IL-KUMPANIJA INTERPRINT TISTA’ TFALLI FI ŻMIEN ĦDAX-IL XAHAR. TITTERMINA L-IMPJIEG TA’ 15-IL ĦADDIEM
Il-Bord tad-Diretturi ta’ l-Interprint Ltd informa lill-Ministru għat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-Investiment li biex jissalvagwardja il-futur tagħha, il-kumpanija ser ittemm l-impjieg ta’ 15-il ħaddiem tagħha b’effett immedjat.
L-Interprint twaqqfet fl-1963 u l-attività ewlenija tagħha hija l-istampar u l-legar tal-kotba primarjament għas-suq internazzjonali u sekondarjament għas-suq lokali. Għal numru ta’ snin il-kumpannija ma’ kienetx qed tirreġistra biż-żejjed bejgħ biex tkopri l-ispejjeż dejjem jikbru tagħha. Minħabba dan, il-kumpannija tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja inkwetanti. Il-Gvern hu l-uniku azzjonist ta’ din il-kumpanija u m’hemm ebda dubju li l-Interprint m’hix xi kumpanija li tista’ titqies strateġika għall-interess nazzjonali.
Fis-sena finanzjarja li ntemmet f’Settembru 2003, il-kumpanija għamlet telf ta’ Lm102,000. Fl-istess sena, l-ispiża tal-kumpannija għall-51 impjegat tagħha (pagi u sigurtà soċjali) kienet ta’ Lm529,000, li tammonta għal 52% tal-bejgħ kollu ġenerat mill-kumpanija.
Il-Gvern għandu share capital ta’ Lm600,000 investit fil-kumpanija, li fl-aħħar ta’ l-istess sena niżel għal Lm239,000 bħala riżultat ta’ Lm361,000 f’telf akkumulat mill-kumpanija. F’Settembru 2003, il-kumpannija kellha wkoll kredituri (dejn) ta’ Lm829,000, li jew huma dovuti lill-Gvern jew il-Gvern (permezz tal-MIMCOL) qiegħed jagħmel tajjeb għal dan id-dejn. F’dan il-kuntest, il-Ministeru għat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-Investiment kien beda eżerċizzju ta’ monitoring kontinwu fuq l-operat tal-kumpanija bil-għan li jiddetermina t-triq li l-kumpanija kellha taqbad fis-snin li ġejjin.
Fil-proċess ta’ dan il-monitoring, irriżulta li minkejja kontroll sħiħ fuq kull forma ta’ spiża diskrezzjonarja, ir-riżultati tal-kumpannija baqgħu sejrin għall-agħar, primarjament minħabba tliet raġunijiet:
- Is-slowdown ekonomiku fis-suq ta’ l-istampar Ewropew;
- L-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda li jnaqqsu l-bżonn ta’ riżorsi umani (u b’hekk ukoll l-ispiża u l-prezz) minn kompetituri ta’ l-Interprint (fil-kamp internazzjonali);
- L-ispiża fir-riżorsi umani kienet qed timmina l-kompettività tal-kumpanija;
Fil-fatt, fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena finanzjarja, filwaqt li l-kumpannija kellha problemi serji ta’ cashflow, irreġistrat ukoll telf ta’ Lm65,300, li żied it-telf akkumulat għal Lm426,000 u naqqar il-valur tal-kapital investit mill-fondi pubbliċi għal Lm174,000. Fil-prattika din ir-rata ta’ telf tfisser li sa l-aħħar ta’ din is-sena finanzjarja l-kumpanija tkun akkumulat telf ta’ Lm519,000 u l-valur tagħha jkun niżel għal Lm81,000, li jfisser li f’Marzu 2005, id-Diretturi tal-kumpanija – skond il-liġi – ma jkollhomx triq oħra ħlief li jiddikjaraw falliment.
