Left arrow Mur Lura

IL-QAGĦDA FIS-SETTUR TURISTIKU: PROSPETTI GĦAL DIN IS-SENA

PR59
Date Icon 21/01/2004

Waqt konferenza stampa bis-suggett “Il-qaghda fis-settur turistiku  - prospetti ghal din is-sena”, il-Ministru għat-Turiżmu, l-Onor. Francis Zammit Dimech qal li s-sena li għaddiet kienet sena oħra ta’ taqlib għas-settur turistiku internazzjonali. Kif kien mistenni, f’dinja globalizzata, dan kellu effett fuq it-turiżmu lokali.  

Skond il-WTO World Tourism Barometer tad-29 ta’ Ottubru 2003, filwaqt li  ħafna destinazzjonijiet kienu qed juru sinjali li qed jirkupraw,  kellu jgħaddi xi żmien biex nagħmlu tajjeb għall-ħsara kaġunata mill-gwerra fl-Iraq u mis-SARS. Jirriżulta li filwaqt li matul is-sena li għaddiet, it-turiżmu internazzjonali naqas b’1.7 fil-mija, f’Malta t-tnaqqis kien ta’ 0.64 fil-mija.  

Francis Zammit Dimech  qal li  matul Diċembru 2003 in-numru ta’ turisti li żaru Malta kien ta’ 54,680 jew 399 inqas minn Diċembru 2002, meta żaru Malta 55,079 turist. Fl-2003 żaru Malta 1,126,601 turist, jew 7,213-il turist anqas mill-2002 meta żaru Malta 1,133,814 turist.

Fl-2003 naqqasna 0.64 fil-mija tat-turisti fuq in-numru li żaruna fl-2002. Fl-2002 żaru Malta 3.9 fil-mija inqas turisti mill-2001, filwaqt li fl-2001 żaru Malta 2.9 fil-mija inqas turisti milli ġew fl-2000.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li fl-ewwel ħdax il-xahar tal-2003 żaru Malta 437,366 turist mir-Renju Unit, żieda ta’ 16,337 turist.  Fl-istess perijodu t-turisti li żaru Malta mill-Ġermanja naqas b’16,634 jew 12.1 fil-mija. Mill-Italja naqsu 8,331 turist jew 8.7 fil-mija filwaqt li minn Franza naqsu 2,917 turist jew 3.8 fil-mija.  

Francis Zammit Dimech qal li fl-istess ħin, ċifri l-aktar riċenti għall-perijodu Jannar/Ottubru juru li

  • In-numru ta’ ljieli li t-turisti qattgħu f’Malta kien ta’ 9,994,482 – żieda ta’ 7.1 fil-mija fuq l-istess perijodu s-sena l-oħra.
  • It-turisti nefqu Lm396.2 miljun jew Lm16.4 miljun aktar – żieda  ta’ 4.3 fil-mija aktar.
  • It-turisti nefqu Lm177.7 minn ras għal ras – żieda ta’ Lm3.1 jew 1.8 fil-mija.

Il-Ministru għat-Turiżmu qal li fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra kien hemm “tliet żviluppi importanti:

  • Dietmer Gunz, flimkien ma’ azzjonisti oħra, xtara mill-ġdid l-ishma tal-FTI minn Airtours plc. Gunz li għandu fiduċja fis-suq Malti f’Diċembru li għadda nieda l-brochures tas-sajf tal-Frosch Touristik f’Malta fejn ġab 770 aġent ta’ l-ivvjaġġar mill-Ġermanja u l-Awstrja. Fil-bidu ta’ din is-sena l-FTI infurmatni  li l-bejgħ ta’ Malta għax-xitwa kien tjieb.
  • Wolfgang Beeser ix-xahar li għadda nħatar mill-ġdid Chairman tal-Management Board ta’ Thomas Cook. Beeser, li hu meqjus bħala ħabib ta’ Malta, hu wieħed mill-ftit nies li jistgħu jbiddlu il-qagħda ta’ Thomas Cook.
  • Hemm interess f’Malta minn Snowflake, low cost airline li qed tikkonsidera biex topera vjaġġi bl-iskeda minn Stokkolma u Copenhagen għal Malta.
  • Ninsab infurmat illi cruise liner li se jkun operat minn “My Travel” u li kellu jibda juża Malta bħala home port, iġifieri jitlaq u jispiċċa l-cruise tiegħu f’Malta, tant qed ikollu bookings minn turisti Ingliżi u Skandinavi, li minflok ma jibda dan is-servizz f’Mejju, se jibdih f’April.  Dan il-cruise liner iġorr aktar minn 1,000 passiggier.”

Francis Zammit Dimech qal li jekk inħarsu lejn l-impjiegi li huma direttament marbuta mas-settur turistiku, dawk fil-lukandi u l-istabbilimenti ta’ l-ikel, insibu li anke dawn baqgħu jiżdiedu.  

Fl-1997 kien hemm 8,988 jaħdmu f’dan is-settur. Fl-1998 in-numru ta’ ħaddiema f’dan is-settur kien niżel għal 8,814. Fl-1999 kien 9,132. Fl-2000 9,260, fl-2001 niżel għal 9,033, reġa’ niżel għal 8,969 fl-2002. Il-Ministru għat-Turiżmu qal iżda li l-aħħar ċifri li għandna, jiġifieri dawk ta’ Awissu 2003 juru li kien hemm 9,386 jaħdmu fil-lukandi u stabbilimenti ta’ l-ikel (a paragun ta’ 9,366 f’Awissu 2002).  

