“GĦANDNA BŻONN SERVIZZ PUBBLIKU EFFIĊJENTI LI JIPPERMETTI N-NEGOZJU JAĦDEM”
Din hija l-proposta ewlenija ta’ l-għaqdiet kummerċjali u ndustrijali li għandna f’pajjiżna.
Mill-kritika, issa dawn l-għaqdiet qed joffru l-proposti tagħhom li jinkludu:
· It-twaqqif ta’ l-uffiċċju għal Efficiency Review,
· Jitwaqqfu l-proċeduri ta’ l-Impact Assessment fuq deċiżjonijiet meħudha mid-Dipartimenti u Awtoritajiet.
· Ikun hemm aktar sinerġija bejn id-Dipartimenti u Awtoritajiet biex fid-deċiżjonijiet tagħhom ikunu aktar konxji mill-effett fuq livell nazzjonali tad-deċiżjonijiet li huma jieħdu ndividwalment.
· Aktar aċċessibilita’ fid-Dipartimenti u Awtoritajiet għal min huma jagħtu servizz.
· Benchmarks li jgħinu biex ikunu kkalkulati r-riżultati miksuba.
· Objettivi ċari li jkunu ppubblikati minn qabel, biex tkun magħrufa f’hiex ser tikkonsisti l-ħidma ta’ dawn id-Dipartimenti.
· Fid-deċiżjonijiet meħuda, d-Dipartimenti u l-Awtoritajiet għandhom ikun anqas burokratiċi.
Dawn il-proposti jidhru aktar fid-dettal f’dokument li llum ġie ppreżentat mill-għaqdiet tal-kummerċ u industrijali lill-Ministru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomici, l-Onor. John Dalli. Il-laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-Malta Chamber of Commerce and Enterprise, Malta Federation of Industry, General Retailers and Traders Union u l-Malta Institute of Management ġew ikkordinati mis-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru, l-Onor. Edwin Vassallo.
Dwar l-impenn lejn it-tisħiħ tal-konsultazzjoni, s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal illi: “Iċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żgħar ta’ l-Unjoni Ewropea jimpenja lil kull Gvern tal-pajjiżi msieħba biex jaċċertaw li jżommu konsultazzjoni mas-settur kummerċjali matul il-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet. Dan il-Ministeru qed iwettaq dan id-dmir u qed jara li s-settur kummerċjali, permezz ta’ l-għaqdiet tiegħu, ikollu l-opportunita’ kollha li jikkonsulta u jieħu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet.”
“Dan id-dmir wassal biex jiena mexxejt laqgħat ta’ konsultazzjoni li għalihom kienu mistiedna l-Malta Chamber of Commerce and Enterprise, l-Malta Federation of Industry, l-General Retailers and Traders Union u l-Malta Institute of Management, sabiex naċċerta li dawn l-għaqdiet li jirrapreżentaw is-settur kummerċjali u industrijali, jieħdu sehem f’eżerċizzju ta’ konsultazzjoni dwar il-White Paper għas-Servizz Pubbliku.”
Fi kliem is-Segretarju Parlamentari Vassallo, jidher ċar li huwa l-impenn tal-Gvern permezz tal-ħidma tal-Ministeru għall-Finanzi u l-Affarijiet Ekonomiċi li jara li mill-konsultazzjoni mas-settur kummerċjali u ndustrijali, naslu li ngħarrfu fejn qed ikun hemm il-burokrazija u hekk ikun jista’ jinħadem pjan dwar kif din il-burokrazija titneħħa. Din il-ħidma wasslet biex l-għaqdiet li ħadu sehem f’dan l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni offrew lill-Gvern il-proposti tagħhom dwar x’servizz pubbliku jixtiequ li jaħdmu miegħu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en