Il-Ministeru jfakkar ukoll illi s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija għandha effett ukoll fuq il-prospetti tagħha li tirbaħ tenders kompettitivi internazzjonali, minħabba li f’dawn it-tenders il-kumpanniji interessati jkunu rikjesti li jgħaddu rendikont tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom biex jiżguraw il-ħila tagħhom li jwettqu x-xogħol rikjest minnhom. Minħabba dawn ir-raġunijiet, l-istatus quo ma’ kienx fuq l-aġenda tal-Gvern (bħala l-uniku azzjonist tal-kumpannija) u, f’dan il-kuntest, il-Ministeru kellu quddiemu erba’ għażlietstrateġiċi minn x’hiex jagħżel:
- Tingħalaq il-kumpannija, jitkeċċew il-ħaddiema kollha u tmur għal proċess ta’ likwidazzjoni;
- Tiddiversifika l-operat tal-kumpannija biex tibda’ tikkompeti ma’ l-industrija lokali privata ta’ l-istampar;
- Ristrutturar tal-kumpannija, f’organizzazzjoni aktar kompettitiva bil-għan li żżomm u potenzjalment tkattar il-klijentela internazzjonali tagħha;
- Privatizzazzjoni tal-kumpanija.
Fil-passat kienu diġà saru diversi tentattivi biex il-kumpannija jinstgħabula sidien privati, liema tentattivi ma ħallew ebda frott, primarjament minħabba l-kundizzjonijiet restrittivi li hemm ingranati fil-ftehim kollettiv li hemm bejn il-kumpannija u l-General Workers’ Union. Fid-dawl tal-politika tiegħu li ma jieħux post l-inizjattiva u l-investiment privat kif ukoll minhabba li s-settur ta’ l-istampar Malti jimpjega mijiet ta’ ħaddiema, il-Gvern iddeċieda wkoll li m’għandux jiddiversifika l-operat ta’ l-Interprint biex tibda’ tuża finanzjament pubbliku biex tikkompeti mas-settur privat.
Kien f’dan l-isfond kollu li l-Gvern, wara li evalwa l-implikazzjonijiet ta’ l-erba’ għażliet iddeċieda li jirristrutura l-kumpannija bil-għan li jipprova jsaħħaħ il-kompettitività taghha. Dan ir-ristrutturar ġab miegħu l-bzonn li jiġi tterminat l-impjieg ta’ 15-il ħaddiem minn mal-kumpannija.
Fil-fatt, f’dawn l-aħħar ġimgħat, il-kumpanija kienet f’konsultazzjoni mal-General Workers’ Union u fil-bidu ta’ dan ix-xahar infurmat lill-union u lill-ħadddiema li kienet ser tipproċedi biex ittemm dawn il-15-il impjieg. Qabel ma ttieħed dan il-pass, il-kumpanija offriet lill-ħaddiema skemi għall-irtirar volontarju mix-xogħol iżda il-konkorrenza għal dawn l-iskemi kienet żgħira ħafna u ġejja minn ħaddiema li jaħdmu f’taqsimiet li ma kienx fl-interess strateġiku tal-kumpanija li l-impjegati tagħhom jitħallew jirtiraw. Konsegwentement, illum, il-General Manager ta’ l-Interprint ikkomunika uffiċjalment din id-deċiżjoni lill-ħaddiema konċernati. Permezz ta’ dan il-pass, il-kumpanija ser tkun tista’ ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u b’hekk jitħarsu kemm jista’ jkun kemm is-swieq preżenti tagħha kif ukoll l-impjiegi tal-35 ħaddiem l-ieħor li fadlilha l-kumpanija.
Tajjeb li jingħad ukoll illi b’dan il-pass ma ġiex awtomatikament assigurat il-futur tal-kumpanija ghaliex kemm il-darba l-kumpanija ma terġax lura għat-triq ta’ profittabilità, l-falliment ikun inevitabbli.
L-Interprint hija eżempju ieħor ta’ kemm id-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu fl-organizzazzjonijiet kummerċjali, kemm pubbliċi kif ukoll privati, iridu jsiru fil-kuntest kollu ta’ l-organizzazzjoni u l-ambjent estern tagħhom. Dan jgħodd b’mod partikolari għhal dawk il-kumpanniji illi – bħall-Interprint – l-andament tagħhom m’huwiex biss iddettat minn dak li jiġri fis-suq lokali iżda wkoll fis-swieq internazzjonali. L-impatt reali tal-globalizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ teknologiji moderni li jibdel il-mudell ta’ kif wiehed jopera u kemm jimpjega ħaddiema huma żewġ prinċipji essenzjali li jekk irridu nixprunaw il–kompettitività iridu nkunu ngħarfu nifhmuhom.
DOI – 22.04.2004
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en