fl-ambjent huma element essenzjali ta’ kull proġett ta’ riġenerazzjoni,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.
Il-bini tat-triq fix-xatt ta’ Pinto sewa’ madwar Lm350,000. L-iżvilupp tat-triq kien jinkludi wkoll it-tħaffir ta’ mina li minnha ser ssir id-distribuzzjoni tas-servizzi għall-partijiet differenti tal-proġett, kif ukoll cables tal-high tension tal-Enemalta ġodda miċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid tal-Marsa. Dawn huma intiżi biex isaħħu d-distribuzzjoni tal-elettriku fil-Belt Valletta.
It-triq ġdida kienet iddiżinjata b’tali mod biex ma jkollha l-ebda impatt fuq l-istruttura tas-swar tal-Furjana u l-Belt, kif ukoll biex isservi bħala traffic calming zone għat-traffiku li jkun dieħel fil-belt kapitali. It-triq hija twila 470 metru.
Wara l-konferenza ta’ l-aħbarijiet, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq żar ix-xogħlijiet l-oħra li qed isiru fuq l-iżvilupp tal-Valletta Waterfront. Bħal issa qed isir xogħol fuq it-tħaffir tal-laguna li set tiġi żviluppata matul ix-xatt u t-tkomplija tar-restawr tal-imħażen li ser jintużaw bħala bini għall-amminstrazzjoni u ħwienet. Għaddej ukoll xogħol intensiv fuq binja li ser tkun qed tintuża bħala uffiċini għall-Awtorita Marittima ta’ Malta filwaqt li dalwaqt ser jitlesta x-xogħol ta’ titjib tal-faċilitajiet ta’ trasbord fis-Sea Passenger Terminal eżistenti.
DOI -28.04.2004
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en