RWOL IMPORTANTI TAL-KUNSILL MALTI GĦALL-KULTURA U L-ARTI FIĊ-ĊELEBRAZZJONIJIET TAS-SĦUBIJA TA’ MALTA FL-UNJONI EWROPEA
RWOL IMPORTANTI TAL-KUNSILL MALTI GĦALL-KULTURA U L-ARTI FIĊ-ĊELEBRAZZJONIJIET TAS-SĦUBIJA TA’ MALTA FL-UNJONI EWROPEA
Meta kien qed ikellem lir-rapprezentanti tal-media, dwar ic-celebrazzjonijiet li qed isiru fl-okkazjoni tas-Shubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech qal li sehem il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti flimkien mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni ta’ l-Investiment, fiċ-ċelebrazzjonijiet tas-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kien wieħed attiv u kien jirrifletti r-rwol importanti li l-Kunsill u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kellu fil-promozzjoni tal-kultura u l-arti li l-Unjoni Ewropea kienet tgħin b’kull mod.
Francis Zammit Dimech qal li l-Kunsill flimkien mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kien responsabbli għall-arranġamenti loġistiċi, biex jittellgħu u jiġu armati diversi palkijiet u għat-tiżjin ta’ toroq fil-belt Valletta u l-Furjana. Hu qal li nhar il-Ħamis, 29 ta’ April fil-Parroċċa ta’ San Ġiljan, il-Kunsill Lokali b’kollaborazzjoni mal-Chorus Sancti Juliani, se jtella’ kunċert għall-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet b’selezzjonijiet minn Charles Camilleri, Benigno Zerafa, Giovanni Galea, Giuseppe Fenech, Leo Hassler, Kroenen, Giuseppi Verdi, Benjamin Britten, John Rutter, Lloyd Weber, Mozart u Gabriel Faure. Il-kunċert se jsir taħt id-direzzjoni ta’ Lino Attard, filwaqt li Dr Hugo Agius Muscat se jkun fuq l-orgni.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti kien ukoll responsabbli biex jagħti pariri, jibgħat mużika u poeżiji u jgħin biex jintbagħtu artisti fi Stati Membri ta’ l-UE, kif ukoll lil dawk li kienu se jissieħbu. Hu qal li l-Kunsill kien qed jghin ukoll numru ta’ artisti u esperti kulturali biex jieħdu sehem f’ċelebrazzjonijiet f’pajjiżi membri u pajjiżi li se jissieħbu. Lista ta’ l-għaxar pajjiżi fejn qed jintbagħtu artisti u esperti, kif ukoll ta’ l-istess artisti u esperti, ingħatat lill-istampa.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech fakkar li:
· Il-lejla kien se jsir kunċert vokali u stumentali fit-Teatru Manoel taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta. Dan il-kunċert kien se jittella’ bil-parteċipazzjoni ta’ l-Orkestra Nazzjonali taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Brian Schembri u bil-parteċipazzjoni tat-Tenur Joseph Calleja.
· Għada, fis-Salon tal-Mużew ta’ l-Arkeoloġija fil-belt Valletta, se tiġi inawgurata mill-President ta’ Malta, l-wirja bit-tema “Roots of the Maltese Nation”.
· Nhar il-Ħamis, fil-Parlament, se tiġi organizzata Mini European Assembly mill-NSTF li se tkun preseduta mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati l-Onor Anton Tabone. Se jsir indirizz mill-Kummissarju Ewropew ghall-Iżvilupp u Għajnuna Umanitarja, Paul Nielsen, u preżentazzjoni ta’ rigali u premjijiet. Wara jindirizza l-Assemblea l-President ta’ Malta, l-E.T. Dr Eddie Fenech-Adami.
Fil-Ferries, tas-Sliema, il-Pop Group tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, se tagħti wirja ta’ mużika klassika u pop. Din il-wirja, li se jipparteċipaw fiha numru ta’ kantanti, qed isir taħt l-awspiċju tal-Kunsill Lokali Sliema.
Fil-Katidral Anglikan ta’ San Pawl fil-belt Valletta, se jsir Kunċert għall-Orgni u Improviżazzjoni Korali minn Herr Werner Utmelleki, organista ta’ fama u choir leader tal-Knisja ta’ San Pietru u San Pawl f’Dieburg, il-Ġermanja.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li ried jirringrazzja lill-Professur Joe Friggieri, lil Josef Camilleri u lil Dr Paul Mifsud li kienu jirrappreżentaw lill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti fil-Kumitat Organizattiv taċ-Ċelebrazzjonijiet għas-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kif ukoll lil Charles Galea mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni ta’ l-Investiment . Hu qal li kien jemmen li l-kultura u l-arti kellhom, bir-raġun kollu, jkollhom parti determinanti f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet għaliex kienu l-kultura u l-arti li jagħżluna minn kull nazzjon ieħor u jagħtuna l-identita’ tagħna.
DOI - 27.04.2004
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en