Hu fakkar li fi preżentazzjoni li għamel Rolf Freitag, Chief Executive Officer  ta’ l-IPK  Internationalf’Diċembru li għadda, Malta kellha l-aħjar riżultati għax-xitwa. Hu qal li fix-xitwa Malta kienet klassifikata fl-ewwel post b’35 fil-mija bħala perċentwali tat-total tal-vaganzi kollha li jsiru f’Malta. Dan ifisser li qed inqassmu ferm aħjar minn qabel it-turisti bejn staġun u ieħor. Warajha tiġi t-Tunesija bi 33 fil-mija, it-Turkija b’24 fil-mija, il-Majorca b’19 fil-mija u l-Greċja bi 13 fil-mija. Malta qiegħda imbagħad fl-ewwel post b’59 fil-mija fil-kategorija ta’ touring + city break. L-average tal-Mediterran  kollu hu 45 fil-mija. Dawn ukoll huma sinjali pożittivi għal Malta. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li kritika oħra li qed nisimgħu hi dwar lukandi li jagħlqu. Hu qal li bħal kull settur ieħor, f’ekonomija liberalizzata, hemm min jagħlaq u hemm min jiftaħ. Hemm min inaqqas u hemm min ikabbar. Hu qal li ħadd ma jieħu pjaċir li xi stabbiliment jagħlaq. Hu qal iżda li mhux il-lukandi kollha li jagħlqu,  jagħmlu dan għaliex ma jkunux sejrin tajjeb. Fakkar li hemm min jagħlaq għaliex iħoss li jekk jibdel il-proprjeta’ tiegħu  f’appartamenti jista’ jaqla’ aktar.  

Francis Zammit Dimech fakkar iżda li filwaqt li hemm xi ftit lukandi li għalqu - minn  informazzjoni li ngħata l-bieraħ, jirriżulta li hemm aktar minn 10 lukandi li jew qed jinbnew ġodda, jew li qed jitkabbru. Bejniethom dawn daħlu għal investiment ta’ Lm50 miljun. Francis Zammit Dimech qal li dawn ma jinkludux lukandi oħra li għandhom il-permessi meħtieġa mill-MEPA iżda li x-xogħol fuqhom għadu ma bediex. 

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li s-settur turistiku Malti hu intrinsikament marbut ma’ dak li jseħħ fl-Ewropa, minn fejn jiġu 90 fil-mija tat-turisti li jżuru Malta. Ċifri ppubblikati jindikaw li l-ekonomija Ġermaniża din is-sena se tikber b’1.5 fil-mija (2003 – zero growth), l-ekonomija Taljana se tikber 1.7 fil-mija (2003 – 0.4 fil-mija) u dik Franċiża bi tnejn fil-mija (2003 – 0.5 fil-mija). L-ekonomija Ingliża mistennija tikber bi 2.4 fil-mija din is-sena mqabbla ma’ 1.7 fil-mija fl-2003. 

Il-Ministru għat-Turiżmu qal li esperti fil-qasam turistiku qed ibassru żieda fit-turiżmu fl-Ewropa ta’ tlieta fil-mija matul din is-sena filwaqt li qed jistennew żieda fit-turiżmu internazzjonali ta’ madwar 8 fil-mija. L-indikazzjonijiet huma li s-settur turistiku f’Malta jibda jirpilja fit-tieni kwart ta’ din is-sena. Hu qal li jekk nieħu b’eżempju is-settur tal-konferenzi u inċentivi, jirriżulta li matul din is-sena se jkun hemm diversi kumpanniji mportanti u ta’ fama internazzjonali li għażlu Malta għall-konferenzi tagħhom. Hu qal li fost dawn hemm il-kumpaniji Aventis u Pfizer li se jġibu  madwar 1,000 delegat kull waħda u kumpaniji oħra ta’ fama,  fosthom Chanel. Hu qal li t-titjib previst  fis-settur turistiku jikko-inċidi mas-sħubija ta’ Malta fl-UE li, wara l-1 ta’ Mejju, se jkollha suq intern ta’ 450 miljun bil-linja ta’ l-ajru nazzjonali Air Malta f’pożizzjoni li tibda tieqaf f’ajruporti oħra fi triqtha lejn l-aħħar destinazzjonijiet. L-Air Malta diġa ħabbret li se tintroduċi non-frill flights minn Malta għal Londra u minn Sqallija għal Malta. 

Francis Zammit Dimech qal li s-settur turistiku kien wieħed dinamiku. Hu qal li jagħmel ħażin min ipinġi dan is-settur bħala li qiegħed f’tarf xi rdum. Min jitkellem b’dan il-mod, min joħloq pessimiżmu, ikun biss qed jagħmel ħsara lis-settur turistiku.  Hu qal li s-settur turistiku ħiereġ minn snin ta’ staġnar riżultat ta’ dak li kien seħħ fid-dinja.  

Il-Ministru għat-Turiżmu qal li ried jirringrazzja lill-istakeholders kollha marbuta ma’ dan is-settur. Fuq kollox ried jirringrazzja lil dawk l-imprendituri li baqgħu juru l-fiduċja tagħhom fit-turiżmu. Lil dawk li qed jibnu, jkabbru jew jimmodernizzaw il-lukandi b’investiment ta’ Lm50 miljun. Lil dawk il-konsorzja li b’investiment ta’ Lm140 miljun qed iwettqu l-proġetti tal-Kottonera, tal-Ponta ta’ Tigne u Manoel Island u tal-Cruise Liner Passenger Terminal. Hu qal li kien ċert li kieku nies bħal dawn ma kellhomx fiduċja fil-futur ta’ pajjiżna, dawn ma kienux jinvestu flushom fl-iżvilupp tas-settur turistiku. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow