Left arrow Mur Lura

DISKORS TA’ L-ONOR GIOVANNA DEBONO, MINISTRU GĦAL GĦAWDEX WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-WIRJA “PERSONALITAJIET FUQ BOLLI MALTIN” - MUŻEW TA’ L-ARKEOLOĠIJA, GĦAWDEX - 27 T’APRIL 2004

PR640
Date Icon 27/04/2004

DISKORS TA’ L-ONOR GIOVANNA DEBONO, MINISTRU GĦAL GĦAWDEX WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-WIRJA “PERSONALITAJIET FUQ BOLLI MALTIN” - MUŻEW TA’ L-ARKEOLOĠIJA, GĦAWDEX - 27 T’APRIL 2004

Qegħdin f’nofs il-ġimgħa ta’ attivitajiet li qegħdin jiġu organizzati fil-ġżejjer tagħna biex niċċelebraw kif jixraq u b’mod dinjituż, id-dħul ta’ pajjiżna bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea.

Qegħdin ngħixu moment storiku, meta pajjiżna, għalkemm żgħir fid-daqs, qiegħed jissieħeb flimkien ma’ għadd ta’ pajjiżi oħra ma’ unjoni ta’ Pajjiżi Ewropej li għarfu li fil-għaqda hemm is-saħħa biex jegħlbu d-diffikultajiet li l-pajjiżi jħabbtu wiċċhom magħhom individwalment. Għaqda li ser tagħti dimensjoni ġdida lil pajjiżna biex iħares ‘l quddiem b’determinazzjoni għal żviluppi kbar f’kull qasam tal-ħajja.

Iltqajna proprju dalgħodu, fil-Mużew ta’ l-Arkeoloġija ta’ Għawdex fiċ-Ċittadella biex ninawguraw wirja oħra fis-sensiela ta’ wirjiet organizzati minn Heritage Malta biex ifakkar dan l-avveniment storiku.

Il-wirja tiffoka fuq personalitajiet li minħabba l-kontribut tagħhom fid-diversi aspetti tal-ħajja, immeritaw li jingħataw għarfien minn pajjiżna billi jiġu mfakkra permezz tal-bolli. Il-parti l-kbira tal-personalitajiet f’din il-wirja għandhom rabta mill-qrib ma’ l-istorja ta’ pajjiżna u taw kontribut siewi biex fasslu u bnew l-identita’ distinta tagħna li tagħmilna pajjiż Sovran differenti mill-pajjiżi l-oħra kollha.

Meta nħarsu lura lejn l-istorja ta’ pajjiżna, ninnutaw b’sodisfazzjon li kien hemm għadd ta’ personalitajiet li ddistingwew ruħhom fil-qasam partikulari tagħhom u għamlu isem għalihom infushom u għal pajjiżhom. Kienu dawn il-persuni li għenu biex tinkiseb din l-identita’ li tagħmilna poplu Malti u Għawdxi. Kien għalhekk ħsieb tajjeb u mument opportun li l-pajjiż jerġa’ jagħti ġieħ lil dawn il-personalitajiet permezz ta’ din il-wirja.

Minħabba n-natura tagħha, din il-wirja ma’ tinkludix dawk il-personalitajiet kollha li ġew imfakkra permezz tal-bolli, iżda biss dawk li għalihom sar xogħol artistiku minn artisti magħrufa biex setgħet tiġi prodotta l-bolla. Hemm individwi oħrajn li taw kontribut kbir lil pajjiżna li m’humiex inklużi f’din il-wirja, kemm minħabba li dan l-aħħar ix-xogħol artistiku tal-bolli beda jsir permezz tal-computer kif ukoll għax għad hemm għadd ta’ personalitajiet li għalkemm jimmeritaw, għadhom qatt ma ġew imfakkra permezz ta’ bolla.

F’din il-wirja naraw ukoll numru ta’ personaltajiet oħra li għalkemm mhux Maltin, għenu biex titfassal kultura usa, kultura Ewropea, li minnha wkoll għandna sehem mhux żgħir.

Il-Wirja qegħdha tinżamm fil-Mużew ta’ l-Arkeoloġija u fil-Ħabs il-Qadim, u dan huwa fatt sinifikattiv, għaliex propju dan il-Mużew li jiġbor fih it-teżori arkeoloġiċi tal-gżira ta’ Għawdex ser ikun wieħed mill-ewwel postijiet f’Għawdex li ser jibbenefika mill-fondi strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, il-Ministeru għal Għawdex issottometta applikazzjoni għall-fondi biex jinxtraw vetrini apposta biex fihom ikunu jistgħu jiġu esibiti b’mod permanenti f’Għawdex teżori arkeoloġiċi li nstabu fiċ-Cirku tax-Xagħra xi snin ilu. Dan il-proġett, li qiegħed jinħadem flimkien ma’ Heritage Malta, ser jagħti l-opportunita’ biex dawn it-teżori jkunu jistgħu jiġu esibiti f’Għawdex b’mod żgur u li ma jagħmilx ħsara lil dawn l-oġġetti.

Hawn inħossni fid-dover nirringrazzja lil-Heritage Malta li fil-lista ta’ wirjiet ppjanati biex ifakkru d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għoġobhom jallokaw żewġ wirjiet prestiġjużi għal Għawdex. Dan huwa mod ieħor ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex u Heritage Malta li qegħdin naħdmu flimkien fuq diversi inizjattivi biex inġibu ‘l quddiem il-wirt storiku tal-gżira. Huwa pjaċir tiegħi ukoll li nhar il-Ħamis filgħodu ser ninawgura wirja oħra, din id-darba fis-sala tal-Ministeru għal Għawdex, imtella’ wkoll mill-Heritage Malta flimkien mal-Fondazzjoni Patrimonju Malti dwar wirjiet u pubblikazzjonijiet ta’ l-istess Fondazzjoni.

Nirringrazzja wkoll lil Maltapost, li għall-ewwel darba, sa fejn naf jien, qegħdha tagħtina l-opportunita’ li naraw u napprezzaw ix-xogħol ta’ diversi artisti magħrufin fil-proċess biex tiġi prodotta il-bolla.

Minbarra l-attivtajiet uffiċċjali li ser isiru f’Malta nhar il-Ġimgħa filgħaxija, f’Għawdex ukoll ser ikun hawn program varjat ta’ attivitajiet li ser isir nhar is-Sibt filgħaxija fi Triq ir-Repubblika u Pjazza Indipendenza li ser ifakkar dan il-mument storiku. F’dan il-programm ser jieħdu sehem madwar elf ruħ u sejrin nagħmlu ħilitna biex dan l-avveniment jibqa’ mfakkar.

Inrodd ħajr għal darb’oħra lil Heritage Malta li organizzat din il-wirja u nistedinkom ilkoll biex tingħaqdu magħna fl-attivitajiet li għandna ppjanati f’dawn il-granet.

DOI – 27.04.2004

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow